Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X’jagħmel il-Bank Ċentrali Ewropew u dan xi jfisser għalik

1 ta' Ġunju 2018 (aġġornat fit-30 ta' Jannar 2021)

Kburin li nagħqdu t-340 miljun Ewropew li jużaw l-euro kuljum

Bl-euro li għandek f’butek illum tixtri l-istess ammont għada kif tixtri bih illum. Tista’ toqgħod fuq il-bank tiegħek fi żminijiet tajbin u ħżiena Hawn 4000 ruħ naħdmu fil-BĊE biex niżguraw li t-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet tkun bla dubju iva!

Aħna qegħdin fi Frankfurt imma niġu mill-Ewropa kollha u nitkellmu 24 lingwa differenti. Naħdmu mill-qrib ukoll ma’ kollegi mill-bank ċentrali fil-pajjiż taż-żona tal-euro tiegħek. Aqra aktar biex tiskopri għaxar modi kif xogħolna jaffettwak.

Irriduk li tkun taf fejn twassal il-paga tiegħek. Jekk għandek poter tal-akkwist sod dan jgħin ukoll l-ekonomija u l-impjiegi

1. Aħna nħarsu l-valur tal-euro tiegħek

Ma rridux li l-pezzijiet jogħlew tant li flusek malajr jitilfu l-valur tagħhom. Lanqas ma rridu perjodu kontinwu ta’ prezzijiet li jaqgħu għaliex imbagħad in-nies idumu biex jixtru l-affarijiet u dan jista’ jmewwet l-ekonomija u jwassal għal telf ta’ impjiegi. Jekk inżommu l-prezzijiet stabbli, in-nies u l-impriżi jistgħu jippjannaw aħjar għall-futur.

2. Xogħolna jaffettwa l-ekonomija u l-impjiegi

Nużaw firxa ta’ għodod tal-politika monetarja biex iżommu il-prezzijiet stabbli. Dan, min-naħa tiegħu, jappoġġa l-ekonomija, l-impjiegi tan-nies u l-ħolqien tax-xogħol. L-għodod tagħna jinkludu l-iffissar ta’ rati ta’ mgħax ewlenin għall-ekonomija, self lill-banek biex jappoġġjaw il-fluss ta’ kreditu lill-unitajiet domestiċi u n-negozji, u xiri ta’ assi biex jgħinu l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament fil-partijiet kollha tal-ekonomija.

Aħna rriduk tfaddal u tinvesti b’kunfidenza, u għalhekk nissorveljaw il-banek u s-sistema finanzjarja

3. Aħna nissorveljaw il-bank tiegħek

Biex niżguraw li tista’ tpoġġi l-fiduċja tiegħek fil-banek fiż-żona tal-euro, mill-2014 ilna qed nissorveljaw kemm huma sodi u reżiljenti; jekk insibu xi kwistjonijiet, aħna neħtieġu li l-banek jikkorreġuhom. Filwaqt li aħna stess nissorveljaw il-banek il-kbar, għas-sorveljanza ta’ banek iżgħar naħdmu flimkien mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali.

4. Noqgħodu attenti dwar kemm hija stabbli s-sistema finanzjarja

... biex niżguraw li, anki fi żminijiet ta’ taqlib, in-nies jista’ jkollhom aċċess għall-kontijiet bankarji tagħhom, in-negozji jistgħu jagħmlu u jirċievu ħlasijiet, u l-investituri jistgħu jinnegozjaw. Sistema reżiljenti tista’ tiflaħ għax-xokkijiet mingħajr disturb kbir.

Aħna niżguraw li inti tkun tista’ tagħmel ħlasijiet b'mod sigur, kemm jekk bil-flus kontanti, bil-kards jew onlajn.

5. Aħna nagħmlu l-karti tal-flus tal-euro

Tagħraf karta tal-flus falza? Flimkien mad-19-il banek ċentrali nazzjonali, varajna sensiela ġdida ta’ karti tal-flus tal-euro f'dawn l-aħħar snin, b’karatteristiċi ta' sigurtà aġġornati li jagħmlu l-falsifikazzjoni ferm aktar diffiċli.

6. Aħna niżguraw li tkun tista’ tagħmel ħlasijiet elettroniċi b’mod sikur

Meta tagħmel ħlas f’euro bil-kard jew onlajn, aħna niżguraw li dan isir sewwa u b’mod effiċjenti, kemm jekk permezz ta’ sistemi tagħna jew sistemi li nissorveljaw. Is-sistemi tagħna huma fost dawk li jippermettu lill-banek jittrasferixxu flusek fl-UE kollha fi ftit sekondi.

Bi flusek fi ħsibijietna, aħna nħarsu lejn teknoloġija ġdida u ċibersigurtà

7. Aħna ninvestigaw l-kriptoassi u l-blockchain

Il-“kriptovaluti” kif jistgħu jaffettwaw lill-banek u lill-flusek? Kif jistgħu t-teknoloġiji ġodda li jaħdmu bihom, bħall-blockchain, itejbu l-mod kif aħna kollha nagħmlu l-pagamenti? Dawn huma affarijiet li qed iħarsu lejhom it-timijiet tal-innovazzjoni tagħna.

8. Aħna ngħinu biex il-bank tiegħek ikun ċiber-reżiljenti

Biex inżommu l-flus tiegħek siguri miċ-ċiberkriminalità aħna nġibu l-komunità finanzjarja flimkien biex nilqgħu għal kwalunkwe ċiber theddida. Dan jinkludi testijiet ta’ ċiber-reżiljenza bl-għajnuna ta’ “hackers etiċi”. Il-hackers jippruvaw jidħlu fis-sistemi tal-banek sabiex jidentifikaw xi nuqqasijiet.

Inti r-raġuni għaliex qegħdin hawnhekk. Naħdmu għalik

9. Aħna indipendenti sabiex inkunu nistgħu naġixxu fl-aħjar interessi tiegħek

L-indipendenza tagħna tfisser li ma nistgħux niġu influwenzati minn kunsiderazzjonijiet politiċi matul żmien qasir. Anzi aħna niffukaw fuq dak li huwa l-aħjar għall-ekonomija fuq medda medja ta’ żmien, sabiex in-nies li jgħixu fiż-żona tal-euro jistgħu jgawdu l-istabbiltà.

10. Aħna responsabbli lejk

Dak li nagħmlu jolqtok – il-miljuni ta’ nies u negozji fiż-żona tal-euro – u b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tiegħek biex tfaddal jew tinvesti, tissellef jew issellef. Għal din ir-raġuni aħna nagħmlu ħilitna biex nispjegawlek l-azzjonijiet tagħna u aħna legalment obbligati li nagħtu rendikont tagħhom quddiem ir-rappreżentanti eletti tiegħek fil-Parlament Ewropew.

Nafu li kultant hu diffiċli li jsir kuntatt magħna.

Iżda nixtiequ verament li nkunu nistgħu nitkellmu miegħek iżjed ta’ spiss. Din hi l-paġna għall-kuntatti magħna. Tista’ tikkommunika magħna wkoll permezz ta’ Twitter, LinkedIn u Instagram. Filwaqt li ċ-Ċentru tal-Viżitaturi tagħna fi Frankfurt bħalissa huwa magħluq minħabba l-koronavirus (COVID-19), tista’ tagħmel tour virtwali minn kullimkien fid-dinja!