Għażliet għat-Tiftix
Home Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika monetarja L-euro Pagamenti u swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA INTRODUTTORJA

KONFERENZA STAMPA

Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,

Frankfurt am Main, 21 ta’ Jannar 2021

Sinjuri, hu pjaċir kbir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Issa se ngħidulkom x’ħareġ mil-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv, fejn kien preżenti wkoll il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni, is-Sur Dombrovskis.

Il-bidu ta’ kampanji ta’ tilqim fiż-żona tal-euro huwa pass importanti fir-riżoluzzjoni tal-kriżi tas-saħħa li għaddejja bħalissa. Minkejja dan, il-pandemija tkompli toħloq riskji serji għas-saħħa pubblika u għaż-żona tal-euro u l-ekonomiji globali. Iż-żieda mill-ġdid fl-infezzjonijiet tal-koronavirus (COVID-19) u l-miżuri restrittivi u fit-tul ta’ trażżin imposti f’ħafna pajjiżi taż-żona tal-euro qed ifixklu l-attività ekonomika. L-attività fis-settur tal-manifattura qed tkompli mhux ħażin, iżda l-attività tas-settur tas-servizzi qed tiġi mfixxkla b’mod sever, għalkemm inqas milli matul l-ewwel mewġa tal-pandemija fil-bidu tal-2020. Il-produzzjoni x’aktarx naqset fir-raba’ trimestru tal-2020 u l-intensifikazzjoni tal-pandemija toħloq xi riskji negattivi għall-prospetti ekonomiċi fuq medda qasira ta' żmien. L-inflazzjoni tibqa’ baxxa ħafna fil-kuntest ta’ domanda dgħajfa u tnaqqis sinifikanti fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti. B’mod ġenerali, id-dejta li dieħla tikkonferma l-linja bażi preċedenti tagħna ta’ impatt fil-viċin iktar qawwi tal-pandemija fuq l-ekonomija u dgħufija aktar fit-tul fl-inflazzjoni.

F’dan l-ambjent stimulu monetarju abbundanti jibqa’ essenzjali biex jinżammu kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli matul il-perjodu tal-pandemija għas-setturi kollha tal-ekonomija. Bl-għajnuna sabiex titnaqqas l-inċertezza u tissaħħaħ il-fiduċja, dan ser jinkoraġġixxi l-infiq tal-konsumatur u l-investiment tan-negozju, għas-sostenn tal-attività ekonomika u s-salvagwardja tal-istabbiltà tal-prezzijiet fuq żmien medju. Fil-frattemp, l-inċertezza tibqa’ għolja, inkluż fir-rigward tad-dinamika tal-pandemija u kemm qed jitwettqu malajr l-kampanji tat-tilqim. Ser inkomplu nimmonitorjaw ukoll l-iżviluppi fir-rata tal-kambju fir-rigward tal-implikazzjonijiet possibbli tagħhom għall-prospetti tal-inflazzjoni fuq żmien medju. Nibqgħu dejjem lesti biex naġġustaw l-istrumenti kollha tagħna, kif ikun xieraq, biex jiġi żgurat li l-inflazzjoni timxi lejn l-għan tagħna b’mod sostnut, skont l-impenn tagħna għas-simetrija.

F’dan l-isfond, iddeċidejna li nikkonfermaw mill-ġdid il-pożizzjoni akkomodattiva ħafna tal-politika monetarja tagħna.

Fl-ewwel lok, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jħalli r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE kif kienu. Aħna nistennew li dawn jibqgħu fil-livelli attwali tagħhom jew f’livelli iżjed baxxi sakemm naraw li l-prospetti tal-inflazzjoni jkunu konverġenti b’mod ċar ma’ livell li jkun qrib biżżejjed, iżda taħt, it-2 fil-mija fil-perijodu tat-tbassir tagħna, u li din il-konverġenza tkun ġiet riflessa b’mod konsistenti fid-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti.

Fit-tieni lok, ser inkomplu x-xiri tagħna taħt il-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP) b’pakkett totali ta’ €1,850 biljun. Aħna ser inwettqu x-xiri nett ta’ assi taħt il-PEPP sa mill-anqas sal-aħħar ta’ Marzu 2022 u, fi kwalunkwe każ, sakemm il-Kunsill Governattiv iqis li l-fażi ta’ kriżi tal-koronavirus intemmet.

Ix-xiri taħt l-PEPP ser isir sabiex jippreżerva kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli matul il-perjodu tal-pandemija. Se nixtru b’mod flessibbli skont il-kundizzjonijiet tas-suq u bil-ħsieb li nipprevjenu ssikkar tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament li jkun inkonsistenti mal-ġlieda kontra l-impatt ’l isfel tal-pandemija fuq il-passaġġ proġettat tal-inflazzjoni. Barra minn hekk, il-flessibilità tax-xiri maż-żmien, bejn il-klassijiet tal-assi u fost il-ġurisdizzjonijiet se tkompli tappoġġja t-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja. Jekk jistgħu jinżammu kundizzjonijiet favorevoli ta’ finanzjament bi flussi ta' xiri ta’ assi li ma jeżawrixxux il-pakkett fuq l-orizzont nett ta' xiri tal-PEPP, il-pakkett m'għandux għalfejn jintuża kollu. Bl-istess mod, il-pakkett jista’ jiġi kkalibrat mill-ġdid jekk meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli biex jgħinu fil-ġlieda kontra x-xokk tal-pandemija negattiv fit-triq tal-inflazzjoni.

Aħna se inkomplu ninvestu mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-anqas l-aħħar tal-2023. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.

Fit-tielet lok, ix-xiri nett taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi tagħna (APP) se jkompli b’pass ta’ kull xahar ta’ €20 biljun. Aħna nibqgħu nistennew li x-xiri nett ta’ kull xahar, ta’ assi taħt l-APP jibqa’ jsir sakemm ikun meħtieġ biex jissaħħaħ l-impatt tal-akkomodament tar-rati tal-politika tagħna, u li jintemm ftit qabel nibdew ngħollu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE.

Biħsiebna nibqgħu nerġgħu ninvestu l-pagamenti ewlenin kollha mit-titoli li jimmaturaw u li jkunu nxtraw taħt l-APP għal perijodu estiż ta’ żmien wara d-data meta nibdew ngħollu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet favorevoli ta’ likwidità u livell abbondanti ta’ akkomodament monetarju.

Fl-aħħar nett, ser inkomplu nipprovdu wkoll likwidità wiesgħa permezz tal-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tagħna. B’mod partikolari, it-tielet sensiela ta’ operazzjonijiet immirati ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal (TLTRO III) tibqa’ sors attraenti ta’ finanzjament għall-banek, li tappoġġa s-self bankarju lill-impriżi u lill-unitajiet domestiċi.

Issa se nispjega l-valutazzjoni tagħna f’iżjed dettall, u nibda bl-analiżi ekonomika. Wara kontrazzjoni qawwija fl-ewwel nofs tal-2020, l-irkupru tal-PGD reali taż-żona tal-euro reġa’ beda b’mod qawwi u żdied bi 12.4 fil-mija, trimestru bi trimestru, fit-tielet trimestru, għalkemm baqa’ sew taħt il-livelli ta’ qabel il-pandemija. Dejta ekonomika li dieħla, stħarriġ u indikaturi ta’ frekwenza għolja jissuġġerixxu li l-qawmien mill-ġdid tal-pandemija u l-intensifikazzjoni assoċjata tal-miżuri ta’ trażżin x’aktarx wasslu għal tnaqqis fl-attività fir-raba’ trimestru tal-2020 u huma wkoll mistennija li jkunu ta’ piż fuq l-attività fl-ewwel trimestru ta’ din is-sena. Fi ftit kliem, dan huwa ġeneralment skont l-aħħar linja bażi tal-projezzjonijiet makroekonomiċi ta’ Diċembru 2020.

L-iżviluppi ekonomiċi jkomplu jkunu irregolari fis-setturi kollha, bis-settur tas-servizzi jiġi affettwat b’mod aktar negattiv bir-restrizzjonijiet il-ġodda fuq l-interazzjoni soċjali u l-mobbiltà milli fis-settur industrijali. Għalkemm il-miżuri tal-politika fiskali qed ikomplu jappoġġjaw lill-unitajiet domestiċi u lill-impriżi, il-konsumaturi jibqgħu kawti fid-dawl tal-pandemija u l-impatt tagħha fuq l-impjiegi u l-qligħ. Barra minn hekk, karti tal-bilanċ aktar dgħajfa tal-kumpaniji u inċertezza dwar il-prospetti ekonomiċi għadhom ta’ piż fuq l-investiment fin-negozju.

B’ħarsa ’l quddiem, l-introduzzjoni tal-vaċċini, li bdiet fl-aħħar ta’ Diċembru, tippermetti kunfidenza akbar fir-riżoluzzjoni tal-kriżi tas-saħħa. Madankollu, ikollu jgħaddi ż-żmien sakemm tinkiseb immunità mifruxa, filwaqt li żviluppi negattivi oħrajn relatati mal-pandemija ma jistgħux jiġu esklużi. Fuq medda ta’ żmien medju, l-irkupru tal-ekonomija taż-żona tal-euro għandu jkun appoġġat minn kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli, pożizzjoni fiskali espansiva u rkupru fid-domanda hekk kif jitneħħew il-miżuri ta’ trażżin u l-inċertezza tonqos.

Inġenerali, ir-riskji madwar il-prospetti tat-tkabbir taż-żona tal-euro jibqgħu inklinati lejn in-negattiv, iżda huma inqas evidenti. L-aħbarijiet dwar il-prospetti għall-ekonomija globali, il-ftehim dwar relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit u l-bidu ta’ kampanji ta’ tilqim huma inkoraġġanti, iżda l-pandemija li għaddejja u l-implikazzjonijiet tagħha għall-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji jkomplu jkunu sorsi ta’ riskju negattiv.

L-inflazzjoni annwali taż-żona tal-euro baqgħet l-istess f’-0.3 fil-mija f’Diċembru. Fuq il-bażi tad-dinamika attwali tal-prezz tal-enerġija, l-inflazzjoni totali x’aktarx tiżdied fix-xhur li ġejjin, appoġġjata wkoll mit-tmiem tat-tnaqqis temporanju tal-VAT fil-Ġermanja. Madankollu, il-pressjonijiet tal-prezzijiet fuq medda qasira ta’ żmien se jibqgħu mrażżna minħabba domanda dgħajfa, b’mod partikolari fis-setturi relatati mat-turiżmu u l-ivvjaġġar, kif ukoll minħabba pressjonijiet tal-pagi aktar baxxi u l-apprezzament tar-rata tal-kambju tal-euro. Ladarba l-impatt tal-pandemija jonqos, irkupru fid-domanda, appoġġat minn politiki fiskali u monetarji akkomodattivi, se jpoġġi pressjoni ’l fuq fuq l-inflazzjoni fuq medda medja ta' żmien. Miżuri bbażati fuq stħarriġ u indikaturi bbażati fuq is-suq ta’ aspettattivi ta’ inflazzjoni fuq żmien itwal jibqgħu f’livelli baxxi, għalkemm indikaturi bbażati fuq is-suq ta’ aspettattivi ta’ inflazzjoni żdiedu ftit.

Meta ngħaddu għall-analiżi monetarja, ir-rata ta’ tkabbir annwali tal-aggregat monetarju wiesa’ (M3) żdiedet għal 11.0 fil-mija f’Novembru 2020, minn 10.5 fil-mija f’Ottubru, li tirrifletti żieda kontinwata f’investimenti ta’ depożitu. Tkabbir qawwi tal-flus baqa’ jiġi sostnut mix-xiri kontinwu ta’ assi mill-Eurosistema, li sar l-akbar sors ta’ ħolqien ta’ flus. Fil-kuntest ta’ preferenza li għadha għolja għal-likwidità fis-settur tal-flus u spiża baxxa ta’ opportunità biex jinżammu l-aktar forom ta’ flus likwidi, l-aggregat monetarju ristrett M1 baqa’ l-kontributur ewlieni għal tkabbir tal-aggregat monetarju wiesa’.

Żviluppi f’self lis-settur privat kienu kkaratterizzati minn self moderat lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji u self reżiljenti lill-unitajiet domestiċi. Il-fluss ta’ self ta’ kull xahar lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji baqa’ modest ħafna f'Novembru, u kompla l-mudell osservat sa mill-aħħar tas-sajf. Fl-istess ħin, ir-rata tat-tkabbir annwali baqgħet ġeneralment l-istess, b’6.9 fil-mija, li xorta tirrifletti ż-żieda qawwija ħafna fis-self fl-ewwel nofs tas-sena. Ir-rata ta’ tkabbir annwali ta’ self lill-unitajiet domestiċi baqgħet ġeneralment stabbli bi 3.1 fil-mija f'Novembru, fost fluss pożittiv ta’ kull xahar imdaqqas.

L-istħarriġ ġdid dwar is-self bankarju għar-raba’ trimestru tal-2020 jirrapporta ssikkar tal-istandards tal-kreditu fuq self lill-impriżi. Dan l-issikkar kien prinċipalment immexxi minn perċezzjonijiet ta’ riskju akbar fost il-banek, f’kuntest ta’ inċertezza kontinwa dwar l-irkupru ekonomiku u tħassib dwar l-affidabbiltà kreditizja ta’ min jissellef. Banek mistħarrġa rrappurtaw ukoll tnaqqis fid-domanda tas-self minn ditti fir-raba’ trimestru. L-istħarriġ indika wkoll żieda ulterjuri fid-domanda netta mill-unitajiet domestiċi għal self għax-xiri ta’ djar fir-raba’ trimestru, anki għalkemm l-istandards tal-kreditu komplew jissikkaw.

Inġenerali, il-miżuri tal-politika tagħna, flimkien mal-miżuri adottati mill-gvernijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra jibqgħu essenzjali biex jappoġġaw kundizzjonijiet tas-self bankarju u aċċess għall-finanzjament, b’mod partikolari għal dawk l-iktar affettwati mill-pandemija.

Fil-qosor, kontroverifika tar-riżultat tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet li joħorġu mill-analiżi monetarja kkonfermat li għadu meħtieġ livell abbondanti ta’ akkomodament monetarju biex tkun appoġġata l-attività ekonomika u għall-konverġenza robusta tal-inflazzjoni ma’ livelli li jkunu taħt, iżda qrib it-2 fil-mija fuq żmien medju.

Fir-rigward tal-politika fiskali, pożizzjoni fiskali ambizzjuża u koordinata tibqa’ kruċjali, minħabba l-kontrazzjoni qawwija fl-ekonomija taż-żona tal-euro. Għal dan il-għan, appoġġ kontinwu mill-politiki fiskali nazzjonali huwa ġġustifikat minħabba domanda dgħajfa minn impriżi u unitajiet domestiċi marbuta mal-aggravar tal-pandemija u l-intensifikazzjoni tal-miżuri ta’ trażżin. Fl-istess ħin, miżuri fiskali meħuda bħala risposta għall-emerġenza pandemika għandhom, kemm jista’ jkun, jibqgħu mmirati u ta’ natura temporanja. It-tliet xbieki tas-sigurtà approvati mill-Kunsill Ewropew għall-ħaddiema, in-negozji u l-gvernijiet jipprovdu appoġġ ta’ finanzjament importanti.

Il-Kunsill Governattiv jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-pakkett tal-UE tal-Ġenerazzjoni li Jmiss u jenfasizza l-importanza li dan jibda jaħdem mingħajr dewmien. Huwa jappella lill-Istati Membri biex jaċċelleraw il-proċess ta’ ratifika, biex jiffinalizzaw il-pjanijiet ta’ rkupru u reżiljenza tagħhom fil-pront u biex jużaw il-fondi għal infiq pubbliku produttiv, akkumpanjat minn politiki strutturali li jtejbu l-produttività. Dan jippermetti lill-programm tal-UE tal-Ġenerazzjoni li Jmiss biex jikkontribwixxi għal irkupru aktar mgħaġġel, aktar b’saħħtu u aktar uniformi u jżid ir-reżiljenza ekonomika u l-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomiji tal-Istati Membri, u b’hekk jappoġġja l-effettività tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro. Politiki strutturali bħal dawn huma partikolarment importanti fl-indirizzar ta’ dgħufijiet strutturali u istituzzjonali li ilhom jeżistu u fl-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.