Stqarrija introduttorja għall-konferenza stampa
Mario Draghi, President tal-BĊE,
Vítor Constâncio, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 21 ta’ Jannar 2016
Sinjuri, nibda biex nixtiqilkom is-Sena t-Tajba. Hu l-pjaċir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Issa se nagħtukom rapport dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv, li għaliha attenda wkoll il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, is-Sur Dombrovskis.
Wara l-analiżi regolari tagħna tas-sitwazzjoni ekonomika u monetarja, u wara li x-xahar li għadda kkalibrajna mill-ġdid il-miżuri tal-politika monetarja tagħna, ħadna d-deċiżjoni li nżommu r- rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE kif kienu u nistennewhom li jibqgħu fil-livelli attwali jekk mhux ukoll li jitbaxxew għal perjodu estensiv ta’ żmien. Għal dawk li huma miżuri straordinarji tal-politika monetarja, l-akkwist tal-assi miexi bla xkiel u qiegħed ikompli jkollu impatt favorevoli fuq il-kost u d-disponibbiltà tal-kreditu għall-kumpaniji u l-individwi.
Jekk inqisu l-evidenza disponibbli fil-bidu tal-2016, jidher ċar li l-miżuri tal-politika monetarja li adottajna sa minn nofs l-2014 qegħdin iħallu l-frott. L-iżviluppi fl-ekonomija reali, il-provvista ta’ kreditu u l-kundizzjonijiet tal-finanzjament tjiebu hekk li ż-żona tal-euro kompliet tissaħħaħ fil-konfront tax-xokkijiet ekonomiċi globali ta’ dan l-aħħar. Id-deċiżjonijiet li ħadna fil-bidu ta’ Diċembru li nkomplu bix-xiri nett ta’ b’kemm jiswew €60 biljun ta’ assi kull xahar sa tal-anqas l-aħħar ta’ Marzu 2017 u li nerġgħu ninvestu l-ħlasijiet prinċipali fuq titoli li jimmaturaw għal sakemm ikun hemm bżonn kienu tassew f’lokhom. Dawn se jżidu b’mod sinifikanti l-likwidità fis-sistema bankarja u jsaħħu l-indikazzjonijiet tagħna għall-ġejjieni dwar ir-rati tal-imgħax.
Madankollu, hekk kif bdejna s-sena l-ġdida, ir-riskji b’xejra ta’ tnaqqis reġgħu bdew jiżdiedu fost inċertezza kbira dwar il-prospetti ta’ tkabbir tal-ekonomji tas-swieq emerġenti, il-volatilità tas-swieq finanzjarji u tal-prodotti essenzjali, u r-riskji ġeopolitiċi. F’din il-klima, l-iżviluppi fl-inflazzjoni taż-żona tal-euro ukoll qegħdin ikomplu jkunu iżjed dgħajfin milli huwa mistenni. Għalhekk se jkollna bżonn neżaminaw u forsi nikkunsidraw mill-ġdid l-orjentament tal-politika monetarja tagħna fil-laqgħa li jmiss tal-bidu ta’ Marzu, meta joħroġ it-tbassir makroekonomiku l-ġdid tal-esperti tagħna li se jkopri wkoll is-sena 2018. Sadattant, se naħdmu biex inkunu ċerti li jkunu disponibbli l-kundizzjonijiet tekniċi kollha sabiex il-firxa sħiħa ta’ għażliet ta’ politika tkun lesta għall-implimentazzjoni, jekk ikun hemm bżonn.
Issa se nispjega l-evalwazzjoni tagħna b’aktar reqqa, u nibda bl- analiżi ekonomika. Kellna l-konferma li t-tkabbir tal-PDG reali għaż-żona tal-euro kien ta’ 0.3%, fuq bażi trimestrali, fit-tielet trimestru tal-2015, sostnut l-aktar mill-konsum privat u mrażżan mis-sehem negattiv tal-esportazzjoni netta. L-aħħar indikaturi mill-istħarriġ, disponibbli sa Diċembru, juru li l-momentum tat-tkabbir tal-PDG reali kompla fir-raba’ trimestru tas-sena li għaddiet. Għall-ġejjieni, nistennew li l-irkupru ekonomiku se jkompli. Id-domanda domestika għandha tkompli tiġi sostnuta mill-miżuri tal-politika monetarja li ħadna u l-impatt favorevoli tagħhom fuq il-kundizzjonijiet finanzjarji, kif ukoll mill-progress li sar qabel fil-konsolidament fiskali u r-riformi strutturali. Barra minn hekk, it-tnaqqis mill-ġdid fil-prezzijiet taż-żejt għandu jipprovdi sostenn addizzjonali għad-dħul disponibbli reali tal-individwi u l-profitabilità tal-impriżi u, għalhekk, għall-konsum privat u l-investiment. Barra dan, l-orjentament fiskali fiż-żona tal-euro qiegħed isir kemxejn espansjonarju, u dan jirrifletti b’mod partikolari l-miżuri b’appoġġ għar-refuġjati. Madankollu, l-irkupru ekonomiku fiż-żona tal-euro qiegħed ikompli jiddgħajjef mill-prospetti mrażżna ta’ tkabbir fis-swieq emerġenti, swieq finanzjarji volatili, l-aġġustamenti meħtieġa fil-karti tal-bilanċ f’għadd ta’ setturi u r-ritmu kajman tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali.
Ir-riskji għall-prospettiva tat-tkabbir fiż-żona tal-euro għadhom b’xejra ta’ tnaqqis u huma marbutin b’mod partikolari mal-inċertezzi kbar relatati mal-iżviluppi fl-ekonomija globali u riskji ġeopolitiċi ġenerali. Dawn ir-riskji għandhom il-potenzjal li jrażżnu t-tkabbir globali u d-domanda barranija għall-esportazzjoni miż-żona tal-euro kif ukoll il-fiduċja b’mod ġenerali.
L-inflazzjoni HICP annwali taż-żona tal-euro kienet 0.2% f’Diċembru 2015, imqabbla ma’ 0.1% f’Novembru. Ir-riżultat ta’ Diċembru kien iżjed baxx milli kien mistenni, u dan jirrifletti l-aktar tnaqqis qawwi ieħor fil-prezzijiet taż-żejt kif ukoll inflazzjoni iżjed baxxa fil-prezzijiet tal-ikel u tas-servizzi. Abbażi tal-prezzijiet attwali ta’ kuntratti ta’ xiri ta’ żejt fil-ġejjieni, li huma ferm inqas mil-livell osservat ftit ġimgħat ilu, ix-xejra mistennija tal-inflazzjoni HICP annwali fl-2016 issa hija ferm iżjed baxxa meta titqabbel mal-prospettiva tal-bidu ta’ Diċembru. Ir-rati tal-inflazzjoni bħalissa huma mistennija jibqgħu f’livelli baxxi ħafna jew negattivi fix-xhur li ġejjin u jibdew jogħlew iktar ’il quddiem fl-2016. Wara dan, megħjuna mill-miżuri tal-politika monetarja li ħadna u mill-irkupru ekonomiku mistenni, ir-rati tal-inflazzjoni għandhom ikomplu jirkupraw, iżda r-riskji tal-effetti sekondarji għandhom jiġi sorveljati mill-qrib. Stampa iżjed sħiħa tal-impatt tal-prezzijiet taż-żejt u fatturi esterni u domestiċi oħra fuq il-prospettiva tal-inflazzjoni HICP se tkun disponibbli fit-tbassir makroekonomiku tal-esperti tal-BĊE ta’ Marzu 2016, li se jkopri wkoll is-sena 2018.
Għal dik li hija l- analiżi monetarja, id-dejta reċenti tikkonferma t-tkabbir solidu fl-aggregat monetarju wiesa’ (M3), bir-rata tat-tkabbir annwali tal-M3 tkun ta’ 5.1% f’Novembru 2015, wara 5.3% f’Ottubru. It-tkabbir annwali fl-M3 qiegħed ikompli jiġi sostnut fil-parti l-kbira mill-komponenti l-iżjed likwidi tiegħu, bl-aggregat monetarju ristrett (M1) jikber b’rata annwali ta’ 11.2% f’Novembru, wara 11.8% f’Ottubru.
L-iżviluppi fis-self komplew bl-irkupru gradwali osservat sa mill-bidu tal-2014. Ir-rata annwali ta’ bidla tas-self lill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji (aġġustata għall-bejgħ tas-self u l-assigurazzjoni b’assi eżistenti) żdiedet għal 0.9% f’Novembru 2015, minn 0.6% f’Ottubru. L-iżviluppi fis-self lill-impriżi jkomplu jirriflettu r-relazzjoni staġnata maċ-ċiklu tan-negozju, ir-riskju tal-kreditu u l-aġġustament kontinwu tal-karti tal-bilanċ tas-settur finanzjarju u s-settur mhux finanzjarju. Ir-rata tat-tkabbir annwali tas-self lill-individwi (aġġustata għall-bejgħ tas-self u l-assigurazzjoni b’assi eżistenti) żdiedet għal 1.4% f’Novembru, imqabbla ma’ 1.2% f’Ottubru.
L-istħarriġ dwar is-self bankarju fiż-żona tal-euro għar-raba’ trimestru tal-2015 ikompli jindika titjib fid-domanda għas-self mill-banek, sostnut mil-livell baxx tar-rati tal-imgħax, il-ħtiġijiet ta’ finanzjament għal finijiet ta’ investiment u l-prospetti tas-suq tax-xiri ta’ djar. L-istandards tal-kreditu komplew jillaxkaw fir-rigward tas-self lill-impriżi, l-aktar minħabba ż-żieda fil-pressjonijiet kompetittivi tas-servizzi bankarji għall-konsumatur, u reġgħu lura għal illaxkar nett fuq is-self lill-individwi għax-xiri ta’ djar. Kollox ma’ kollox, il-miżuri tal-politika monetarja li adottajna minn Ġunju 2014 ’l hawn tejbu sew kemm il-kundizzjonijiet tas-self għall-kumpaniji u l-individwi kif ukoll il-flussi ta’ kreditu fiż-żona tal-euro kollha.
Fil-qosor, kontroverifika tar-riżultati tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet li joħorġu mill-analiżi monetarja kkonfermat l-effikaċja tal-miżuri tal-politika monetarja li adottajna u l-ħtieġa li neżaminaw u forsi nikkunsidraw mill-ġdid l-orjentament tal-politika monetarja tagħna fil-laqgħa li jmiss tal-bidu ta’ Marzu sabiex nerġgħu naslu għal rati tal-inflazzjoni li jkunu f’livelli taħt iżda qrib 2%.
Il-politika monetarja hija ffukata biex iżżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet għal żmien medju u x-xejra rikonċiljatorja tagħha ssostni l-attività ekonomika. Madankollu, sabiex naħsdu l-benefiċċji kollha tal-miżuri tal-politika monetarja li ħadna, oqsma oħra tal-politika jridu jikkontribwixxu b’mod deċiżiv. Minħabba li l-qgħad strutturali għadu għoli u t-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni għadu baxx, l-irkupru ċikliku li għaddej għandu jiġi sostnut b’ politika strutturali effettiva. B’mod partikolari, azzjonijiet li jtejbu l-klima tan-negozju, fosthom il-provediment ta’ infrastruttura pubblika adegwata, huma importanti ferm biex jiżdied l-investiment produttiv, tingħata spinta lill-ħolqien tal-impjiegi u tikber il-produttività. L-implimentazzjoni mgħaġġla u effettiva tar-riformi strutturali fi klima ta’ politika monetarja rikonċiljatorja ma twassalx biss għal tkabbir ekonomiku sostenibbli ogħla fiż-żona tal-euro iżda tkabbar ukoll l-aspettattivi ta’ dħul permanenti ogħla u taċċellera l-effetti siewja tar-riformi, biex hekk iż-żona tal-euro tkun iżjed kapaċi tilqa’ għax-xokkijiet globali. Il- politika fiskali għandha ssostni l-irkupru ekonomiku filwaqt li tibqa’ konformi mar-regoli fiskali tal-Unjoni Ewropea. L-implimentazzjoni sħiħa u konsistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir hija kruċjali biex tinżamm il-fiduċja fil-qafas fiskali. Fl-istess waqt, il-pajjiżi kollha għandhom iħabirku biex ikollhom politika fiskali li tgħin it-tkabbir.
Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja