Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Għaxar miljun ruħ ħadu sehem fl-istħarriġ tal-BĊE dwar karti tal-flus tal-euro ġodda

23 ta' Settembru 2026

  • Il-President tal-BĊE Lagarde Ir-rispons għall-istħarriġ juri l-interess tal-Ewropej fil-karti tal-flus futuri
  • Parteċipazzjoni qawwija fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro u fil-gruppi tal-etajiet kollha
  • Ir-riżultati tal-istħarriġ se jinfurmaw id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv dwar il-kunċett tad-disinn finali

Total ta’ 9.96 miljun ruħ fl-Ewropa kollha u lil hinn qasmu l-fehmiet tagħhom fuq id-disinn futur tal-karti tal-flus tal-euro billi lestew l-istħarriġ pubbliku tal-BĊE.

“Dan in-numru fenomenali juri kemm l-Ewropej għandhom interess fil-karti tal-flus futuri”, qalet il-President Christine Lagarde. “Bihom jipparteċipaw fil-proċess tat-tfassil mill-ġdid, seħħ pass importanti fit-tħejjija tas-serje l-ġdida tal-karti tal- flus.”

2.6% tal-popolazzjoni taż-żona tal-euro ħadet sehem fl-istħarriġ, u l-interess kien qawwi fost il-gruppi kollha tal-età, inklużi l-ġenerazzjonijiet iżgħar, b’żewġ terzi tat-tweġibiet ġejjin minn persuni taħt l-età ta’ 35 sena. Sabiex jiġi żgurat li r-riżultati tal-istħarriġ jirrappreżentaw b’mod preċiż il-popolazzjoni taż-żona tal-euro, id-data se tiġi analizzata bl-użu ta’ metodi statistiċi standard.

L-istħarriġ sar bejn it-23 ta’ Lulju u l-21 ta’ Settembru 2026. Dan fittex opinjonijiet pubbliċi dwar għaxar proposti ta’ disinn magħżula bbażati fuq it-temi “kultura Ewropea” u “Xmajjar u għasafar”. Sar stħarriġ separat – immexxi minn kumpanija indipendenti tar-riċerka u mmirat lejn kampjun rappreżentattiv ta’ nies fiż-żona tal-euro – bl-użu tal-istess mistoqsijiet u bħalissa qed jiġi ffinalizzat.

Ir-riżultati taż-żewġ stħarriġiet, flimkien mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ġurija tal-Konkors tad-Disinn indipendenti u valutazzjoni teknika, se jinfurmaw id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE dwar il-kunċett tad-disinn finali għall-karti tal-flus tal-euro futuri, li huwa mistenni madwar tmiem l-2026. Il-BĊE mhux qed jippubblika r-riżultati għal proposti ta' disinn individwali f'dan l-istadju. Wara d-deċiżjoni, se jiġi ppubblikat rapport dettaljat dwar l-istħarriġ, inkluż ir-rispons dwar kull proposta u r-riżultati minn pajjiżi differenti.

Wara d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv dwar il-kunċett, id-disinn magħżul se jiġi adattat u żviluppat aktar biex jiġi ttrasformat f'karti tal-flus reali. Il-karti tal-flus il-ġodda se jinkorporaw karatteristiċi ta’ sigurtà mtejba u titjib fl-aċċessibbiltà u s-sostenibbiltà. Il-karti tal-flus il-ġodda għandhom jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni gradwalment mill-bidu tas-snin 2030. Il-karti tal-flus tal-euro li bħalissa jinsabu fiċ-ċirkolazzjoni se jibqgħu validi u se jkomplu jiċċirkolaw flimkien mas-serje l-ġdida.

Għal aktar informazzjoni dwar il-karti tal-flus futuri, il-proposti magħżula, u l-proċess tal-għażla, ara l-paġna ddedikata tagħna.

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-media, jekk jogħġobkom ikkuntattjaw lil Alessandro Speciale, tel.: +49 69 172 1670791.

Anness: Tqassim tan-numri ta’ parteċipazzjoni skont il-pajjiż

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja