Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Ottubru 2015

EMBARGO

M’GĦANDHIEX TIXXANDAR QABEL 15.00 CET tat-23 ta’ Ottubru 2015

Operazzjonijiet tas-suq

Aġġustament tal-proċess tal-akkwist fil-programm ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi

Fis-17 ta’ Settembru 2015 il-Kunsill Governattiv approva t-tibdil għall-istruttura ta’ governanza tal-programm ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi (ABSPP). Il-proporzjon tal-akkwisti minn banek ċentrali nazzjonali se jiżdied bis-saħħa tal-parteċipazzjoni ta’ Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique u ż-żieda fl-għadd ta’ ġurisdizzjonijiet koperti minn Banque de France, biż-żewġ banek ċentrali jaġixxu ta’ maniġers tal-assi tal-Eurosistema għall-akkwisti. Stqarrija għall-istampa dwar dan tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Stabbiltà u superviżjoni finanzjarja

Rapport tal-BĊE dwar l-istrutturi finanzjarji 2015

Fid-9 ta’ Ottubru 2015 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni tar-Rapport tal-BĊE dwar l-istrutturi finanzjarji 2015. Ir-rapport janalizza l-karatteristiċi strutturali ewlenin u l-iżviluppi fis-settur finanzjarju aktar wiesa' taż-żona tal-euro u jkopri s-settur bankarju u intermedjarji finanzjarji oħra, b’mod partikolari l-korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni u l-fondi tal-pensjoni, kif ukoll l-intermedjarji finanzjarji li mhumiex banek jew assigurazzjonijiet (magħrufin ukoll bħala s-settur bankarju parallel jew “shadow banking”). Ir-rapport se jiġi ppubblikat f’qasir żmien fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ ħlas u infrastruttura tas-suq

Evalwazzjoni ad hoc ta’ link diretta u ta’ link indiretta ġodda fir-rigward tal-istandards għall-użu ta’ sistemi ta’ saldu ta’ titoli fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema

Fis-17 ta’ Settembru 2015 il-Kunsill Governattiv approva l-eliġibbiltà ta’ links ġodda biex jintużaw fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema: (a) link diretta minn Euroclear Bank għal VP Securities u (b) link indiretta minn Euroclear Bank permezz ta’ VP Securities għal VP Lux. Il-lista sħiħa tal-links kollha eliġibbli tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar il-konverżjoni ta’ self bil-frank Svizzeru fil-Kroazja

Fit-18 ta’ Settembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/32 b’inizjattiva proprja.

Opinjoni tal-BĊE dwar id-denominazzjoni ta’ Lietuvos bankas bħala awtorità ta’ riżoluzzjoni

Fit-22 ta’ Settembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/33 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Litwanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar abbozz ta’ liġi dwar is-suq tal-istrumenti finanzjarji fis-Slovenja

Fit-28 ta’ Settembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/34 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovenja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment fl-Italja

Fis-16 ta’ Ottubru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/35 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Italja.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-reġistru ċentrali ta’ kontijiet tal-bank fir-Repubblika Ċeka

Fis-16 ta’ Ottubru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/36 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika Ċeka.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-regolazzjoni tal-kiri tal-finanzi u tal-attivitajiet tal-kumpaniji tal-kiri tal-finanzi f’Ċipru

Fid-19 ta’ Ottubru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/37 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi ta’ Ċipru.

Statistika

Stħarriġ dwar is-suq monetarju tal-euro 2015

Fid-29 ta’ Settembru 2015 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-riżultati tal-Istħarriġ dwar is-suq monetarju tal-euro 2015, li jiġbed l-attenzjoni fuq l-iżviluppi ewlenin fis-suq monetarju tal-euro fit-tieni trimestru tal-2015 u jqabbilhom ma’ dawk tat-tieni trimestru tas-snin ta’ qabel. L-istħarriġ wara ġie ppubblikat fil-websajt tal-BĊE flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwaru.

Governanza korporattiva

Presidenza tal-Kumitat tal-BĊE għall-Baġit

Fis-6 ta’ Ottubru 2015 il-Kunsill Governattiv ħatar lil Pentti Hakkarainen, Deputat Gvernatur ta’ Suomen Pankki, bħala President tal-Kumitat tal-BĊE għall-Baġit (BUCOM) għal perjodu ta’ tliet snin b’seħħ immedjat.

Presidenza tal-Kumitat għall-Kontroll

Fis-6 ta’ Ottubru 2015 il-Kunsill Governattiv ħatar lil Joachim Nagel, membru tal-Bord Eżekuttiv ta’ Deutsche Bundesbank, bħala President tal-Kumitat għall-Kontroll (COMCO) għal perjodu ta’ tliet snin b’seħħ immedjat.

Superviżjoni bankarja

Emendi għal deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu

Fit-18 u t-30 ta’ Settembru 2015 il-Kunsill Governattiv approva d-deċiżjonijiet proposti mill-Bord Superviżorju biex tiġi emendata l-lista ta’ istituzzjonijiet sinifikanti u istituzzjonijiet inqas sinifikanti. Il-lista aġġornata tinsab fil-websajt tal-BĊE, bi qbil mal-Artikolu 49 tar-Regolament Qafas dwar il-MSU.

Konformità mal-linji gwida tal-ABE dwar miżuri ta’ intervent bikri u dwar istituzzjonijiet li qegħdin ifallu jew li x’aktarx ifallu

Fit-23 ta’ Settembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-proposti tal-Bord Superviżorju biex ikunu konformi mal-linji gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) dwar skattaturi għall-użu ta’ miżuri ta’ intervent bikri skont l-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 2014/59/UE (EBA/GL/2015/03) u dwar l-interpretazzjoni taċ-ċirkostanzi differenti meta istituzzjoni għandha titqies bħala li qed tfalli jew probabbilment se tfalli skont l-Artikolu 32(6) tad-Direttiva 2014/59/UE (EBA/GL/2015/07). Il-BĊE wara nnotifika lill-ABE li kien ikkonforma mal-linji gwida msemmijin aktar ’il fuq fir-rigward tal-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni tiegħu skont id-data ta’ din in-notifika.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja