Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Lulju 2010

Kwistjonijiet operazzjonali

Kriterji għall-eliġibbiltà għall-bejgħ ta’ strumenti tad-dejn eżistenti ta’ partijiet ta’ operazzjonijiet għall-ħolqien tat-titoli

Fit-8 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill Governattiv approva diversi bidliet fil-kriterji għall-eliġibbiltà għall-bejgħ ta’ strumenti tad-dejn eżistenti ta’ titoli garantiti b’assi (ABSs), jiġifieri l-bejgħ ta’ ABSs abbażi ta’ ħruġ preċedenti bl-użu tal-istess kowd tat-titoli (kowd ISIN). Dettalji tal-bidliet jinsabu fit-Taqsima 6.3.2 tal- General Documentation, imsejħa “Establishment of high credit standards for marketable assets”.

Sistemi ta’ pagament u l-infrastruttura tas-suq

Nota tal-Eurosistema dwar id-dokument tal-Kummissjoni għad-diskussjoni dwar id-data tat-tmiem tal-migrazzjoni tas-SEPA

Fil-5 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill Governattiv approva nota tal-Eurosistema li tilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex toħroġ regolament tal-UE li jistabbilixxi data tat-tmiem għall-migrazzjoni tat-trasferimenti tal-kreditu bis-SEPA u għad-debitar dirett bis-SEPA. Din in-nota ġiet ippubblikata fil-websajt tal-BĊE.

Kontribut tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-derivati u l-infrastrutturi tas-suq

Fit-8 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill Governattiv approva t-tweġiba tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-derivati u l-infrastrutturi tas-suq. It-tweġiba ġiet ippubblikata fid-9 ta’ Lulju.

Aspettattivi tas-sorveljanza għall-kontinwità tal-ħidma ta’ sistemi ta’ pagament li huma ta’ importanza sistemika

Fil-15 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill Governattiv approva l-konklużjonijiet ta’ stima tal-progress li sar dwar l-implimentazzjoni tal-aspettattivi tas-sorveljanza għall-kontinwità tal-ħidma ta’ sistemi ta’ pagament li joperaw bl-euro u li huma ta’ importanza sistemika. Rapport li jippreżenta dawn il-konklużjonijiet se jiġi ppubblikat iżjed ’il quddiem.

TARGET2-Titoli

Fit-22 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill Governattiv qies l-istatus tal-Programm tat-TARGET2-Titoli. Tagħrif dettaljat se jkun disponibbli iżjed ’il quddiem fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-estensjoni ta’ garanziji tal-gvern lil banek u istituzzjonijiet oħra u t-tiġdid tal-iskema tal-Istat għar-rikapitalizzazzjoni

Fil-25 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Svediż (CON/2010/50).

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-remunerazzjoni tal-istaff tal-Banca Naţională a României

Fl-1 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Pubbliċi Rumen (CON/2010/51).

Opinjoni tal-BĊE dwar l-introduzzjoni tal-euro fl-Estonja u r-rata tal-konverżjoni tal-kroon Estonjan għall-euro

Fil-5 ta’ Lulju 2010, fuq talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar l-introduzzjoni tal-euro fl-Estonja u dwar ir-rata tal-konverżjoni tal-kroon Estonjan għall-euro (CON/2010/52). L-Opinjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fl-14 ta’ Lulju 2010 u hi disponibbli wkoll fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar restrizzjonijiet fuq short selling

Fit-8 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministeru Federali tal-Finanzi Ġermaniż (CON/2010/53).

Opinjoni tal-BĊE dwar it-twaqqif tal-Fond għall-Istabbiltà Finanzjarja

Fid-9 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Grieg (CON/2010/54).

Opinjoni tal-BĊE dwar l-għoti ta’ informazzjoni u obbligi oħra tal-Banka Slovenije bħala fornitur ta’ servizzi ta’ pagament għall-utenti tas-settur pubbliku

Fid-9 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Sloven (CON/2010/55).

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi fil-Liġi fir-rigward tal-Magyar Nemzeti Bank li jintroduċu tnaqqis fil-pagi

Fit-12 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministeru għall-Ekonomija Nazzjonali Ungeriż (CON/2010/56).

Opinjoni tal-BĊE dwar it-trasferiment ta’ dmirijiet ta’ sorveljanza prudenzjali lill-Awtorità Awstrijaka għas-Swieq Finanzjarji

Fis-16 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Awstrijak (CON/2010/57).

Statistika

Pubblikazzjoni tal-programm ta’ ħidma 2010 tas-SEBĊ għall-istatistika Ewropea

Fil-15 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jippubblika l-programm ta’ ħidma 2010 tas-SEBĊ għall-istatistika Ewropea fil-websajt tal-BĊE, kif ukoll fil-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali li jixtiequ jippubblikaw din l-informazzjoni. Il-programm jelenka l-iżviluppi statistiċi ġodda kollha ppjanati għall-2010 u jipprovdi wkoll analiżi tad-doveri kollha li jitwettqu regolarment mill-funzjoni statistika tas-SEBĊ.

Kooperazzjoni Internazzjonali u Ewropea

Id-disa’ “Analiżi tar-rwol internazzjonali tal-euro” annwali

Fil-5 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni tad-disa’ “Analiżi tar-rwol internazzjonali tal-euro” annwali fil-websajt tal-BĊE fl-14 ta' Lulju 2010. L-Analiżi, li tkopri l-iżviluppi fl-2009, teżamina r-rwol tal-euro fis-swieq globali u f’pajjiżi barra ż-żona tal-euro, u għandha l-għan li ttejjeb l-għarfien tal-qagħda kurrenti tal-internalizzazzjoni tal-euro, billi tidentifika l-iżviluppi ewlenin u x-xejriet bażiċi.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tan-Národná banka Slovenska

Fl-1 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill Governattiv adotta Rakkomandazzjoni lill-Kunsill tal-UE dwar l-awdituri esterni tan-Národná banka Slovenska (BĊE/2010/6). Ir-Rakkomandazzjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fil-websajt tal-BĊE.

Parteċipazzjoni tal-Eesti Pank fil-laqgħat tal-Kunsill Governattiv qabel l-1 ta’ Jannar 2011

Skond il-prassi tal-imgħoddi, il-Kunsill Governattiv stieden lill-Gvernatur tal-Eesti Pank biex jieħu sehem fil-laqgħat tiegħu bħala osservatur. Iddeċieda wkoll li jagħti status ta’ osservatur lill-esperti tal-Eesti Pank fir-rigward tal-kumitati kollha tal-Eurosistema/SEBĊ u s-sotto strutturi tagħhom kull meta dawn jiltaqgħu fil-kompożizzjoni tal-Eurosistema. Din id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ wara li l-Kunsill tal-UE, fit-13 ta’ Lulju 2010, iddeċieda li jirrevoka d-deroga tal-Estonja.

Kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ, il-Konferenza tar-Riżorsi Umani (HRC) u l-Kumitat tal-Baġit (BUCOM)

Fit-22 ta’ Lulju 2010, bħala parti mill-analiżi tal-mandati tal-kumitati li ssir kull tliet snin, il-Kunsill Governattiv ikkonferma l-presidenti tal-kumitati kollha fil-karigi tagħhom għal perijodu ieħor ta’ tliet snin.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja