Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA INTRODUTTORJA

KONFERENZA STAMPA

Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 23 ta' Jannar 2020

Sinjuri, hu pjaċir kbir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Issa se nagħtukom rapport dwar x’ħareġ mill-laqgħa tal-Kunsill Governattiv tal-lum.

Abbażi tal-analiżi regolari tagħna tas-sitwazzjoni ekonomika u monetarja, iddeċidejna li nżommu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE kif kienu. Aħna nistennew li dawn jibqgħu fil-livelli attwali tagħhom jew f’livelli iżjed baxxi sakemm naraw li l-prospetti tal-inflazzjoni jkunu konverġenti b’mod ċar ma’ livell li jkun qrib biżżejjed, iżda taħt, it-2% fil-perijodu tat-tbassir tagħna, u li din il-konverġenza tkun ġiet riflessa b’mod konsistenti fid-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti.

Se nibqgħu nagħmlu xiri nett skont il-programm tagħna għax-xiri ta’ assi (APP) fl-ammont ta’ €20 biljun fix-xahar. Aħna nistennew li x-xiri jibqa’ jsir sakemm ikun meħtieġ biex insaħħu l-impatt tal-akkomodament tar-rati tal-politika tagħna, u li jintemm ftit qabel nibdew ngħollu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE.

Biħsiebna nibqgħu nerġgħu ninvestu l-pagamenti ewlenin kollha mit-titoli li jimmaturaw u li jkunu nxtraw taħt l-APP għal perijodu estiż ta’ żmien wara d-data meta nibdew ngħollu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet favorevoli ta’ likwidità u livell abbondanti ta’ akkomodament monetarju.

Illum il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jniedi verifika tal-istrateġija tal-politika monetarja tal-BĊE. Aktar dettalji dwar l-iskop u l-iskeda tal-verifika se jiġu ppubblikati llum fi stqarrija għall-istampa fit-15:30 CET.

Id-dejta li qed tasal mill-aħħar laqgħa tagħna ’l hawn hi konsistenti max-xenarju bażi ta’ tkabbir kontinwu, iżda moderat, tal-ekonomija taż-żona tal-euro. B’mod partikolari, id-dgħufija fis-settur tal-manifattura għadha xxekkel ir-ritmu tat-tkabbir fiż-żona tal-euro. Madankollu, tkabbir kontinwu, għalkemm qed jonqos, tal-impjiegi u ż-żieda fil-pagi għadhom qed isostnu l-kapaċità tal-ekonomija taż-żona tal-euro biex tegħleb il-kriżijiet. Waqt li l-iżviluppi fl-inflazzjoni għadhom ġeneralment imrażżna, hemm xi sinjali ta’ żieda moderata fl-inflazzjoni sottostanti b’konformità mal-aspettattivi.

Il-miżuri tal-politika monetarja li qed jiżviluppaw qed jirfdu kundizzjonijiet favorevoli ta’ finanzjament għas-setturi kollha tal-ekonomija. B'mod partikolari, kundizzjonijiet ta’ self aktar faċli għal ditti u individwi qed isostnu l-infiq tal-konsumaturi u l-investiment fin-negozju. Dan se jappoġġa l-espansjoni taż-żona tal-euro, l-akkumulazzjoni tal-pressjonijiet fuq il-prezzijiet domestiċi u, b’hekk, il-konverġenza robusta tal-inflazzjoni mal-għan tagħna għall-inflazzjoni fuq żmien medju.

Fl-istess ħin, fid-dawl tal-prospetti tal-inflazzjoni li għadhom imrażżna, il-politika monetarja trid tibqa’ f’pożizzjoni ta’ akkomodament favorevoli ħafna għal perijodu twil ta’ żmien biex issostni l-pressjonijiet tal-inflazzjoni sottostanti u l-iżviluppi tal-inflazzjoni ġenerali fuq perijodu ta’ żmien medju. Għalhekk, aħna se nissorveljaw mill-qrib l-iżviluppi fl-inflazzjoni u l-impatt tal-miżuri tal-politika monetarja li qed jiżviluppaw, fuq l-ekonomija. L-indikazzjoni tagħna għall-ġejjieni se tiżgura li l-kundizzjonijiet finanzjarji jaġġustaw skont il-bidliet fil-prospetti tal-inflazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill Governattiv jibqa’ dejjem lest biex jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu, kif xieraq, biex jiżgura li l-inflazzjoni tersaq lejn l-għan tiegħu b’mod sostnut, skont l-impenn tiegħu għas-simetrija.

Issa se nispjega l-valutazzjoni tagħna b’iżjed reqqa, u nibda bl-analiżi ekonomika. Abbażi trimestrali, il-PDG reali taż-żona tal-euro żdied b’0.3% fit-tielet trimestru tal-2019, wara tkabbir ta’ 0.2% fit-tieni trimestru. Din ix-xejra ta’ tkabbir moderat tirrifletti d-dgħufija kontinwa fil-kummerċ internazzjonali f’ambjent ta’ inċertezzi globali persistenti, u dan affettwa b’mod partikolari s-settur tal-manifattura taż-żona tal-euro u naqqas ukoll it-tkabbir tal-investiment. Fl-istess ħin, is-setturi tas-servizzi u l-kostruzzjoni għadhom kapaċi jirreżistu l-kriżijiet, minkejja xi moderazzjoni fl-aħħar sitt xhur tal-2019. Id-dejta ekonomika li qed tasal u l-informazzjoni mill-istħarriġ jindikaw xi stabbilizzazzjoni fid-dinamika tat-tkabbir fiż-żona tal-euro, fejn it-tkabbir fuq żmien qasir mistenni jkun simili għar-rati osservati fit-trimestri preċedenti. Ħarsa ’l quddiem turi li l-espansjoni taż-żona tal-euro se tibqa’ tiġi appoġġata minn kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli, aktar impjiegi flimkien ma’ żidiet fil-pagi, il-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro kemxejn espansiva u t-tkabbir kontinwu – għalkemm xi ftit aktar kajman – fl-attività globali.

Ir-riskji għall-prospetti tat-tkabbir taż-żona tal-euro, relatati ma’ fatturi ġeopolitiċi, il-protezzjoniżmu dejjem jiżdied u l-vulnerabbiltajiet fis-swieq emerġenti, għadhom imxaqilba b’mod negattiv, iżda saru kemxejn inqas evidenti billi xi ftit mill-inċertezza fil-kummerċ internazzjonali qed tonqos.

L-inflazzjoni HICP annwali taż-żona tal-euro żdiedet għal 1.3% f’Diċembru 2019, minn 1.0% f’Novembru, u dan jirrifletti prinċipalment inflazzjoni ogħla fil-prezzijiet tal-enerġija. Abbażi tal-prezzijiet attwali tal-kuntratti future taż-żejt, l-inflazzjoni ġenerali x'aktarx li tibqa' bejn wieħed u ieħor fil-livelli attwali fix-xhur li ġejjin. Waqt li l-indikaturi tal-aspettattivi dwar l-inflazzjoni għadhom f’livelli baxxi, dan l-aħħar jew stabilizzaw jew żdiedu kemxejn. Il-miżuri tal-inflazzjoni sottostanti baqgħu ġeneralment baxxi, għalkemm hemm aktar indikazzjonijiet ta’ żieda moderata b’konformità ma’ aspettattivi preċedenti. Waqt li l-pressjonijiet tal-ispiża tax-xogħol tqawwew fil-preżenza ta’ swieq tax-xogħol aktar stretti, ir-ritmu tat-tkabbir aktar dgħajjef qed idewwem it-trażmissjoni tagħhom għall-inflazzjoni. Fuq żmien medju l-inflazzjoni mistennija togħla, appoġġata mill-miżuri tal-politika monetarja tagħna, l-espansjoni ekonomika kontinwa u t-tkabbir solidu fil-pagi.

Dwar l-analiżi monetarja: it-tkabbir tal-aggregat monetarju wiesa’ (M3) kien ta’ 5.6% f’Novembru 2019, bejn wieħed u ieħor l-istess bħalma kien minn Awwissu ’l hawn. Rati sostnuti ta’ tkabbir tal-aggregat monetarju wiesa’ jirriflettu l-ħolqien kontinwu ta’ kreditu bankarju għas-settur privat u spejjeż baxxi ta’ opportunità biex wieħed iżomm M3 meta mqabbel ma’ strumenti finanzjarji oħra. L-aggregat monetarju ristrett M1 għadu l-kontributur ewlieni għat-tkabbir tal-aggregat monetarju wiesa’ fuq in-naħa tal-komponenti.

It-tkabbir fis-self lid-ditti u lill-individwi baqa’ solidu, waqt li bbenifika mis-sostenn kontinwu pprovdut mill-pożizzjoni ta’ akkomodament tal-politika monetarja tagħna, li qed tiġi riflessa f’rati baxxi ħafna għas-self bankarju. Waqt li r-rata tat-tkabbir annwali tas-self lill-individwi baqgħat kif kienet f’Ottubru, saret ta’ 3.5% f’Novembru, ir-rata annwali tat-tkabbir fis-self lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji mmoderat għal 3.4% f’Novembru, wara li kienet ta’ 3.8% f’Ottubru, u dan x’aktarx jirrifletti xi reazzjoni mdewma għad-dgħufija tal-imgħoddi fl-ekonomija. Dawn l-iżviluppi jidhru wkoll fir-riżultati tal-istħarriġ dwar is-self bankarju fiż-żona tal-euro għar-raba’ trimestru tal-2019, u dan jindika domanda li qed tiddgħajjef għal self lid-ditti, waqt li d-domanda għal self lill-individwi għax-xiri tad-djar baqgħat tiżdied. Madankollu, l-istandards tal-kreditu, kemm lid-ditti kif ukoll lill-individwi, baqgħu bejn wieħed u ieħor kif kienu, u dan jindika kundizzjonijiet favorevoli fil-provvista ta’ kreditu. B’mod ġenerali, il-pożizzjoni ta’ akkomodament tal-politika monetarja tagħna se tgħin biex tħares il-kundizzjonijiet favorevoli ħafna tas-self bankarju u se tibqa’ tappoġġa l-aċċess għall-finanzjament, fis-setturi ekonomiċi kollha u b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

Fil-qosor, kontroverifika tar-riżultat tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet li joħorġu mill-analiżi monetarja kkonfermat li għadu meħtieġ livell abbondanti ta’ akkomodament monetarju għall-konverġenza kontinwa u robusta tal-inflazzjoni ma’ livelli li jkunu taħt, iżda qrib it-2% fuq żmien medju.

Biex jitgawdew il-benefiċċji kollha li jirriżultaw mill-miżuri tal-politika monetarja li ħadna, oqsma oħra ta’ politika għandhom jikkontribwixxu b’mod aktar deċiżiv biex isaħħu l-potenzjal ta’ tkabbir fuq żmien itwal, tiġi appoġġata d-domanda aggregata ta’ bħalissa u jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet. L-implimentazzjoni ta’ politika strutturali fil-pajjiżi taż-żona tal-euro jeħtieġ li tiżdied b’mod sostanzjali biex issaħħaħ il-produttività u l-potenzjal tat-tkabbir taż-żona tal-euro, tnaqqas il-qgħad strutturali u żżid il-kapaċità biex jingħelbu l-kriżijiet. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-2019 speċifiċi għall-pajjiżi għandhom iservu bħala indikazzjoni rilevanti.

Fir-rigward tal-politika fiskali, il-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro mistennija tibqa’ tipprovdi xi ftit appoġġ għall-attività ekonomika. Fid-dawl tal-prospetti ekonomiċi dgħajfa, il-Kunsill Governattiv jilqa’ s-sejħa li għamel il-Eurogroup f’Diċembru għal rispons fiskali differenzjat u r-rieda tiegħu biex jikkoordina. Il-gvernijiet b’potenzjal fiskali għandhom ikunu lesti li jaġixxu b’mod effettiv u f’waqtu. F’pajjiżi fejn id-dejn pubbliku hu għoli, il-gvernijiet għandhom isegwu politika prudenti u jilħqu għanijiet ta’ bilanċ strutturali, li għandhom joħolqu l-kundizzjonijiet biex l-istabbilizzaturi awtomatiċi joperaw bla xkiel. Il-pajjiżi kollha għandhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiksbu kompożizzjoni ta’ finanzi pubbliċi aktar favorevoli għat-tkabbir.

Bl-istess mod, l-implimentazzjoni trasparenti u konsistenti tal-qafas ta’ governanza fiskali u ekonomika tal-Unjoni Ewropea tul iż-żmien u fil-pajjiżi kollha għadha essenzjali biex l-ekonomija taż-żona tal-euro ssaħħaħ il-kapaċità tagħha biex tirpkupra mill-kriżijiet. It-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja għadu prijorità. Il-Kunsill Governattiv jilqa’ b’sodisfazzjon ix-xogħol li qed isir u jħeġġeġ iktar passi speċifiċi u deċiżivi biex jitlestew l-unjoni bankarja u l-unjoni tas-swieq tal-kapital.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja