- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Il-Bulgarija tintroduċi l-euro
1 ta’ Jannar 2026
- Il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro jibdew jiċċirkolaw fil-Bulgarija
- Il-Bank Nazzjonali Bulgaru jissieħeb fl-Eurosistema
- Il-Bulgarija ssir il-21 membru taż-żona tal-euro
- Il-Bank Nazzjonali Bulgaru issa huwa wkoll membru sħiħ tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku wara perjodu ta’ kooperazzjoni mill-qrib
L-euro daħal uffiċjalment fiċ-ċirkolazzjoni fil-Bulgarija llum, u b’hekk l-għadd ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) li jużaw il-munita unika Ewropea tela’ għal 21. Dan isegwi mid-deċiżjoni formali li ttieħdet f’Lulju, li ħabbret ukoll ir-rata ta’ konverżjoni uffiċjali ta’ 1.95583 lev Bulgaru għal kull euro.
“Nilqa’ bil-qalb lill-Bulgarija fil-familja tal-euro u lill-Gvernatur Radev fil-Kunsill Governattiv tal-BĊE fi Frankfurt" qalet Christine Lagarde, President tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). “L-euro huwa simbolu qawwi ta’ dak li l-Ewropa tista’ tikseb meta naħdmu flimkien, u tal-valuri kondiviżi u tas-saħħa kollettiva li nistgħu nisfruttaw biex nikkonfrontaw l-inċertezza ġeopolitika globali li qed niffaċċjaw bħalissa.”
Il-BĊE fakkar ukoll l-istadju storiku tal-adozzjoni uffiċjali tal-euro mill-Bulgarija billi xegħel il-bini ewlieni tiegħu fi Frankfurt, bħala simbolu tal-integrazzjoni u tal-unità tat-358 miljun Ewropew li jużaw l-euro bħala l-munita tagħhom.
Bis-sħubija tal-Bulgarija fiż-żona tal-euro, Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali Bulgaru), il-bank ċentrali nazzjonali tal-pajjiż, sar parti mill-Eurosistema u l-Gvernatur tal-Bank Nazzjonali Bulgaru kiseb siġġu fil-Kunsill Governattiv tal-BĊE.
Il-Bank Nazzjonali Bulgaru jsir ukoll membru sħiħ tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, għalkemm il-pajjiż ilu parti mill-qafas ta’ kooperazzjoni mill-qrib minn Ottubru 2020. Bħala tali, il-BĊE bħalissa huwa responsabbli għas-superviżjoni diretta ta’ erba’ istituzzjonijiet sinifikanti fil-pajjiż u għas-sorveljanza ta’ 17-il istituzzjoni inqas sinifikanti hemmhekk. Bħala parti mill-kompiti superviżorji tiegħu, il-BĊE huwa responsabbli wkoll għall-ħruġ ta’ liċenzji lill-banek u għall-valutazzjoni tax-xerrejja ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti fil-banek kollha. Il-Bank Nazzjonali Bulgaru għandu rappreżentant fil-Bord Superviżorju tal-BĊE.
Il-Bank Nazzjonali Bulgaru ħallas il-bqija tal-kontribuzzjoni tiegħu għall-kapital tal-BĊE u ttrasferixxa l-kontribuzzjoni tiegħu għall-assi ta’ riżervi barranin tal-BĊE. Il-kontropartijiet Bulgari tal-Eurosistema se jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-operazzjonijiet tas-suq miftuħ tal-BĊE mħabbra wara l-1 ta' Jannar 2026. Lista ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u fergħat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu fil-Bulgarija li huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ riżerva se tiġi ppubblikata dalwaqt fis-sit elettroniku tal-BĊE, kif ukoll listi ta’ fergħat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu Bulgari li jinsabu fi Stati Membri oħra tal-UE li diġà qed jużaw l-euro. Il-BĊE ħabbar dispożizzjonijiet tranżizzjonali għar-rekwiżiti ta’ riżerva minima fit-13 ta’ Ottubru 2025. Assi li jinsabu fil-Bulgarija li jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa se jiżdiedu mal-lista ta’ kollateral eliġibbli taż-żona tal-euro.
Mil-lum, is-suq Bulgaru ngħaqad ukoll mas-servizzi ta’ TARGET tal-Eurosistema li jiżguraw il-fluss liberu ta’ flus kontanti, titoli u kollateral madwar l-Ewropa. Dawn is-servizzi huma T2 (għas-saldu ta’ pagamenti), T2S (għas-saldu ta’ titoli), TIPS (għas-saldu ta’ pagamenti istantanji) u ECMS (għall-ġestjoni tal-kollateral tal-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema). Is-saldu f’euro fit-T2S u t-TIPS kien possibbli għas-suq Bulgaru mill-2023 u l-2024, rispettivament. Il-migrazzjoni tal-kontropartijiet Bulgari mxiet bla xkiel, u s-servizzi kollha issa huma attivi.
Mil-lum, tidħol fis-seħħ is-sistema l-ġdida tad-drittijiet għall-vot fuq sistema ta’ rotazzjoni fil-Kunsill Governattiv tal-BĊE, kif muri f’dan il-kalendarju.
Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, jekk jogħġobkom ikkuntattjaw lil Benoit Deeg, tel.: +49 172 168 3704.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja