Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE se jiddisinja mill-ġdid il-karti tal-flus tal-euro sal-2024

6 ta’ Diċembru 2021

  • Il-BĊE jistenna li jagħżel disinji ġodda ta' karti tal-flus tal-euro sal-2024
  • BĊE se jara x’inhi l-fehma tal-pubbliku
  • Grupp multidixxiplinari biex jagħti pariri lill-Kunsill Governattiv dwar temi ġodda

[Il-lista tal-Membri tal-Grupp Konsultattiv Tematiku ġiet aġġornata fl-16:00 tas-7 ta’ Jannar 2022 biex tinkludi l-isem tar-rappreżentant Malti]

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) qed jippjana li jfassal mill-ġdid il-karti tal-flus tal-euro, u jaħdem maċ-ċittadini Ewropej fi proċess li mistenni jwassal għal deċiżjoni finali fl-2024.

Il-proċess ta' disinn mill-ġdid se jibda bil-ħolqien ta' gruppi fokali, inkarigati li jiġbru opinjonijiet minn nies madwar iż-żona tal-euro dwar temi possibbli għall-karti tal-flus tal-euro futuri. Grupp konsultattiv tematiku b’espert wieħed minn kull pajjiż taż-żona tal-euro mbagħad jissottometti lista qasira ta’ temi ġodda lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE. Il-membri tal-grupp konsultattiv diġà ġew maħtura mill-BĊE abbażi ta’ proposti mill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro, u jiġu minn diversi oqsma bħal tal-istorja, ix-xjenzi naturali u soċjali, l-arti viżiva u t-teknoloġija. Id-disinji attwali tal-karti tal-flus tal-euro huma bbażati fuq tema “etajiet u stili”, irrappreżentati minn twieqi, bibien u pontijiet.

“Il-karti tal-flus tal-euro hawn se jibqgħu. Huma simbolu tanġibbli u viżibbli li ninsabu flimkien fl-Ewropa, partikolarment fi żminijiet ta’ kriżi, u għad hemm domanda qawwija għalihom,” qalet il-President tal-BĊE Christine Lagarde. "Wara 20 sena, wasal iż-żmien li nirrevedu d-dehra tal-karti tal-flus tagħna biex nagħmluhom aktar relatati mal-Ewropej ta' kull età u sfond."

Wara l-proposti mill-grupp konsultattiv, il-BĊE se jitlob lill-pubbliku għall-kontribut tiegħu dwar it-temi magħżula. Issegwi kompetizzjoni tad-disinn għall-karti tal-flus il-ġodda, u wara l-BĊE jerġa’ jikkonsulta lill-pubbliku. Il- Kunsill Governattiv jieħdu d-deċiżjoni finali.

It-tnedija ta’ dan il-proċess issegwi impenn mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE biex jiżgura karti tal-flus innovattivi u siguri li jirrelataw mal-Ewropej. L-aħħar Studju dwar l-attitudnijiet ta’ ħlas tal-konsumaturi fiż-żona tal-euro (SPACE) wera li l-flus kontanti baqgħu l-aktar mezz ta’ ħlas popolari għall-ħlasijiet bl-imnut personalment fl-2019. Minkejja ż-żieda fil-pagamenti mingħajr flus kontanti matul il-pandemija, id-domanda għall-flus kontanti żdiedet minħabba r-rwol kruċjali tal-flus kontanti bħala maħżen tal-valur. Bħala parti mill-istrateġija tagħha Cash 2030, l-Eurosistema qed tieħu passi konkreti biex tiggarantixxi li l-flus kontanti jibqgħu jkunu disponibbli u aċċettati bħala mezz ta’ ħlas sew fil-futur – inkluż wara t-tnedija possibbli ta’ euro diġitali.

"Irridu niżviluppaw karti tal-flus tal-euro li ċ-ċittadini Ewropej jistgħu jidentifikaw magħhom u jkunu kburin li jużaw bħala flushom," qal il-membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE Fabio Panetta. “Il-proċess ta’ disinn mill-ġdid tal-karti tal-flus tal-euro se jimxi b’mod parallel mal-investigazzjoni tagħna dwar euro diġitali. Iż-żewġ proġetti għandhom l-għan li jissodisfaw il-mandat tagħna li nipprovdu flus sodi u siguri lill-Ewropej.”

Wara li jlesti l-proċess tad-disinn, il-Kunsill Governattiv se jawtorizza l-produzzjoni ta’ karti tal-flus ġodda u jiddeċiedi dwar id-dati potenzjali tal-ħruġ.

Membri tal-Grupp Konsultattiv Tematiku

Alice Twemlow (il-Pajjiżi l-Baxxi), Professur tal-Istorja, Teorija u Soċjoloġija tad-Disinn Grafiku u Kultura Viżiva, Università ta’ Amsterdam

Costas Varotsos (il-Greċja), Artist u Professur, Ffakultà tal-Arkitettura, Università Aristotili, Thessaloniki

Demetrios Michaelides (Ċipru), Professur Emeritu, Università ta’ Ċipru

Elvira Maria Correia Fortunato (il-Portugall), Viċi Rettur, NOVA University Lisbona

Emanuel Buttigieg (Malta), Senior Lecturer fl-Istorja, Fakultà tal-Arti, Università ta’ Malta

Fabio Beltram (l-Italja), Professur tal-Fiżika tal-Materja, Scuola Normale Superiore f’Pisa

Fintan O’Toole (l-Irlanda), Professur tal-Letteratura Irlandiża fl-Università ta’ Princeton u opinjonista f’The Irish Times

Ieva Zibarte (il-Latvja), Kap tal-Eżebizzjonijiet, Ċentru tal-Arti Zuzeum

Jana Arbeiter (is-Slovenja), Assistent Professur u Riċerkatur, Fakultà tax-Xjenzi Soċjali, Università ta’ Ljubljana

Lisa Borgenheimer (il-Ġermanja), Professur tad-Disinn tal-Informazzjoni, HfG Offenbach am Main

Maaria Wirkkala (il-Finlandja), Artista

Marija Marcelionytė-Paliukė (il-Litwanja), Professu, Akkademja tal-Arti ta' Vilnius

Nuria Oliver (Spanja), Direttur u Kofundatur, Unità ELLIS Alicante, u Xjenzjat Ewlieni tad-Data, DataPop Alliance

Patrick Sanavia (il-Lussemburgu), Direttur, Uffiċċju Nazzjonali tal-Patrimonju tal-Lussemburgu

Peter Aufreiter (l-Austrija), Direttur Ġenerali u Direttur Maniġerjali Xjentifiku, Mużew tax-Xjenza u t-Teknoloġija ta’ Vienna

Silvia Miháliková (is-Slovakkja), Professur u riċerkatur, Akkademja tax-Xjenzi Slovakka, Istitut għas-Soċjoloġija, Università ta' Trnava

Stéphane Distinguin (Franza), Fundatur u CEO, Fabernovel

Stephan Vanfleteren (il-Belġju), Fotografu

Vladimir Taiger (l-Estonja), Disinjatur grafiku, kumpanija tal-istampar ta’ sigurtà Vaba Maa

Għal mistoqsijiet tal-midja, jekk jogħġbok ikkuntattja lil Georgina Garriga Sánchez, tel.: +49 69 1344 95368.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja