- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
- 23 ta’ Jannar 2020
Deċiżjonijiet tal-politika monetarja
Fil-laqgħa tal-lum il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddeċieda li r-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità tas-self marġinali u l-faċilità tad-depożitu se jibqgħu kif kienu fil-livell ta’ 0.00%, 0.25% u -0.50% rispettivment. Il-Kunsill Governattiv jistenna li r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE jibqgħu fil-livelli attwali tagħhom jew jitbaxxew sakemm jara li l-prospetti tal-inflazzjoni jkunu konverġenti b’mod ċar u jkunu qrib biżżejjed, iżda taħt it-2% fil-perijodu tat-tbassir tiegħu, u din il-konverġenza tkun ġiet riflessa b’mod konsistenti fid-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti.
Il-Kunsill Governattiv se jibqa’ jagħmel xiri nett skont il-programm tiegħu għax-xiri ta’ assi (APP) f’ammont ta’ €20 biljun fix-xagħar. Il-Kunsill Governattiv jistenna li dan ix-xiri nett jibqa’ jsir sakemm ikun meħtieġ biex jissaħħaħ l-impatt ta’ akkomodament tar-rati tal-politika tiegħu, u li jintemm ftit qabel ma hu jibda jgħolli r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE.
Il-Kunsill Governattiv biħsiebu jibqa’ jerġa’ jinvesti l-pagamenti prinċipali kollha minn titoli li jimmaturaw u li jkunu nxtraw taħt l-APP għal perijodu estiż ta’ żmien wara d-data meta jibda jgħolli r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet favorevoli ta’ likwidità u livell abbondanti ta’ akkomodament monetarju.
Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jniedi verifika tal-istrateġija tal-politika monetarja tal-BĊE. Aktar dettalji dwar l-iskop u l-iskeda tal-verifika jiġu ppubblikati llum fi stqarrija għall-istampa fit-15:30 CET.
Il-President tal-BĊE se tikkummenta dwar il-kunsiderazzjonijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet waqt konferenza stampa li tibda fis-14:30 CET illum.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja