Deċiżjonijiet tal-politika monetarja
Fil-laqgħa tal-lum, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda li r-rata tal-imgħax tal-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax tal-faċilità tas-self marġinali u l-faċilità tad-depożitu se jibqgħu l-istess fil-livell ta’ 0.00%, 0.25% u -0.40% rispettivament. Il-Kunsill Governattiv jistenna li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE se jibqgħu fil-livelli attwali għal perjodu estiż ta’ żmien, u lil hinn sew wara li jintemm il-perjodu tal-akkwist nett ta’ assi.
Għal dawk li huma miżuri straordinarji tal-politika monetarja, il-Kunsill Governattiv jikkonferma li l-akkwist nett ta’ assi, bir-rata attwali ta’ €60 biljun, hu maħsub li jkompli sal-aħħar ta’ Diċembru 2017, jew wara, jekk ikun meħtieġ, u f’kull każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tiegħu. L-akkwisti netti jsiru flimkien mal-investiment mill-ġdid tal-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw li jkunu ġew akkwistati fil-programm tax-xiri ta’ assi. Jekk il-prospettiva ssir inqas favorevoli, jew jekk il-kundizzjonijiet finanzjarji ma jibqgħux konsistenti mat-tkomplija tal-progress lejn aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni, il-Kunsill Governattiv jinsab lest biex ikabbar il-programm f’termini ta’ daqs u/jew tul ta’ żmien.
Il-President tal-BĊE se jagħti l-fehmiet tiegħu fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fis-14:30 CET illum.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja