Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Ġunju 2023
16 ta' Ġunju 2023
Infrastruttura tas-suq u ħlasijiet
Rapport Annwali tat-TARGET 2022
Fl-1 ta’ Ġunju 2023 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-Rapport Annwali TARGET 2022. Ir-rapport jipprovdi informazzjoni fuq it-traffiku u l-prestazzjoni tat-TARGET2 (T2) u l-iżviluppi ewlenin li seħħu fl-2022. Jinkludi wkoll seba’ kaxxi dwar suġġetti li huma ta’ relevanza partikolari fl-2022, inkluża analiżi dettaljata tat-traffiku u l-fatturat ta’ T2; il-volum u l-iżviluppi funzjonali fit-TIPS; l-impatt tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fuq it-traffiku tat-T2; l-impatt tad-deċiżjonijiet tal-politika monetarja tal-BĊE fuq ir-rati tas-suq monetarju dderivati minn data tat-T2; titjib tal-għodod ta’ komunikazzjoni tas-servizzi tat-TARGET; ħarsa ġenerali lejn l-analitika tat-T2 għall-konformità regolatorja; u aġġornament tal-proġett ta’ konsolidazzjoni tat-T2/T2S u servizzi ta’ saldu gross f’ħin reali futuri. Ir-rapport jinsab fis-sit web tal-BĊE.
TARGET2-Securities (T2S) Rapport Annwali 2022
Fis-6 ta’ Ġunju 2023, il-BĊE ppubblika r-Rapport Annwali T2S għall-2022. Dan jippreżenta l-iżviluppi u l-bidliet fid-data tas-saldu tat-T2S u jikkonferma l-istabbiltà operattiva kontinwa u l-effiċjenza tat-T2S. Minbarra l-kontenut ewlieni, żewġ kaxxi huma inklużi fir-rapport, li jipprovdu informazzjoni fil-fond dwar inizjattivi mmirati lejn it-titjib tal-effiċjenza tas-saldu u dwar l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ penali. Ir-rapport jinsab fis-sit web tal-BĊE.
Parir dwar leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar żieda fil-limitu ta’ ħlas fi flus kontanti
Fit-30 ta’ Mejju 2023, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/13 fuq talba tal-President tal-Kumitat Finanzjarju u Baġitarju tal-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka.
Opinjoni tal-BĊE dwar is-sorveljanza tas-sigurtà tas-sistema tas-sistemi ta’ pagament
Fl-1 ta’ Ġunju 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/14 fuq talba minn Oesterreichische Nationalbank.
Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal direttiva dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva
Fis-6 ta’ Ġunju 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/15 mħejjija b’inizjattiva proprja tal-BĊE.
Governanza korporattiva
Emendi għar-Regolament dwar is-setgħat tal-BĊE li jimponi sanzjonijiet
Fil-25 ta’ Mejju 2023 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament ECB/2023/13 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2157/1999 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet. Skont l-att legali rivedut il-BĊE għandu jippubblika deċiżjoni li jimponi sanzjoni jew informazzjoni relatata magħha bħala r-regola awtomatika. Il-bidliet introdotti jagħmlu l-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet imposti mill-BĊE fil-qasam tal-kompiti bankarji ċentrali tiegħu konsistenti mar-reġim applikabbli għas-sanzjonijiet imposti fil-qasam tas-superviżjoni.
Skedi għal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv u l-Kunsill Ġenerali tal-BĊE fl-2024
Fis-26 ta’ Mejju 2023 il-BĊE ppubblika l-iskedi għal-laqgħat tal-2024 tal-Kunsill Governattiv u tal-Kunsill Ġenerali. L-iskeda tinsab fis-sit web tal-BĊE.
Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tal-Banca d’Italia
Fit-2 ta’ Ġunju 2023 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2023/14 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Banca d’Italia.
Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali Ewropew
Fis-6 ta' Ġunju 2023 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2023/15 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Kooperazzjoni internazzjonali u Ewropea
Rapport dwar ir-rwol internazzjonali tal-euro
Fit-2 ta’ Ġunju 2023 il-Kunsill Governattiv approva l-edizzjoni ta’ Ġunju 2023 tar-rapport fuq ir-rwol internazzjonali tal-euro u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu fis-sit web tal-BĊE. Ir-rapport jippreżenta ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi fl-użu tal-euro minn residenti mhux fiż-żona tal-euro fl-2022 u dalwaqt se jkun disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.
Skambju ta’ Ittri bejn il-BĊE u l-Parlament Ewropew fil-qasam tal-banek ċentrali
Fil-5 ta’ Ġunju 2023, il-President tal-BĊE u l-President tal-Parlament Ewropew iffirmaw Skambju ta’ Ittri bejn iż-żewġ istituzzjonijiet fil-qasam tal-banek ċentrali, wara t-tlestija tal-proċessi ta’ approvazzjoni interna miż-żewġ istituzzjonijiet. Dan l-Iskambju ta’ Ittri ġie ppubblikat fl-istess data u huwa disponibbli taħt it-taqsima Responsabbiltà tas-sit web tal-BĊE. L-Anness tiegħu jikkostitwixxi l-fehim komuni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet għall-istrutturar tal-prattiki għall-interazzjoni bejn il-BĊE u l-Parlament Ewropew kif żviluppaw matul dawn l-aħħar snin.
Superviżjoni Bankarja tal-BĊE
Rapport Annwali dwar attivitajiet ta’ sanzjonar fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) fl-2022
Fit-30 ta’ Mejju 2023 il-BĊE ppubblika r-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet ta’ sanzjonar fl-MSU fl-2022. Id-dokument jippreżenta statistika komprensiva dwar l-attivitajiet ta’ sanzjonar fir-rigward ta’ ksur tar-rekwiżiti prudenzjali mwettqa fl-2022 mill-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri li jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. Ir-rapport jinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Metodoloġija tal-Proċess ta’ Rieżami u Evalwazzjoni Superviżorji (SREP) għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu
Fl-31 ta’ Mejju 2023, il-BĊE ppubblika deskrizzjoni dettaljata tal-metodoloġija SREP għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu f’istituzzjonijiet sinifikanti. Id-dokument jinsab fis-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Konsultazzjoni pubblika dwar prattiki sodi fil-governanza u l-ġestjoni tar-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti (CCR)
Fit-2 ta’ Ġunju 2023, il-BĊE nieda konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz ta’ rapport dwar prattiki sodi fil-governanza u l-ġestjoni tas-CCR. Ir-rapport jiġbor fil-qosor ir-riżultati tar-rieżami mmirat imwettaq fit-tieni nofs tal-2022. L-istqarrija għall-istampa relatata b’aktar dettalji tinsab fis-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Il-konformità tal-BĊE mal-Linji Gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) dwar l-użu ta’ Soluzzjonijiet ta’ Onboarding tal-Klijenti mill-Bogħod
Fit-2 ta’ Ġunju 2023 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-EBA li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE għandu l-ħsieb li jikkonforma, sat-2 ta’ Ottubru 2023 mal-Linji Gwida tal-EBA dwar l-użu ta’ Soluzzjonijiet ta’ Onboarding tal-Klijenti mill-Bogħod skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849 (EBA/GL/2022/15).
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja