Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

April 2023

21 ta' April 2023.

Operazzjonijiet tas-suq

Adozzjoni ta’ atti legali li jimplimentaw tibdil fir-remunerazzjoni tad-depożiti tal-politika mhux monetarja

Fil-5 ta’ April 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2023/8 li temenda Linja Gwida BĊE/2019/7 dwar operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali u d-Deċiżjoni BĊE/2023/9 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2019/31 dwar ir-remunerazzjoni ta’ holdings ta’ eċċess ta’ riżervi u ta’ ċerti depożiti. Dawn l-atti legali jimplimentaw il-bidliet li għandhom jiġu introdotti fir-reġim ta’ remunerazzjoni mill-1 ta’ Mejju 2023, kif deċiż mill-Kunsill Governattiv fis-7 ta’ Frar 2023. L-istqarrija għall-istampa relatata hi disponibbli fis-sit web tal-BĊE.

Opinjonijiet fuq il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-impożizzjoni ta’ kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà

Fl-4 ta’ April 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/9 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Litwanja.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tan-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique

Fit-13 ta’ April 2023 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2023/10 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tan-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique.

Emenda għad-Deċiżjoni tal-BĊE dwar it-twaqqif tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami (ABoR) u r-regoli operattivi tiegħu

Fit-13 ta' April 2023 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2023/11 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/16 dwar l-istabbiliment ta' Bord Amministrattiv ta' Rieżami u r-regoli operattivi tiegħu. L-att legali ta’ emenda jiċċara u jadatta ċerti aspetti tar-regoli operattivi tal-ABoR abbażi tal-esperjenza miksuba minn mindu ġie stabbilit.

Statistika

L-espansjoni tal-popolazzjoni li tirrapporta tal-istatistika tas-suq monetarju tal-euro

Fil-5 ta’ April 2023 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jespandi l-popolazzjoni li tirrapporta għar-rapportar tal-istatistika tas-suq monetarju (MMSR) billi jżid 24 bank ġdid mas-47 bank li attwalment qed jirrapportaw. Il-banek il-ġodda se jibdew jirrapportaw fl-1 ta’ Lulju 2024, biex b’hekk id-data tal-MMSR ippubblikata mill-BĊE ssir aktar rappreżentattiva. L-istqarrija għall-istampa relatata dwar dan dalwaqt tkun disponibbli fis-sit web tal-BĊE.

Rapport ta’ Kwalità tal-2022 dwar il-kontijiet finanzjarji taż-żona tal-euro u l-kontijiet finanzjarji nazzjonali trimestrali

Fl-14 ta’ April 2023 il-Kunsill Governattiv approva l-valutazzjoni inkluża fir-Rapport ta’ Kwalità tal-2022 dwar iż-żona tal-euro u l-kontijiet finanzjarji trimestrali u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu. Dan ir-rapport biennali jipprovdi analiżi ta’ kwalità tal-output statistiku li jkopri l-elementi ta’: (i) is-solidità metodoloġika, (ii) il-puntwalità, (iii) l-affidabbiltà u l-istabbiltà, (iv) il-konsistenza interna, u (v) il-konsistenza/il-koerenza esterna ma’ oqsma statistiċi komparabbli oħrajn. Ir-rapport ma jdumx ma jidher fis-sit web tal-BĊE.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Pubblikazzjoni tal-metodoloġija tal-MSU dwar l-istabbiliment tar-rekwiżit tal-Pilastru 2 għall-banek

Fl-11 ta’ April 2023, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jippubblika paġna web dwar il-metodoloġija użata biex jiġi stabbilit ir-rekwiżit tal-Pilastru 2 għal banek individwali. Informazzjoni relatata hija disponibbli taħt it-taqsima rilevanti tas-sit web tal-BĊE dwar is-superviżjoni Bankarja.

Il-konformità tal-BĊE mal-linji gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) dwar il-ġestjoni tar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax li jirriżulta minn attivitajiet li mhumiex parti mill-portafoll tan-negozjar

Fis-17 ta’ April 2023 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-EBA li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE għandu l-ħsieb li jikkonforma, sal-31 ta’ Diċembru 2023 mal-Linji Gwida tal-EBA dwar il-ġestjoni tar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax li jirriżulta minn attivitajiet li mhumiex parti mill-portafoll tan-negozjar (EBA/GL/2022/14).

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja