Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Lulju 2015

EMBARGO

M’GĦANDHIEX TIXXANDAR QABEL it-3 p.m. CET tas-17 ta’ Lulju 2015

Komunikazzjoni esterna

Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar l-operazzjonijiet monetarji definittivi (OMT)

Fit-18 ta’ Ġunju 2015 il-Kunsill Governattiv ħa nota tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li kkonfermat li l-programm ta’ xiri ta’ titoli fis-swieq sekondarji tad-dejn sovran ( Outright Monetary Transactions – OMT) li tħabbar fl-2012 kien kompatibbli mal-liġi tal-UE u fil-kompetenzi tal-BĊE. Stqarrija għall-istampa dwar din id-deċiżjoni tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Operazzjonijiet tas-suq

Operazzjonijiet b’offerta u perjodi taż-żamma tar-riżervi fl-2016

Fit-18 ta’ Ġunju 2015 il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-kalendarji indikattivi għall-operazzjonijiet regolari tal-Eurosistema b’offerta u għall-perjodi taż-żamma tar-riżervi fl-2016. Id-dettalji jinsabu f’żewġ stqarrijiet għall-istampa bi 23 lingwa uffiċjali tal-UE, li ġew ippubblikati fil-websajt tal-BĊE fit-22 ta’ Ġunju 2015.

Speċifikazzjoni ta’ aspetti tekniċi tal-operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (TLTRO)

Fil-25 ta’ Ġunju 2015 il-Kunsill Governattiv approva aspetti tekniċi ta’ rilevanza għat-tmexxija tal-operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal ( targeted longer-term refinancing operations – TLTRO), b’mod partikolari dawk relatati mal-impatt tar-rieżami tad-dejta dwar il-kalkolu tal- allowance inizjali u addizzjonali.

Titjib fir-rekwiżiti ta’ trasparenza għal titoli koperti b’assi (ABS)

Fil-25 ta’ Ġunju 2015 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jnaqqas il-livelli ta’ tolleranza għal sistemi tal-IT tradizzjonali u assi tradizzjonali ( legacy assets) fil-kuntest tar-rekwiżiti ta’ dejta tal-livell tas-self għal titoli koperti b’assi ( asset-backed securities – ABS), wara perjodu ta’ adattament ta’ sena. Aktar tagħrif dwar dan it-tibdil jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Prinċipji ta’ gwida għal ABS eliġibbli preferiti mill-Eurosistema għall-programm ta’ xiri ta’ ABS

Fl-1 ta’ Lulju 2015 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jippubblika sett ta’ prinċipji ta’ gwida sabiex ifiehem il-preferenzi tal-Eurosistema fir-rigward tal-ABS li jistgħu jinxtraw fil-kuntest tal-programm ta’ xiri ta’ ABS. L-għan ta’ dawn il-prinċipji huwa li l-parteċipanti fis-swieq ikollhom aktar ċarezza. Dawn il-prinċipji jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Provediment ta’ assistenza ta’ likwidità f’emerġenza (ELA) mill-Bank of Greece

Fis-6 ta’ Lulju 2015 il-Kunsill Governattiv ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jżomm il-provediment ta’ assistenza ta’ likwidità f’emerġenza ( emergency liquidity assistance – ELA) mill-Bank of Greece lill-banek Griegi fil-livell deċiż fis-26 ta’ Ġunju 2015 u li jaġġusta t-telf impost ( haircuts) applikat għall-kollateral aċċettat mill-Bank of Greece għall-ELA. Stqarrija għall-istampa dwar din id-deċiżjoni tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ ħlas u infrastruttura tas-suq

Ir-raba’ rapport dwar il-falsifikazzjoni tal-kards

Fid-9 ta’ Lulju 2015 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-raba’ rapport dwar il-falsifikazzjoni tal-kards, imħejji mill-Kumitat għas-Sistemi ta’ Ħlas u Saldu (PSSC), u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu fil-websajt tal-BĊE. Ir-rapport, li jinsab fil-websajt tal-BĊE, janalizza t-tendenzi u x-xejriet fil-falsifikazzjoni tal-kards fi ħdan iż-Żona Unika għall-Pagamenti bl-Euro ( Single Euro Payments Area – SEPA) u jkopri l-perjodu 2009-2013.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar reġistru tal-kreditu ċentrali f’Malta

Fid-19 ta’ Ġunju 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/20 wara talba mill-Bank Ċentrali ta’ Malta.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fis-swieq finanzjarji fis-Slovakkja

Fl-1 ta’ Lulju 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/21 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovakkja.

Opinjoni tal-BĊE dwar irkupru u riżoluzzjoni fis-suq finanzjarju fir-Repubblika Ċeka

Fl-1 ta’ Lulju 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/22 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika Ċeka.

Opinjoni tal-BĊE dwar qafas legali ġdid għal banek tat-tfaddil fil-Portugall

Fis-7 ta’ Lulju 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/23 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Portugall.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja