Għażliet għat-Tiftix
Home Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika monetarja L-euro Pagamenti u swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

21 ta’ Jannar 2021

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jikkonferma mill-ġdid il-pożizzjoni tal-politika monetarja akkomodattiva ħafna tiegħu.

Fl-ewwel lok, ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità ta’ self marġinali u l-faċilità ta’ depożitu se jibqgħu l-istess f’0.00%, 0.25% u -0.50% rispettivament. Il-Kunsill Governattiv jistenna li r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE jibqgħu fil-livelli preżenti tagħhom jew aktar baxxi sakemm jara l-prospetti tal-inflazzjoni jikkonverġu b’mod qawwi għal livell viċin biżżejjed, iżda taħt, it-2% fl-orizzont tal-projezzjoni tiegħu, u tali konverġenza kienet konsistentement riflessa fid-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti.

Fit-tieni lok, il-Kunsill Governattiv ser ikompli x-xiri taħt il-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP) b’pakkett totali ta’ €1,850 biljun. Il-Kunsill Governattiv se jwettaq xiri nett taħt il-PEPP tal-anqas sal-aħħar ta’ Marzu 2022 u, fi kwalunkwe każ, sakemm iqis li l-fażi tal-kriżi tal-koronavirus spiċċat. Ix-xiri taħt il-PEPP se jsir biex jiġu ppreservati kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli matul il-perjodu tal- pandemija. Jekk kundizzjonijiet favorevoli ta’ finanzjament jistgħu jinżammu bi flussi ta’ xiri ta’ assi li ma jeżawrixxux il-pakkett fuq l-orizzont nett ta’ xiri tal-PEPP, il-pakkett m’għandux għalfejn jintuża kollu. Bl-istess mod, il-pakkett jista’ jiġi kkalibrat mill-ġdid jekk meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli biex jgħinu fil-ġlieda kontra x-xokk negattiv tal-pandemija għat-triq tal-inflazzjoni.

Il-Kunsill Governattiv ser ikompli jinvesti mill-ġdid il-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-anqas it-tmiem tal-2023. Fi kwalunkwe każ, l-introduzzjoni futura tal-portafoll tal-PEPP ser tkun ġestita biex tevita interferenza mal-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa.

Fit-tielet lok, ix-xiri nett taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi (APP) se jkompli b’pass ta’ kull xahar ta’ €20 biljun. Il-Kunsill Governattiv ikompli jistenna li x-xiri ta’ assi netti ta’ kull xahar taħt l-APP jibqa’ għaddej sakemm ikun meħtieġ biex isaħħaħ l-impatt ta’ akkomodament tar-rati tal-politika tiegħu, u jispiċċa ftit qabel ma jibda jgħolli r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE.

Il-Kunsill Governattiv beħsiebu wkoll ikompli jinvesti mill-ġdid, b’mod sħiħ, il-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt l-APP għal perjodu estiż ta’ żmien li jgħaddi mid-data meta jibda jgħolli r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet ta’ likwidità favorevoli u grad abbundanti ta’ akkomodament monetarju.

Fl-aħħar nett, il-Kunsill Governattiv ser ikompli jipprovdi biżżejjed likwidità permezz tal-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tiegħu. B’mod partikolari, it-tielet sensiela ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament immirati fuq żmien itwal (TLTRO III) tibqa’ sors attraenti ta’ finanzjament għall-banek, li tappoġġja self bankarju lill-impriżi u lill-unitajiet domestiċi.

Il-Kunsill Governattiv għalhekk ikompli jkun lest biex jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu, kif ikun xieraq, biex jiżgura li l-inflazzjoni timxi lejn l-għan tiegħu b’mod sostnut, skont l-impenn tiegħu għas-simetrija.

Il-President tal-BĊE ser tikkummenta dwar il-kunsiderazzjonijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet waqt konferenza stampa li tibda fis-14:30 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftieħem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.