STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

9 ta' Marzu 2017

Fil-laqgħa tal-lum il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ħa d-deċiżjoni li r-rata tal-imgħax tal-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax tal-faċilità tas-self marġinali u l-faċilità tad-depożitu jibqgħu l-istess, jiġifieri 0.00%, 0.25% u -0.40% rispettivament. Il-Kunsill Governattiv qiegħed ikompli jistenna li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE se jibqgħu fil-livell attwali jew inqas għal perjodu estiż ta’ żmien, u sew wara li jintemm il-perjodu tal-akkwist nett ta’ assi.

Għal dawk li huma miżuri straordinarji tal-politika monetarja, il-Kunsill Governattiv jikkonferma li se jkompli jagħmel akkwisti fil-programm tax-xiri ta’ assi (APP) bir-ritmu attwali ta’ €80 biljun fix-xahar sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, u li minn April 2017 huwa maħsub li l-akkwist nett ta’ assi jkompli jsir bir-ritmu ta’ €60 biljun fix-xahar sal-aħħar ta’ Diċembru 2017 jew wara, jekk ikun meħtieġ, u f’kull każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tiegħu. L-akkwisti netti se jsiru flimkien mal-investiment mill-ġdid tal-pagamenti prinċipali minn titoli mixtrijin fl-APP li jimmaturaw. Jekk il-prospettiva ssir inqas favorevoli, jew jekk il-kundizzjonijiet finanzjarji ma jibqgħux konsistenti mat-tkomplija tal-progress lejn aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni, il-Kunsill Governattiv jinsab lest biex ikabbar il-programm f’termini ta’ daqs u/jew tul ta’ żmien.

Il-President tal-BĊE se jagħti l-fehmiet tiegħu fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li għandha tibda fis-14:30 CET illum.

Kuntatti midja