Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati ta’ imgħax)

Frar 2009

Is-sitwazzjoni ekonomika, monetarja u finanzjarja

Rapport dwar Kwistjonijiet Strutturali 2009

Fid-19 ta’ Frar 2008, il-Kunsill Governattiv approva r-Rapport dwar Kwistjonijiet Strutturali 2009, li kien tħejja mill-Kumitat għall-Politika Monetarja (wieħed mill-kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ). Ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi ewlenin fl-iffinanzjar tal-akkomodazzjonijiet fiż-żona euro matul il-perjodu 1999-2007 (djun minħabba self, karatteristiċi ta’ self għal xiri ta’ akkomodazzjoni u l-iffinanzjar ta’ self bħal dan, kif ukoll il-meded tar-rati ta’ imgħax). Fih ukoll tqabbil tal-aspetti ewlenin tal-iffinanzjar tal-akkomodazzjonijiet fiż-żona euro ma’ dawk fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti. Ir-rapport sejjer jintbagħat lill-Parlament Ewropew u sejjer jiġi ppubblikat fis-sit elettroniku tal-BĊE f’April 2009.

Kwistjonijiet operattivi

Linja Gwida tal-BĊE dwar strumenti u proċeduri tal-politika monetarja

F’Jannar 2009, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jikkumplimenta l-irfinar tekniku ta’ miżuri ta’ kontroll tar-riskji li kien ħabbar fl-4 ta’ Settembru 2008 b’aġġustamenti addizzjonali fir-rigward ta’ titoli sostnuti minn assi (ABS) u bonds bankarji mhux koperti. Dawn l-aġġustamenti addizzjonali, li se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2009, huma implimentati permezz ta’ emendi tal-Linja gwida BĊE/2000/7 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja ta’ l-Eurosistema (BĊE/2009/1) u huma spjegati fid-dettall fi stqarrija għall-istampa maħruġa fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fl-20 ta’ Jannar 2009, id-data tal-adozzjoni tal-Linja gwida BĊE/2009/1 mill-Kunsill Governattiv. Il-Linja Gwida ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fil-5 ta’ Frar 2009 u hija disponibbli wkoll fuq il-website tal-BĊE.

Studju dwar is-Suq tal-Euro 2008

Fid-29 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tal-Istudju dwar is-Suq tal-Euro 2008. Huwa bbażat fuq stħarriġ li jkopri t-tieni perjodi ta’ tliet xhur tal-2007 u tal-2008 u analiżi tas-suq fil-valuta euro f’termini ta’ tendenzi fil-fatturat u żviluppi fl-integrazzjoni u fl-effikaċja tiegħu. L-istudju, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa, ġie ppubblikat fit-2 ta’ Frar 2009 fuq il-websajt tal-BĊE.

Żieda fil-provvediment ta’ likwidità ta’ ġimgħa fi frank Żvizzeru għall-kontopartijiet tal-Eurosistema

Fit-30 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill Governattiv approva żieda fil-provvediment ta’ likwidità ta’ frank Żvizzeru għal kontropartijiet tal-Eurosistema permezz ta’ swap tenders EUR/CHF ta’ ġimgħa bl-ogħla limitu għal kull operazzjoni jkun €25 biljun. Fit-tħabbira tal-operazzjoni suċċessiva nhar it-2 ta’ Frar 2009, ġiet inkluża komunikazzjoni għal dan il-għan.

Estensjoni tal-linja swap ta’ USD mas-Sistema ta’ Riserva Federali

Nhar it-2 ta’ Frar 2009, il-Kunsill Governattiv iddeċieda, flimkien mal-Kumitat Federali tas-Suq Miftuħ tas-Sistema ta’ Riserva Federali, li jestendi l-arranġament reċiproku temporanju tal-munita (linja swap) sat-30 ta’ Ottubru 2009. Fit-3 ta’ Frar 2009, ġiet ippubblikata stqarrija għall-istampa relatata fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Studju annwali ta’ swieq mhux regolati

Fis-6 ta’ Frar 2009, il-Kunsill Governattiv ikkunsidra l-valutazzjoni annwali tas-swieq mhux regolati. Din il-valutazzjoni kkonkludiet li MTS Slovenia jiġi nkluż fil-lista ta’ swieq aċċettabbli mhux regolati għall-għanijiet ta’ ġestjoni tal-kollateral tal-Eurosistema. Lista aġġornata ta’ swieq mhux regolati aċċettati mill-BĊE hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.

Sistemi ta’ pagament u l-Infrastruttura tas-suq

Pubblikazzjoni tal-indikaturi taż-Żona Unika ta’ Pagamenti f’Euro (SEPA) nazzjonali

Fis-6 ta’ Frar 2009, il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-indikaturi nazzjonali ta’ Trasferiment ta’ Krediti (SCT) bis-SEPA għal pajjiżi individwali fuq is-sit elettroniku tal-BĊE, kif ukoll għall-SCTs taż-żona euro li huma diġà disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.

Politika ta’ oversight u standards armonizzati tas-sistemi ta’ pagament tal-Eurosistema

Fid-19 ta’ Frar 2009, il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni ta’ qafas politiku ta’ oversight tal-Eurosistema, li jipprovdi ħarsa ġenerali tas-sett eżistenti ta’ metodi u strumenti użati mill-Eurosistema fil-qasam tal-oversight, u tal-approċċ tal-oversight armonizzat tal-Eurosistema u standards ta’ oversight għal strumenti ta’ pagament. Illum ġiet ippubblikata stqarrija għall-istampa fis-sit elettroniku tal-BĊE li tipprovdi informazzjoni aktar dettaljata.

L-istabbiltà finanzjarja u s-superviżjoni

Pubblikazzjoni ta’ dejta bankarja konsolidata

Fid-19 ta’ Frar 2009, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jippubblika fuq il-website tal-BĊE, dejta li tirreferi għall-perjodu li jintemm Diċembru 2007 dwar il-profitabbiltà, folji ta’ bilanċ u solvenza tal-banek tal-UE. Dawn id-dejta, ikkompilati mill-Kumitat għas-Sorveljanza Bankarja, jkopru s-sistemi bankarji tal-pajjiżi tal-UE kollha u jipprovdu informazzjoni fuq il-gruppi tal-banek kollha.

Rapport tal-BĊE dwar l-Integrazzjoni Finanzjarja 2009

Fid-19 ta’ Frar 2009, il-Kunsill Governattiv ħa nota li t-tielet edizzjoni tar-Rapport tal-BĊE dwar l-Integrazzjoni Finanzjarja sejra toħroġ f’Marzu 2009. Din l-edizzjoni tar-rapport tippreżenta l-istat tal-integrazzjoni finanzjarja fiż-żona euro u tal-attivitajiet tal-Eurosistema fir-rigward tal-integrazzjoni finanzjarja, kif ukoll tliet karatteristiċi magħżula li jinkludu l-kriżi finanzjarja dwar l-integrazzjoni finanzjarja taż-żona euro. Din is-sena, l-iskop tar-rapport ġie estiż ukoll biex jinkludi mhux biss l-integrazzjoni finanzjarja iżda wkoll l-iżvilupp finanzjarju. Ir-rapport sejjer ikun magħmul disponibbli dalwaqt fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-regoli li jirregolaw id-distribuzzjoni tad-dħul u l-allokazzjoni tal-profitti tan-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique

Fis-16 ta’ Jannar 2009, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Belġjan, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar l-emendi tar-regoli li jirregolaw id-distribuzzjoni tad-dħul tan-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique u l-allokazzjoni tal-profitti tiegħu lill-Istat Belġjan (CON/2009/4). L-Opinjoni hija disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-ħlas mill-Oesterreichische Nationalbank tal-kwota tal-IMF għall-Awstrija

Fit-22 ta’ Jannar 2009, fuq it-talba tal-Ministeru tal-Finanzi Awstrijak, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar il-ħlas mill-Oesterreichische Nationalbank taż-żieda proposta fil-kwota tal-IMF għall-Awstrija (CON/2009/5). L-Opinjoni hija disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri ta’ stabbiltà finanzjarja fid-Danimarka

Fis-26 ta’ Jannar 2009, fuq talba tal-Ministeru tal-Ekonomija u l-Affarijiet Kummerjali Daniż, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar l-estenzjoni tal-iskema ta’ stabbiltà finanzjarja li tiggarantixxi kopertura sħiħa tal-klejms mid-depożitanti u kredituri ordinarji, u dwar skema għall-għoti ta’ kapital mill-Istat lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu (CON/2009/6). L-Opinjoni hija disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-qafas legali tal-Lussemburgu għal statistiċi

Fis-27 ta’ Jannar 2009, fuq talba tal-Banque centrale du Luxembourg, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni tar-rwol tal-Banque centrale du Luxembourg fil-kumpilazzjoni ta’ ċerta statistika (CON/2009/7). L-Opinjoni hija disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-muniti Żvediżi u r-regoli dwar it-tqarrib

Fl-4 ta’ Frar 2009, fuq talba ta’ Sveriges Riksbank, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar munita fl-iżgħar denominazzjoni li tieqaf tkun valuta legali u emendi tar-regoli dwar it-tqarrib (CON/2009/8). L-Opinjoni hija disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar it-titoli

Fl-4 ta’ Frar 2009, fuq talba tal-Magyar Nemzeti Bank, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar ir-regoli operattivi tad-depożitarju ċentrali tat-titoli, il-kamra ta’ l-ikklirjar u l-kontroparti ċentrali (CON/2009/9). L-Opinjoni hija disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri ta’ stabbiltà finanzjarja fil-Latvja

Fl-4 ta’ Frar 2009, fuq talba tal-Kummissjoni tas-Suq Finanzjarju u Kapitali Latvjana, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar l-iskema ta’ garanzija ta’ depożitu u r-rwol ta’ l-awtorità superviżorja fil-proċedimenti ta’ insolvenza (CON/2009/10). L-Opinjoni hija disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri ta’ stabbiltà finanzjarja fil-kuntest tat-takeovers tal-banek fil-Latvja

Fid-9 ta’ Frar 2009, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Latvjan, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar il-kumpens imħallas mill-Istat fil-kuntest tat- takeovers tal-banek (CON/2009/11). L-Opinjoni hija disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri ta’ stabbiltà finanzjarja f’Ċipru

Fid-9 ta’ Frar 2009, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Ċiprijott, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ self u garanziji mill-Istat f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza (CON/2008/12). L-Opinjoni hija disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-kriterji ta’ eleġibilità għall-membri tal-Kunsill Governattiv tal-Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali Bulgaru)

Fis-16 ta’ Frar 2009, fuq talba tal-Ministeru tal-Ġustizzja Bulgaru, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar kriterji addizzjonali ta’ eliġibbilta` fir-rigward tal-membri tal-Kunsill Governattiv tal-Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali Bulgaru) u regoli oħra biex tingħata informazzjoni f’dan ir-rigward (CON/2009/13). L-Opinjoni hija disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Kooperazzjoni Internazzjonali u Ewropea

Programm ta’ għajnuna teknika tal-Eurosistema għal pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati

Fil-5 ta’ Frar 2009, il-Kunsill Governattiv approva l-parteċipazzjoni tal-Eurosistema fi programm reġjonali ta’ għajnuna teknika fil-qasam tas-sorveljanza bankarja li jinvolvi tmien pajjiżi bl-istatus formali ta’ pajjiż kandidat tal-UE jew ta’ pajjiż potenzjalment kandidat (l-Albanija, il-Bosnia u Ħerzegovina, il-Kroazja, l-ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, il-Kosovo, il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija). Dan il-programm ta’ sentejn, li se jkun ikkoordinat ma’ istituzzjonijiet oħrajn li jipprovdu għajnuna teknika fir-reġjun, se jidħol fis-seħħ mill-Ħarifa tal-2009.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tad-Deutsche Bundesbank

Fis-16 ta’ Frar 2009, il-Kunsill Governattiv adotta Rakkomandazzjoni lill-Kunsill tal-UE dwar l-awdituri esterni tad-Deutsche Bundesbank (BĊE/2009/3). Ir-Rakkomandazzjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fis-sit elettroniku tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja