Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jiffissaw ir-rati tal-imgħax)
Kwistjonijiet operazzjonali
Provvista ta’ likwidità fi Franki Svizzeri lill-kontropartijiet tal-Eurosistema
Fil-15 ta’ Jannar 2009, bi qbil mas-Swiss National Bank (SNB), il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jibqa’ jipprovdi likwidità fi Franki Svizzeri (CHF) lill-kontropartijiet tal-Eurosistema permezz ta’ sejħiet għall-offerti swap EUR/CHF ta’ ġimgħa għall-inqas sal-aħħar ta’ April. Stqarrija għall-istampa konġunta ġiet ippubblikata fis-16 ta’ Jannar 2009 fil-websajts tal-BĊE u tas-SNB.
Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar garanziji tal-Istat Sloven
Fid-19 ta' Diċembru 2008, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Sloven, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar il-kriterji u l-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ garanzija tal-Istat (CON/2008/88). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Opinjoni tal-BĊE dwar strumenti tal-politika monetarja Latvjani
Fid-19 ta’ Diċembru 2008, fuq talba tal-Latvijas Banka, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar strumenti tal-politika monetarja (CON/2008/89). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri Ungeriżi għall-ipproċessar u d-distribuzzjoni ta’ karti tal-flus u muniti u kontra l-falsifikazzjoni
Fit-22 ta’ Diċembru 2008, fuq talba tal-Magyar Nemzeti Bank, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar l-ipproċessar u d-distribuzzjoni ta’ karti tal-flus u muniti u l-miżuri tekniċi għall-prevenzjoni tal-falsifikazzjoni (CON/2008/90). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Opinjoni tal-BĊE dwar regoli li jirregolaw ħlasijiet ta’ tmiem l-impjieg kif japplikaw għan-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique
Fit-22 ta’ Diċembru 2008, fuq talba tal-Ministeru Belġjan tal-Ġustizzja, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar l-applikazzjoni, għan-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique, tal-limiti relatati mal-ħlasijiet ta’ tmiem l-impjieg tad-diretturi eżekuttivi ta’ kumpaniji kkwotati fil-borża (CON/2008/91). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Opinjoni tal-BĊE dwar self tal-Istat Sloven
Fit-22 ta' Diċembru 2008, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Sloven, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar il-kriterji u l-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ self tal-Istat (CON/2008/92). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Opinjoni tal-BĊE dwar leġiżlazzjoni Komunitarja fir-rigward ta’ ħlasijiet trans-konfini
Fis-6 ta’ Jannar 2009, fuq talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar regolament ġdid fir-rigward ta’ ħlasijiet trans-konfini fil-Komunità (CON/2009/1), li permezz tagħha il-Kunsill Governattiv approva, fost affarijiet oħra, lista ta’ kodiċijiet li jistgħu jintużaw għal ħlasijiet (iżjed minn €50,000) lil entitajiet mhux residenti, għall-istatistika tal-bilanċ tal-pagamenti kif ukoll bħala metodoloġija komuni fl-użu ta’ din il-lista ta’ kodiċijiet. Din l-Opinjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE. Verżjonijiet b’lingwi oħra se jiġu ppubblikati fil-websajt tal-BĊE meta jasal iż-żmien.
Opinjoni tal-BĊE dwar garanziji tal-Istat Latvjan
Fis-7 ta' Jannar 2009, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Latvjan, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar garanziji tal-Istat fuq self bankarju (CON/2009/2). Din l-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Opinjoni tal-BĊE dwar investimenti kapitali tal-Istat Sloven
Fit-8 ta’ Jannar 2009, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Sloven, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar il-kondizzjonijiet għal investimenti kapitali tal-Istat u swaps ta’ dejn għal parteċipazzjoni azzjonarja skond il-Liġi dwar il-finanzi pubbliċi (CON/2009/3). Din l-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Statistika
Dejta għall-analiżi tal-iżviluppi fil-pagi tal-impjieg pubbliku
Fid-19 ta’ Diċembru 2008, wara li qies rapport imħejji mill-Kumitat għall-Istatistika (STC) dwar id-dejta li għandha tintuża għall-analiżi taż-żidiet fil-pagi li għalihom huma responsabbli l-gvernijiet taż-żona tal-euro, il-Kunsill Governattiv esprima s-sostenn tiegħu għal stimi regolari tal-istituti nazzjonali tal-istatistika dwar l-impjieg tal-gvern ġenerali, li preferibbilment għandha tiġi espressa f’ekwivalenti ta’ xogħol full-time, u dan bħala parti mill-kontijiet trimestrali tas-settur nazzjonali.
Regolament tal-BĊE dwar statistika ta’ korporazzjonijiet finanzjarji b’għan speċjali
Fid-19 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill Governattiv adotta Regolament dwar statistika tal-attiv u l-passiv ta' korporazzjonijiet finanzjarji b’għan speċjali, li jagħmlu transazzjonijiet bil-ħruġ ta' titoli (BĊE/2008/30). Ir-Regolament se jiġi ppubblikat dalwaqt fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fil-websajt tal-BĊE.
Linja Gwida tal-BĊE dwar statistika monetarja, dik dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji u dik dwar is-swieq
Fid-19 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill Governattiv adotta Linja Gwida li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 dwar l-istatistika monetarja, dik dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji u dik dwar is-swieq (miktuba mill-ġdid) (BĊE/2008/31). Il-Linja Gwida se tiġi ppubblikata meta jasal iż-żmien fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fil-websajt tal-BĊE.
Regolament tal-BĊE dwar il-karti tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji
Fid-19 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill Governattiv adotta Regolament dwar il-karti tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (miktuba mill-ġdid) (BĊE/2008/32). Ir-Regolament se jiġi ppubblikat fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fil-websajt tal-BĊE meta jasal iż-żmien.
Governanza Korporattiva
Deċiżjoni tal-BĊE dwar kwistjonijiet relatati mad-dħul tan-Národná banka Slovenska fl-Eurosistema
Fil-31 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill Governattiv adotta Deċiżjoni dwar il-ħlas tal-kapital, it-trasferiment tal-assi tar-riżervi barranin u l-kontribuzzjonijiet tan-Národná banka Slovenska għar-riżervi u l-provvisti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2008/33). Id-Deċiżjoni se tiġi ppubblikata meta jasal iż-żmien fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fil-websajt tal-BĊE.
Ftehim dwar il-klejm tan-Národná banka Slovenska skond l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-SEBĊ
Fil-31 ta’ Diċembru 2008, il-BĊE u n-Národná banka Slovenska għamlu Ftehim dwar il-klejm ikkreditata lin-Národná banka Slovenska mill-BĊE skond l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-SEBĊ. Il-Ftehim se jiġi ppubblikat meta jasal iż-żmien fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fil-websajt tal-BĊE.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja