X'inhi l-inflazzjoni?

Żieda ġenerali fil-prezzijiet

F'ekonomija tas-suq, il-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi dejjem jistgħu jinbidlu. Xi prezzijiet jogħlew; xi prezzijiet jorħsu. Ikun hemm l-inflazzjoni jekk ikun hemm żieda ġenerali fil-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi, mhux jekk ikun hemm żieda ta' xi oġġetti individwali biss. Minħabba f'hekk, tkun tista' tixtri anqas b'€1. Fi kliem ieħor, euro jkun jiswa anqas minn qabel.

Xi bidliet fil-prezzijiet huma iżjed importanti minn oħrajn

Meta jiġu kkalkulati ż-żidiet medji fil-prezzijiet, il-prezzijiet ta' prodotti li nonfqu aktar fuqhom - bħall-elettriku - jingħataw piż ikbar milli l-prezzijiet ta' prodotti li nonfqu anqas fuqhom - per eżempju, iz-zokkor jew il-bolli.

Persuni differenti jixtru affarijiet differenti

Kull individwu għandu drawwiet differenti fl-infiq: uħud għandhom karozza u jieklu l-laħam, oħrajn jivvjaġġaw biss bit-trasport pubbliku jew huma veġetarjani. Id-drawwiet medji tal-infiq tal-individwi kollha flimkien jiddeterminaw kemm jingħataw piż il-prodotti u s-servizzi differenti fil-kejl tal-inflazzjoni.

Biex titkejjel l-inflazzjoni, jitqiesu l-prodotti u s-servizzi kollha li jikkunsmaw l-individwi, inklużi:

  • oġġetti ta' kuljum (bħall-ikel, il-gazzetti u l-petrol)
  • oġġetti li jdumu jservu (bħall-ħwejjeġ, il-kompjuters u l-magni tal-ħasil)
  • servizzi (bħal tal-parukkiera, l-assigrazzjoni u l-kera tad-djar)

Qabbel il-prezz tal-basket tax-xiri minn sena għal sena

Il-prodotti u s-servizzi kollha kkunsmati mill-individwi matul is-sena huma rrappreżentati minn "basket" ta' oġġetti. Kull prodott f'dan il-basket għandu prezz li maż-żmien jista' jinbidel. Ir-rata annwali tal-inflazzjoni hi l-prezz tal-basket kollu f'xahar partikolari, imqabbel mal-prezz tiegħu fl-istess xahar sena qabel.

Eżempju għall-kalkolu tal-inflazzjoni*
Kwantitajiet mixtrijin fis-sena bażi Prezz
(sena bażi)
Prezz
(sena wara)
Prezz
(sentejn wara)
għal kull unità total għal kull unità total għal kull unità total
150 ħobża €1.50 €225 €1.30 €195 €1.60 €240
100 kikkra kafè €2.40 €240 €2.40 €240 €2.15 €215
12-il qatgħa xagħar €20.00 €240 €22.00 €264 €23.00 €276
Ġakketta tax-xitwa €145.00 €145 €176.00 €176 €160.00 €160
Total tal-ispiża tal-basket €850 €875 €891
Indiċi tal-prezzijiet 100.0 102.9 104.8
Rata tal-inflazzjoni 2.9% 1.8%

*L-inflazzjoni fil-prezzijiet għall-konsumatur fiż-żona tal-euro tiġi kkalkulata kull xahar mill-Eurostat. Bħala medja, l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) ikopri madwar 700 prodott u servizz. Jirrifletti nefqa medja tal-individwi fiż-żona tal-euro għal basket ta' prodotti. Il-firxa kollha tal-prodotti koperti mill-HICP u r-rati attwali tal-inflazzjoni.

  1. Elenka l-prodotti kollha fil-basket tiegħek u l-kwantitajiet li kkunsmajt f'sena partikolari (din tkun is-"sena bażi" tiegħek).Fl-eżempju tagħna nieħdu biss il-ħobż, il-kafè, qatgħat xagħar u ġakketta tax-xitwa.
  2. Ikkalkula n-nefqa totali għal kull prodott billi timmultiplika l-kwantitajiet mixtrijin bil-prezz li ħallast għalihom:150 ħobża x €1.50 = €225 100 tazza kafè x €2.40 = €240, eċċ.
  3. Għodd it-totali tal-prodotti kollha biex tasal għall-ispiża totali tal-konsum. Fis-sena bażi tagħna l-ispiża hi ta' €850.4. Irrepeti l-passi 2 u 3 għas-snin ta' wara.
  4. Irrepeti l-passi 2 u 3 għas-snin ta' wara.Meta tħares lejn l-eżempju tara li, wara l-ewwel sena, xi prezzijiet inbidlu. L-ispiża totali tal-konsum żdiedet għal €875. Wara t-tieni sena, l-ispiża hi ta' €891.
  5. Iddividi l-ispiża totali tal-basket f'kull sena sussegwenti bl-ispiża tal-basket fis-sena bażi tiegħek, imbagħad immultiplika r-riżultat b'100.Sena wara: €875 ÷ €850 x 100 = 102.9.
  6. Ir-rata annwali tal-inflazzjoni hi l-bidla perċentwali minn sena għas-sena ta' wara.Fl-eżempju, wara sena, ir-rata tal-inflazzjoni hi ta' 2.9%. Dan hu kkalkolat bħala l-indiċi tal-prezzijiet għal dik is-sena bl-indiċi tal-prezzijiet għas-sena ta' qabel imnaqqas (102.9 - 100), diviż bl-indiċi tal-prezzijiet għas-sena ta' qabel (100) immultiplikat b'100. Għas-sena ta' wara hu (104.8 – 102.9) ÷ 102.9 x 100 = 1.8%.

L-inflazzjoni taż-żona tal-euro

L-indiċi armonizzat

Fiż-żona tal-euro, l-inflazzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur titkejjel mill-“Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur”, li spiss issir referenza għalih permezz tal-akronimu tiegħu “HICP”. Il-kelma "armonizzat" tfisser li l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea jużaw l-istess metodoloġija. Dan jiżgura li d-dejta ta' pajjiż tista' titqabbel mad-dejta ta' ieħor.

    L-inflazzjoni, l-istabbiltà tal-prezzijiet u l-BĊE

    L-għan ewlieni tal-BĊE hu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Din hi definita bħala rata annwali ta' inflazzjoni HICP iżjed baxxa minn, iżda qrib it-2% fuq żmien medju. Għaliex iż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet hi daqshekk importanti

    Tista' titqabbel fil-pajjiżi kollha

    Qabel ma l-euro sar il-munita komuni tagħna, kull pajjiż kien ikejjel l-inflazzjoni skond il-metodi u l-proċeduri nazzjonali tiegħu. Bl-introduzzjoni tal-euro sar meħtieġ mezz ta' kejl tal-inflazzjoni għaż-żona tal-euro kollha, mingħajr lakuni jew duplikazzjonijiet u b'mod paragunabbli fil-pajjiżi kollha. L-HICP li hu sostnut b'sett ta' standards li jorbtu legalment, jagħmel preċiżament dan.

      Piż tal-prodotti fl-HICP

      L-impatt ta' bidla waħda fil-prezzijiet fuq l-HICP jiddependi fuq kemm jonfqu l-individwi, bħala medja, fuq dak il-prodott.
      Per eżempju, il-kafè: il-kafè (flimkien mat-tè u l-kawkaw) għandu piż ta' 0.4%. Għalhekk, kwalunkwe bidla fil-prezz tiegħu ma jkollhix impatt kbir fuq l-HICP kumplessiv.
      Per eżempju, il-petrol: il-petrol (flimkien mal-fjuwils u lubrikanti oħra tal-karozzi) għandu piż ta' 4.6%; jiġifieri, l-istess bidla perċentwali fil-prezz bħal fil-każ tal-kafe' jkollha impatt madwar għaxar darbiet ikbar fuq l-HICP.

      Piż tal-gruppi ewlenin ta' prodotti fl-HICP

      Kif jiġi kkalkulat l-HICP?

      1. Ġbir ta' prezzijiet – Kull xahar, jinġabar madwar 1.8 miljun prezz mill-osservaturi tal-prezzijiet f'aktar minn 200,000 post tal-bejgħ. Dan iseħħ fi kważi 1,600 belt mifruxa maż-żona kollha tal-euro. Il-prezzijiet jinġabru f'kull pajjiż għal medja ta' madwar 700 prodott u servizz rappreżentattivi. L-għadd eżatt tal-oġġetti eżaminati jvarja minn pajjiż għall-ieħor. Għal kull prodott jinġabru diversi prezzijiet minn postijiet tal-bejgħ differenti u f'reġjuni differenti. Per eżempju: il-prezzijiet tal-kotba jqisu d-diversi tipi ta' kotba (novellistika u le, kotba ta' referenza eċċ) mibjugħa fi ħwienet tal-kotba, supermarkits u minn fornituri fuq l-Internet. iżjed
      2. L-ippeżar ta' gruppi ta' prodotti – Il-gruppi tal-prodotti huma ppeżati skond l-importanza tagħhom fil-baġits medji tal-individwi. Biex jiġi żgurat li l-indiċi jibqa' rilevanti u jirrifletti l-bidliet fl-infiq, il-piżijiet jiġu aġġornati regolarment. Jiġu kkalkulati abbażi tar-riżultati ta' stħarriġ fejn l-individwi jintalbu jirreġistraw fuq xiex jonfqu flushom. Il-piżijiet huma medji nazzjonali li jirriflettu n-nefqa ta' kull tip ta' konsumatur (sinjur u fqir, żagħżugħ u anzjan, eċċ.). iżjed
      3. L-ippeżar tal-pajjiżi – Il-pajjiżi jiġu ppeżati skond is-sehem tagħhom fin-nefqa totali tal-konsum taż-żona tal-euro. iżjed

      Min jikkalkula l-HICP ...

      ... fil-pajjiżi? Kull pajjiż taż-żona tal-euro għandu istitut nazzjonali tal-istatistika. L-istitut jikkalkula l-HICP għal pajjiżu.

      ...għaż-żona tal-euro? Kull istitut nazzjonali tal-istatistika jibgħat iċ-ċifri tiegħu lill-Eurostat, l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej. Imbagħad l-Eurostat jikkalkula l-HICP għaż-żona tal-euro kollha kemm hi. L-Eurostat jiżgura wkoll il-kwalità taċ-ċifri nazzjonali billi jiċċekkja l-konformità kontra standards li jorbtu legalment. Għal iżjed dettalji, ara Il-paġni web tal-Eurostat dwar l-HICP.

      Ara d-dejta

      Inflazzjoni fil-prezzijiet għall-konsumatur fiż-żona tal-euro mill-1961

      Fis-snin 70 u 80 f'ħafna pajjiżi Ewropej l-inflazzjoni kienet għolja. Iżda min-nofs is-snin 90 'l hawn, ir-rati tal-inflazzjoni kienu ferm aktar baxxi minħabba l-pajjiżi li kienu qed iħejju għat-tnedija tal-euro u minħabba l-politika monetarja tal-BĊE.

      Ċart tal-inflazzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur mill-1961.

      X'qed imexxi l-aħħar rata tal-inflazzjoni?

      L-ikbar impatt fuq l-indiċi mhux dejjem jiġi minn dawk l-oġġetti li l-prezzijiet tagħhom jinbidlu l-iżjed spiss. Ir-rata tal-inflazzjoni tiddependi wkoll mis-sehem ta' kull prodott fin-nefqa medja tal-konsum tal-individwi – fi kliem ieħor, il-"piż" tal-prodott.

      Ċart tal-bidliet fil-prezzijiet flimkien mal-piż ta' gruppi individwali ta' prodotti fl-HICP.

      Ara l-aħħar dejta permezz ta' dan id-daxbord interattiv tal-inflazzjoni

      Iċċekkja l-aħħar dejta u dejta storika li tmur lura għall-1996. Ara l-pajjiżi individwali u ifli l-gruppi individwali tal-prodotti. Meta tagħżel sensiela ta' żmien, l-iżvilupp tal-inflazzjoni matul iż-żmien jintwera f'animazzjoni, xahar b'xahar.

      Ikona tal-animazzjoni flash.

      Tabelli tad-dejta għal kull pajjiż u kull grupp ta' prodotti

      Xbieha li turi ikona tat-tabelli HTML.

      L-inflazzjoni - kif mifhuma

      L-istħarriġ tal-konsumaturi juri li n-nies "iħossu" l-inflazzjoni bħala ogħla milli jindikaw l-indiċijiet attwali tal-prezzijiet. Allura, x'inhu dak li jifforma l-fehma tan-nies dwar l-inflazzjoni? Għadd ta' studji akkademiċi juru dan li ġej:

      Xbieha ta' bziezen.

      • Iż-żidiet fil-prezzijiet jiġbdulna iktar l-attenzjoni milli prezzijiet stabbli jew li qed jorħsu – Iż-żidiet fil-prezzijiet nibqgħu niftakruhom iktar ukoll. X'aktarx li inqas ninnotaw il-prezzijiet stabbli jew dawk li qed jorħsu, għalkemm dawn il-prezzijiet jgħoddu wkoll meta tiġi kkalkulata r-rata medja tal-inflazzjoni.
      • Iktar ninnotaw xiri frekwenti u mhux ippjanat – F'dawn l-aħħar snin, il-prezzijiet ta' xi prodotti u servizzi li nixtru ta' spiss żdiedu iżjed mill-medja. Eżempji ta' dan huma l-petrol, il-ħobż u l-biljetti tal-karozzi tal-linja. Meta naħsbu dwar l-inflazzjoni, spiss nagħtu wisq każ tal-bidliet fil-prezzijiet ta' dawn l-oġġetti. Għalhekk nistgħu naħsbu li r-rata attwali tal-inflazzjoni hi ogħla milli hi fil-fatt.
      • Xiri li jsir biss ta' kultant u d-debitar dirett inqas ninnutawhom – Ammont sostanzjali tal-baġit tal-individwi jintefaq fuq prodotti u servizzi li jinxtraw inqas ta' spiss. Eżempji ta' dan huma l-karozzi u l-btajjel. Hemm ukoll oġġetti li għalihom spiss inħallsu permezz ta' trasferiment bankarju awtomatiku (debitar dirett u ordnijiet permanenti), bħal ma huma l-kera tad-djar u l-kontijiet tat-telefon. X'aktarx li dawn l-ispejjeż u l-bidliet fil-prezzijiet tagħhom ninnutawhom inqas meta naħsbu dwar l-inflazzjoni.

        L-inflazzjoni hi l-medja ta' firxa wiesgħa ta' bidliet fil-prezzijiet

        Ċart tal-bidliet fil-prezzijiet flimkien mal-piż ta' gruppi individwali ta' prodotti fl-HICP.

        • L-inflazzjoni "personali" - L-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) hu bbażat fuq basket medju ta' prodotti u servizzi. Dan il-basket medju hu rappreżentattiv għall-individwi kollha. Madankollu, jista' jkun li l-individwi li jħossu li l-inflazzjoni hi ogħla mill-medja jħossuha b'mod iżjed qawwi minn dawk li jibbenefikaw minn inflazzjoni iżjed baxxa mill-medja.

          Per eżempju: jekk il-prezzijiet tal-petrol jogħlew ħafna iżjed mill-prezzijiet ta' prodotti u servizzi oħra, min juża l-karozza ta' spiss jista' "jħoss" rata ta' inflazzjoni li hi ogħla mill-HICP għax l-ispiża personali tiegħu għall-petrol hi ogħla mill-medja. B'kuntrast ma' dan, min jew ma jużax karozza jew jużaha ftit, iħoss rata ta' inflazzjoni "personali" iżjed baxxa.

        • Ir-rati tal-inflazzjoni huma annwali, iżda l-memorja tagħna tmur iżjed lura - Is-soltu l-HICP jiġi rrappurtat bħala rata ta' tkabbir annwali. Dan ifisser li l-livell ġenerali tal-prezzijiet għal perijodu speċifiku ta' żmien - per eżempju, Jannar 2009 - jitqabbel mal-istess perijodu tas-sena ta' qabel - jiġifieri Jannar 2008. Meta jkunu qed jiffurmaw il-fehma tagħhom, in-nies jistgħu jaħsbu fi prezzijiet ta' ħafna snin qabel. Fuq perijodu twil ta' żmien, il-prezzijiet x'aktarx li jogħlew sostanzjalment, ukoll meta r-rata annwali tal-inflazzjoni tkun baxxa. Per eżempju, jekk ir-rata annwali tal-bidla tal-HICP hi 2%, wara 10 snin il-livell ġenerali tal-prezzijiet ikun żdied b'iżjed minn 20%.

          Xbieha tal-Fiat 500 il-qadima. Xbieha tal-Fiat 500 il-ġdida.

          • Bidliet fil-prezzijiet kontra bidliet fil-kwalità - Wieħed spiss iqis il-bidliet fil-prezz ta' prodott bħala inflazzjoni. Iżda kultant fl-istess ħin tinbidel il-kwalità tal-prodott. L-HICP jqis dan billi jnaqqas il-bidla li tkun dovuta għall-kwalità.

            Per eżempju: jista' jkun li l-prezzijiet tal-karozzi jkunu għolew, iżda l-mudelli l-ġodda spiss ikollhom bħala standard, karatteristiċi li qabel kienu jinbiegħu bħala extras: (per eżempju, sistemi ta' navigazzjoni satellitari, arja kondizzjonata u airbags). F'każi bħal dawn, iż-żieda fil-prezz hi parzjalment dovuta għal titjib fil-kwalità u mhux biss għall-inflazzjoni. Jekk ngħidu aħna, il-prezzijiet tal-karozzi għolew b'medja ta' 5% iżda t-titjib fil-kwalità jirrappreżenta 1%, allura l-HICP għandu jirrifletti żieda ta' 4% għal dan il-prodott.