L-istorja tal-Grossmarkthalle

Il-bini

Veduta mill-grigal

Veduta mill-grigal

© Robert Metsch

Il-Grossmarkthalle nbena bejn l-1926 u l-1928 fuq id-disinn ta' Martin Elsaesser, li kien Stadtbaudirektor (Direttur tal-Awtorità tal-Ippjanar) tal-Belt ta' Frankfurt am Main tul il-perijodu 1925-32. B'tul ta' 20 metru, wisa' ta' 50 metru u għoli massimu ta' 23.50 metru, kien użat bħala pitkalija tal-frott u l-ħxejjex, li kienet taqdi mhux biss lil Frankfurt iżda wkoll lir-reġjun kollu tar-Rhine-Main.

Użu

Tren wieqaf fejn il-Grossmarkthalle (madwar l-1930) © Institut für Stadtgeschichte

Tren wieqaf fejn il-Grossmarkthalle (madwar l-1930)

© Institut für Stadtgeschichte

Il-Grossmarkthalle kien jintuża mill-bejjiegħa bl-ingrossa ta' Frankfurt mill-1928 sal-2004, meta dawn ħarġu barra mill-belt u marru fi Frischezentrum fil-majjistral tal-belt.

Monument kulturali

Veduta tal-Grossmarkthalle min-Nofsinhar (madwar l-1930)

Veduta tal-Grossmarkthalle min-Nofsinhar (madwar l-1930)

© Institut für Stadtgeschichte

Il-Grossmarkthalle, bini funzjonali mill-aqwa tal-epoka klassika moderna, ġie rikonoxxut bħala monument kulturali mill-1972. Billi nbena b'tip ġdid ta' qafas strutturali, fid-dinja ta' dak iż-żmien kien l-ikbar sala ta' konkrit rinfurzat u msaħħaħ b'vireġ tal-azzar, u mingħajr sostenn.

Tliet elementi diversi

Is-sit kollu tal-Grossmarkthalle kien magħmul oriġinarjament mill-elementi li ġejjin:
Il-Grossmarkthalle kien sala kbira ta' suq b'bini ta' tmien sulari fiż-żewġ truf. Il-bini tal-ġenb fin-naħa tal-punent kien għall-uffiċċji tal-bejjiegħa bl-ingrossa u l-ispazju tal-kaxxiera, waqt li fil-bini tal-ġenb fin-naħa tal-lvant kienu jarmaw dawk li kellhom posta, u hemm ukoll kienu jinsabu l-imħażen tal-friża. Iż-żewġ binjiet tal-genb kienu konnessi ma' annessi ta' bini ta' erba' sulari li kienu maqsuma f'restoranti, appartamenti u żona tad-dwana. Fin-Nofsinhar tas-sala kien hemm għadd ta' linji tal-ferrovija, minħabba li l-biċċa l-kbira tal-merkanzija, speċjalment il-frott tropikali, kienet titwassal bit-tren. Kien biss f'dawn l-aħħar għexur ta' snin li l-merkanzija bdiet titwassal bit-trakkijiet.

Preżervazzjoni storika

Skond l-ordni ta' preżervazzjoni, ix-xogħol tar-restawr li għandu jsir fil-Grossmarkthalle u ż-żewġ binjiet tal-ġenb mhux se jaffettwa d-dehra fundamentali tal-bini. Il-bini se jiġi restawrat bil-galbu u se jibqa' komponent distint tad-disinn tas-sit. Ix-xogħol tar-restawr se jġedded ukoll ċerti elementi tal-kostruzzjoni li biż-żmien inħbew. Qabel ma s-sit ingħata lill-BĊE, twaqqgħu l-"Importhalle" u xi bini żgħir ieħor li kienu fi stat ħażin.

Qafas strutturali

Meta nbena, il-Grossmarkthalle kien l-ikbar sala ta' konkrit rinfurzat u mingħajr sostenn fid-dinja. L-istruttura tas-saqaf tas-sala prinċipali hi magħmula minn 15-il qoxra tal-konkrit li jserrħu fuq kolonni ta' konkrit rinfurzat. Il-qxur tal-konkrit, mibnija skond il-metodu Zeiss-Dywidag, ikopru distanza ta' 15-il metru wisa' u 43.50 metru tul. Fil-quċċata, għandhom ħxuna ta' 7.50 ċentimetru biss. Il-faċċati t-twal tas-sala huma magħmula prinċipalment minn strutturi ta' konkrit bil-ħġieġ, bħal grilja; il-faċċati fil-livell tat-triq, kif ukoll dawk tal-binjiet tal-ġenb, inbnew bl-użu ta' briks kontemporanji.