Fażi tal-bini

Fil-ħarifa tal-2007 intbagħtu l-pjanti tad-disinn lill-awtoritajiet rilevanti tal-Belt ta’ Frankfurt am Main, li mbagħad ħarġu l-permess preliminari tal-bini fit-22 ta’ Ottubru ta’ dik is-sena. Dan kien ifisser li x-xogħlijiet ta’ tħejjija għall-kostruzzjoni setgħu jibdew fl-ewwel tliet xhur tal-2008. Fis-6 ta’ Mejju 2008, is-Sindku ta’ dak iż-żmien tal-Belt ta’ Frankfurt am Main, Petra Roth, ħarġet il-permess sħiħ tal-bini lil Jean-Claude Trichet, li dik il-ħabta kien il-President tal-BĊE.

Wara li ntemmet b’suċċess il-proċedura tas-sejħa għall-offerti li fiha x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni nqasmu f’pakketti u lottijiet, ix-xogħlijiet ewlenin tal-bini ġew inawgurati fir-rebbiegħa tal-2010. L-ewwel ġebla tat-torri tal-uffiċċji tqiegħdet fid-19 ta’ Mejju 2010. Max-xogħlijiet fuq it-torri tal-uffiċċji beda wkoll xogħol estensiv ta’ restawr fuq il-Grossmarkthalle u l-kostruzzjoni tal-bini ġdid ta’ ġewwa fih. Ftit iżjed minn sentejn wara, fl-20 ta’ Settembru 2012, saret ċerimonja biex tiġi ċelebrata t-tlestija tax-xogħlijiet strutturali ewlenin. Wara kompla x-xogħol fuq l-immuntar tal-ħġieġ il-kbir mal-faċċata tat-torri tal-uffiċċji u l-aċċessorji interni tal-elementi kollha tal-bini, fosthom l-istallazzjoni tal-infrastruttura teknika.

Il-kunċett ġenerali tad-disinn għall-bini l-ġdid tal-BĊE kien jinkludi wkoll it-tisbiħ tas-sit industrijali madwar il-Grossmarkthalle. L-idea kienet li tinħoloq żona b’diversi tipi ta’ ġonna ispirati mix-Xmara Main li tinsab fil-qrib.

Il-BĊE beda jopera mill-bini l-ġdid tiegħu meta tlesta fl-2014.