Bini ewlieni

“Id-dar il-ġdida tal-BĊE hija bini modern għal bank ċentrali modern.”

(Mario Draghi, President tal-BĊE)

Il-BĊE għażel is-sit tal-Grossmarkthalle (li kienet il-pitkalija l-qadima ta’ Frankfurt) biex itella’ l-bini l-ġdid tiegħu. Wara li tlestew ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, f’Novembru 2014 il-BĊE beda jopera minn bini modern u sostenibbli li sar biex jaqdi l-ħtiġijiet speċifiċi tiegħu.

Filmat: il-bini f'fażijiet differenti

Stqarrijiet ewlenin

“Inħossni sodisfatt li kelli nkun jien li ssorveljajt it-tlestija tal-proġett tal-bini, li fih taw sehemhom bosta nies matul is-snin. Dawk kollha involuti għamlu ħafna xogħol fi żmien limitat biex ilestu l-bini u nkunu nistgħu nidħlu fih fl-2014.”

Vítor Constâncio
Viċi President tal-BĊE, responsabbli għall-proġett ta’ kostruzzjoni

“Il-viżjoni tiegħi għall-bini l-ġdid kienet li noħolqu struttura li tgħaqqad stil antik ta’ arkitettura ma’ wieħed modern għall-aħħar. Barra minn hekk, aħna mhux biss xtaqna nagħtu lill-membri tal-istaff post b’uffiċċji u swali funzjonali u komdi, iżda kien l-għan tagħna wkoll li nistabbilixxu post fejn niltaqgħu hawn fi Frankfurt, fil-qalba tal-Ewropa. U nemmen li dan irnexxielna nagħmluh.”

Werner Studener
Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni fil-BĊE u Koordinatur tal-proġett tal-bini l-ġdid tal-BĊE

“Kull ġurnata f’dawn l-aħħar 16-il sena, jien kont involut fl-ippjanar u l-kostruzzjoni ta’ dan il-bini li issa qiegħed jingħata l-ħajja – għan li jien u t-tim tiegħi ilna naħdmu għalih żmien twil. Inbena mill-istaff għall-membri tal-istaff, u jien tassew kburi bit-tim tiegħi u b’dak li rnexxielna nagħmlu.”

Thomas Rinderspacher
Maniġer tal-BĊE responsabbli mill-proġett tal-bini l-ġdid

Fatti u ċifri

185 metru – l-għoli tal-bini tal-uffiċċji +++ 250 metru – it-tul tal-Grossmarkthalle +++ 120,000 m² – l-erja totali tas-sit +++ 700 siġra mħawlin fil-post +++ 6,000 pannell fil-faċċata tal-bini tal-uffiċċji +++ 14-il puntal tal-azzar fl-atriju +++ 73 kilometru ta’ tikħil tal-fili fil-faċċata