Sensiela Europa tal-karti tal-flus tal-euro

Il-karti tal-flus tas-sensiela Europa qed jiġu introdotti ftit ftit matul bosta snin, mill-iżgħar denominazzjoni sal-ikbar waħda. L-ewwel erba' karti tal-€5, €10, €20 u €50 tas-sensiela l-ġdida daħlu fiċ-ċirkolazzjoni fl-2013, 2014, 2015 u 2017 rispettivament. Il-karta l-ġdida tal-€50 daħlet fiċ-ċirkolazzjoni fl-4 ta’ April 2017.

Għaliex karti tal-flus ġodda?

Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) tal-Eurosistema huma responsabbli għall-integrità tal-karti tal-flus tal-euro. Għalhekk żviluppaw it-tieni sensiela ta' karti tal-flus tal-euro b'karatteristiċi tas-sigurtà mtejba li se jgħinu biex il-karti tal-flus ikunu aktar siguri u jibqgħu jgawdu l-fiduċja tal-pubbliku f'din il-munita.

Is-sensiela tal-karti tal-flus il-ġodda ħadet l-isem Europa għaliex tnejn mill-karatteristiċi tas-sigurtà tagħha fihom xbieha ta’ wiċċ Europa – figura tal-mitoloġija Griega li tat isimha lill-kontinent tagħna.

Nibqgħu pass quddiem il-falsifikaturi

Il-karti l-ġodda tal-euro jgawdu mill-progress li sar fit-teknoloġija tal-karti tal-flus. Il-karatteristiċi tas-sigurtà l-ġodda joffru ħarsien aqwa kontra l-falsifikazzjoni u jirrendu l-karti tal-flus saħansitra aktar siguri.

L-istrateġija tar-riċerka u l-iżvilupp tal-Eurosistema tiddikjara li l-karti tal-flus tal-euro għandhom jinkorporaw "difiża proprja", biex b'hekk jagħmlu l-ħajja diffiċli għall-falsifikaturi. Jeħtieġ li l-istituzzjonijiet ta' kreditu, il-professjonisti li jimmaniġġaw il-flus kif ukoll il-pubbliku jkunu kapaċi jagħrfu l-karti tal-flus foloz u b'hekk jgħinu biex jappoġġaw l-istrateġija tal-Eurosistema kontra l-falsifikazzjoni.

Jifilħu għall-kedd tal-użu u iktar dejjiema

Il-karti tal-euro l-ġodda se jkunu iżjed dejjiema minn dawk tal-ewwel sensiela. Mhux se jeħtieġ li jiġu sostitwiti daqshekk malajr. Dan hu importanti, speċjalment għall-karta tal-€5, li hi soġġetta għal kedd kbir tal-użu. Il-ħajja itwal tagħha se tnaqqas ukoll l-impatt ambjentali tal-karta tal-flus il-ġdida.

Riċerka u Żvilupp Estensivi

Il-karti tal-flus huma prodotti ferm sofistikati; il-produzzjoni ta' oħrajn ġodda teħtieġ ħafna snin ta' riċerka u żvilupp.

Denominazzjonijiet

Il-BĊE ddeċieda li jwaqqaf għalkollox il-produzzjoni tal-karta tal-€500 u li jħalliha barra mis-sensiela Europa. Id-denominazzjonijiet l-oħra se jibqgħu l-istess: €5, €10, €20, €50, €100 u €200.

Stqarrija għall-istampa

Evoluzzjoni tad-disinn

Il-karti tal-flus il-ġodda jirrappreżentaw evoluzzjoni. Bħall-ewwel sensiela se jkollhom id-disinn “żminijiet u stili” u se jkunu tal-istess kuluri dominanti, iżda sarilhom tibdil żgħir biex jilqgħu l-karatteristiċi tas-sigurtà mtejba. Hekk jintgħarfu faċilment mill-karti tal-ewwel sensiela.

Iservu għal tul ta' żmien

L-ewwel żewġ denominazzjonijiet li ħarġu fis-sensiela Europa kienu dawk tal-€5 u l-€10. Billi dawn iż-żewġ denominazzjonijiet jgħaddu sikwit minn id għall-oħra bħala bqija, għandhom kisja protettiva rqiqa biex iservu għal żmien itwal. Dan ifisser li l-karti tal-flus se jkollhom jinbidlu anqas ta’ spiss u b'hekk jonqsu l-ispejjeż u l-impatt ambjentali. Minħabba l-użu differenti, id-denominazzjonijiet l-oħra tas-sensiela Europa, fosthom il-karta l-ġdida tal-€50, ma jeħtieġux il-kisja protettiva.

Il-karti tal-flus tal-ewwel sensiela u tas-sensiela Europa se jiċċirkolaw flimkien

Il-karti tal-flus tal-ewwel sensiela se jkomplu joħorġu flimkien mal-karti tas-sensiela Europa sakemm jispiċċaw il-ħażniet li fadal. Imbagħad jibdew jitneħħew ftit ftit miċ-ċirkolazzjoni.

Il-karti tal-flus tal-ewwel sensiela dejjem se jżommu l-valur tagħhom

Id-data meta l-ewwel sensiela tal-karti tal-euro ma tibqax valuta legali se titħabbar minn żmien sew qabel. Madankollu, il-karti tal-flus tal-ewwel sensiela dejjem se jżommu l-valur tagħhom u jistgħu jissarrfu għal perjodu bla limitu ta’ żmien fil-BĊN tal-Eurosistema.

Tħejjija għall-karti tal-flus ġodda

Il-BĊE jqiegħed il-karti tal-flus il-ġodda għad-dispożizzjoni tal-industrija ħafna qabel ma jiġu ppreżentati uffiċjalment u jikkoopera mill-qrib mal-partijiet interessati rilevanti kollha fil-Programm ta’ Sħubija tal-Eurosistema biex jgħin ħalli t-tranżizzjoni tkun bla xkiel.

Madankollu, huma s-sidien tat-tagħmir li jipproċessa l-karti tal-flus li fl-aħħar mill-aħħar huma responsabbli biex jadattawh għall-karti tal-flus il-ġodda.