Użu ta’ xbihat tal-karti tal-euro

Xbihat tal-karti tal-euro jistgħu jintużaw mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħna minn qabel sakemm ir-riproduzzjonijiet jikkonformaw mar-regoli tal-BĊE (ara b’mod partikolari l‑Artikolu 2 tad-Deċiżjoni BĊE/2013/10). Ir-regoli jgħinuk tkun żgur li riproduzzjoni ma titħallatx ma’ karta tal-flus tajba u b’hekk jagħtu sehemhom biex iżommu l-fiduċja fil-munita unika.

Niżżel xbihat tal-karti tal-flus

Image of euro banknotes

Tista’ tikseb fajls ikkompressati (zip) li jkun fihom xbihat b’riżoluzzjoni baxxa (72 dpi) ta’ karti tal-flus tal-ewwel sensiela u tas-sensiela Europa.

Sistema li tiskoraġġixxi l-falsifikazzjoni

Min jiffalsifika l-flus kulma jmur qiegħed juża ħardwer u softwer li jipproduċu xbihat diġitali. Bi tweġiba għal dan, is-Central Bank Counterfeit Deterrence Group – grupp internazzjonali ta’ iżjed minn 30 bank ċentrali li twaqqaf wara talba li saret mill-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-G10 – żviluppa sistema li tiskoraġġixxi l-falsifikazzjoni (counterfeit deterrence system – CDS) billi ma tħallix li jiġu kkupjati jew riprodotti xbihat ta’ karti tal-flus protetti. Is-sistema ġiet adottata volontarjament minn bosta produtturi ta’ ħardwer u softwer.

Riproduzzjoni ta’ xbihat ta’ karti tal-flus b’riżoluzzjoni għolja

Jekk tixtieq tirriproduċi xbihat ta’ karti tal-euro b’riżoluzzjoni għolja u għandek interess professjonali leġittimu għal dan, ikteb lil info@ecb.europa.eu u spjega għaliex għandek bżonnhom, filwaqt li tagħti:

  • ismek u d-dettalji ta’ kuntatt
  • dettalji tal-attivitajiet tan-negozju tiegħek
  • l-indirizz tal-websajt tal-kumpanija tiegħek
  • tagħrif dwar kif biħsiebek tuża x-xbihat

Wara tintalab timla u tibgħat dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità li trid tiġi ffirmata minn rappreżentant awtorizzat tal-kumpanija tiegħek. Sakemm ma tindikalniex speċifikament mod ieħor, aħna nipprovdulek xbihat tal-aħħar karta tal-flus tas-sensiela Europa li tkun ħarġet jew ġiet ippreżentata (300 dpi; format TIFF; immarkati “Specimen”). Ix-xbihat ma jattivawx is-CDS. Nippruvaw nilqgħu t-talba tiegħek fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta nirċievu d-dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità mimlija u ffirmata.

Materjal ieħor b’tagħrif dwar il-karti tal-euro

Image of euro banknotes

Il-BĊE jipprovdi firxa wiesgħa ta’ riżorsi bla ħlas dwar il-karti tal-euro, fosthom vidjos, ritratti, pubblikazzjonijiet, webcasts u filmati għall-istazzjonijiet televiżivi.