Il-kriterji għandhom x’jaqsmu ma’

Żviluppi fil-prezzijiet

Dispożizzjonijiet tat-Trattat

  • L-ewwel inċiż tal-Artikolu 140(1) tat-Trattat jesiġi li:
    “jintlaħaq livell għoli ta’ stabbiltà fil-prezzijiet; dan ikun jidher minn rata ta’ inflazzjoni li tkun qrib dik, bħala massimu, tal-aħjar tliet Stati Membri f’termini ta’ stabbiltà fil-prezzijiet”.
  • L-Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru 13) dwar il-kriterji tal-konverġenza msemmija fl-Artikolu 140(1) tat-Trattat jistipula li:
    “Il-kriterju dwar l-istabbilità tal-prezzijiet li hemm referenza għalih fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 140(1) ta’ dan it-Trattat għandu jfisser illi Stat Membru għandu jkollu grad ta’ stabbilità tal-prezzijiet li jkun sostenibbli kif ukoll rata medja ta’ inflazzjoni, osservata tul perjodu ta’ sena qabel l-eżami, li ma taqbiżx b’iżjed minn 1½ punt perċentwali, bħala massimu, dik tal-aħjar tliet Stati Membri f’termini ta’ stabbilità fil-prezzijiet. L-inflazzjoni għandha titkejjel permezz tal-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur fuq bażi paragunabbli, billi jitqiesu d-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali.”

Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat

  • Fir-rigward ta’ “ir-rata medja tal-inflazzjoni, osservata tul perjodu ta’ sena qabel l-eżami”, ir-rata tal-inflazzjoni tiġi kkalkulata permezz tad-differenza bejn l-aħħar medja disponibbli għal 12-il xahar tal-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) u l-medja tat-12-il xahar ta’ qabel.
  • Il-kunċett ta’ “bħala massimu, l-aħjar tliet Stati Membri f’termini ta’ stabbilità fil-prezzijiet”, li jintuża għad-definizzjoni tal-valur ta’ referenza, jiġi applikat billi tittieħed il-medja aritmetika mhux ippeżata tar-rata tal-inflazzjoni fit-tliet pajjiżi li jkollhom l-iżjed rati ta’ inflazzjoni baxxi, sakemm ma jkunx hemm valuri irregolari. L-iżviluppi fil-prezzijiet f'pajjiż jistgħu jitqiesu li jkollhom valur irregolari jekk ir-rata tal-inflazzjoni tiegħu tkun ferm aktar baxxa minn dik ta’ Stati Membri oħrajn minħabba ġabra ta’ fatturi li jkunu partikolari għal dak il-pajjiż (ara r-Rapport tal-Konverġenza 2010 tal-BĊE għal aktar dettalji).

Żviluppi fiskali

Dispożizzjonijiet tat-Trattat

  • It-tieni inċiż tal-Artikolu 140(1) tat-Trattat jesiġi:
    “is-sostenibbiltà tal-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern; din tkun tidher meta tinkiseb pożizzjoni tal-baġit tal-gvern mingħajr defiċit eċċessiv, kif stabbilit skont l-Artikolu 126(6)”.
  • L-Artikolu 2 tal-Protokoll (Nru 13) dwar il-kriterji tal-konverġenza msemmija fl-Artikolu 140(1) tat-Trattat jistipula li dan il-kriterju:
    “għandu jfisser illi fil-ħin tal-eżami, l-Istat Membru ma jkunx suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(6) ta’ dan it-Trattat illi jkun jeżisti defiċit eċċessiv”.

Proċedura ta’ defiċit eċċessiv

L-Artikolu 126 jistabbilixxi l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Skont l-Artikolu 126(2) u (3), il-Kummissjoni Ewropea għandha tħejji rapport jekk Stat Membru tal-UE ma jissodisfax ir-rekwiżiti tad-dixxiplina fiskali, b’mod partikolari jekk:
  1. il-proporzjon tad-defiċit ippjanat jew attwali tal-PDG ikun akbar mill-valur ta’ referenza (definit fil-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv bħala 3% tal-PDG), sakemm:
    • jew il-proporzjon ikun naqas b’mod sostanzjali u kontinwu u jkun laħaq livell li jkun qrib il-valur ta’ referenza; jew, inkella,
    • iż-żejjed fuq il-valur ta’ referenza jkun biss eċċezzjonali u temporanju u l-proporzjon jibqa’ qrib il-valur ta’ referenza;
  2. il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG jaqbeż il-valur ta’ referenza (definit fil-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv bħala 60% tal-PDG), sakemm il-proporzjon ma jonqosx biżżejjed u joqrob lejn il-valur ta’ referenza b’ritmu sodisfaċenti.

Dispożizzjonijiet addizzjonali

  • Ir-rapport imħejji mill-Kummissjoni Ewropea għandu jqis jekk id-defiċit tal-gvern jaqbiżx l-infiq tal-gvern fl-investiment u l-fatturi rilevanti l-oħra kollha, inkluża l-pożizzjoni ekonomika u fiskali għal perjodu ta’ żmien medju tal-Istat Membru.
  • Il-Kummissjoni tista’ tħejji rapport ukoll jekk, minkejja li jkunu ġew sodisfatti r-rekwiżiti skont il-kriterji, din tkun tal-fehma li jkun hemm riskju ta’ defiċit eċċessiv fi Stat Membru. Il-Kumitat għall-Ekonomija u l-Finanzi jifformola opinjoni dwar ir-rapport tal-Kummissjoni.
  • Fl-aħħar, skont l-Artikolu 126(6), il-Kunsill tal-UE, abbażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara li jkun qies kwalunkwe osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq jagħmel, jiddeċiedi, wara li jkun ġie vvalutat kollox filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, bl-esklużjoni tal-Istat Membru kkonċernat, jekk ikunx jeżisti defiċit eċċessiv fi Stat Membru.

Kwistjonijiet ta’ proċedura u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat

Biex tiġi eżaminata l-konverġenza, il-BĊE jesprimi l-fehma tiegħu dwar l-iżviluppi fiskali. Fir-rigward tas-sostenibbiltà, il-BĊE jeżamina l-indikaturi ewlenin tal-iżviluppi fiskali fil-perjodu rilevanti, jikkunsidra l-prospetti u l-isfidi għall-finanzi pubbliċi u jiffoka fuq ir-rabtiet bejn id-defiċit u l-iżviluppi fid-dejn.

Żviluppi fir-rati tal-kambju

Dispożizzjonijiet tat-Trattat

  • It-tielet inċiż tal-Artikolu 140(1) tat-Trattat jesiġi:
    “l-osservanza tal-marġini normali ta’ varjazzjoni stipulati mill-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea, għal tal-anqas sentejn, mingħajr ma jkun hemm żvalutazzjoni kontra l-euro”.
  • L-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 13) dwar il-kriterji tal-konverġenza msemmija fl-Artikolu 140(1) tat-Trattat jistipula li:
    “Il-kriterju ta’ parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea msemmi fit-tielet inċiż tal-Artikolu 140(1) ta’ dan it-Trattat għandu jfisser li Stat Membru jkun irrispetta l-marġini normali ta’ varjazzjoni stipulati fil-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea mingħajr tensjonijiet severi għal tal-anqas l-aħħar sentejn qabel l-eżami. B’mod partikolari, l-Istat Membru ma għandux ikun żvaluta r-rata ċentrali bilaterali tal-munita tiegħu kontra l-euro bl-inizjattiva tiegħu għall-istess perjodu.”

Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat

It-Trattat jirreferi għall-kriterju ta' parteċipazzjoni fl-ERM II (li ħa post l-ERM f'Jannar 1999).
  • L-ewwel, il-BĊE jivvaluta jekk il-pajjiż ikunx ipparteċipa fl-ERM II “għall-inqas għall-aħħar sentejn qabel l-eżami”, kif hemm fil-Protokoll (Nru 13).
  • It-tieni, l-eżami tal-istabbiltà tar-rata tal-kambju kontra l-euro jiffoka fuq il-fatt li r-rata tal-kambju għandha tkun qrib ir-rata ċentrali tal-ERM II, waqt li jitqiesu wkoll fatturi li setgħu wasslu għal żieda fil-valur tal-munita, li huwa konformi mal-orjentament adottat fl-imgħoddi. F’dan ir-rigward, il-wisa’ tal-faxxa ta’ varjazzjoni fi ħdan l-ERM II ma tippreġudikax l-eżami tal-kriterju dwar l-istabbiltà tar-rata tal-kambju.
  • It-tielet, il-kwistjoni ta’ “tensjonijiet severi” hija ġeneralment indirizzata billi jiġi eżaminat il-grad tad-devjazzjoni tar-rati tal-kambju mir-rati ċentrali tal-ERM II kontra l-euro. Dan isir billi jintużaw indikaturi bħal ma huma l-volatilità tar-rata tal-kambju kontra l-euro, kif ukoll id-differenzjali tar-rati tal-imgħax għal żmien qasir vis-à-vis iż-żona tal-euro u l-evoluzzjoni tagħhom, u wkoll billi jiġi kkunsidrat ir-rwol tal-interventi tal-kambju ta’ flus barranin u tal-programmi internazzjonali ta' assistenza finanzjarja biex tiġi stabilizzata l-munita.

Żviluppi fir-rati tal-imgħax għal żmien twil

Dispożizzjonijiet tat-Trattat

  • Ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 140(1) tat-Trattat jesiġi li:
    “is-sostenibbiltà tal-konverġenza miksuba mill-Istat Membru li jkollu deroga u tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju jkunu riflessi fil-livelli tar-rati tal-imgħax għal żmien twil”.
  • L-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 13) dwar il-kriterji tal-konverġenza msemmija fl-Artikolu 140(1) tat-Trattat jistipula li:
    “Il-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati tal-imgħax imsemmi fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 140(1) ta’ dan it-Trattat għandu jfisser illi, meta osservat għal perjodu ta’ sena qabel l-eżami, Stat Membru jkollu medja tar-rata nominali tal-imgħax għal żmien twil li ma taqbiżx b’iżjed minn żewġ punti perċentwali dik, bħala massimu, tat-tliet Stati Membri bl-aħjar rendiment f’termini ta’ stabbilità fil-prezzijiet. Ir-rati tal-imgħax għandhom jitkejlu abbażi ta’ bonds tal-gvern għal żmien twil jew abbażi ta’ titoli paragunabbli, waqt li jitqiesu d-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali.”

Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat

  • L-ewwel, fir-rigward tal-“medja tar-rata nominali tal-imgħax għal żmien twil” osservata għal “perjodu ta’ sena qabel l-eżami”, ir-rata tal-imgħax għal żmien twil tiġi kkalkulata bħala l-medja aritmetika tal-aħħar 12-il xahar li għalihom tkun disponibbli d-dejta tal-HICP.
  • It-tieni, il-kunċett li “bħala massimu, it-tliet Stati Membri bl-aħjar rendiment f’termini ta’ stabbilità tal-prezzijiet”, li jintuża għad-definizzjoni tal-valur ta’ referenza, jiġi applikat billi tintuża l-medja aritmetika mhux ippeżata tar-rati tal-imgħax għal żmien twil tal-istess tliet Stati Membri tal-UE użati għall-kalkolu tal-valur ta’ referenza għall-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet. Ir-rati tal-imgħax jitkejlu abbażi ta’ rati ta’ imgħax għal żmien twil armonizzati, li ġew żviluppati biex titkejjel il-konverġenza.