STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Stqarrija konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Bank Ċentrali Ewropew li jilqgħu b’merħba l-introduzzjoni ta’ l-istrumenti tal-pagament tas-SEPA mill-banek ta’ l-UE

28 ta' Jannar 2008

Illum se tibda tintuża s-SEPA (iż-Żona Unika ta’ Pagamenti f’Euro), u l-banek Ewropej se jintroduċu formalment l-ewwel strument ta’ pagament bis-SEPA, għat-trasferimenti tal-kreditu. Dan hu l-ewwel pass fi proċess ta’ migrazzjoni tul il-ftit snin li ġejjin, li matulu l-klijenti se jużaw proċess, immexxi mis-suq, li permezz tiegħu, mill-istrumenti ta’ pagament elettroniku nazzjonali ta’ bħalissa, se jaqilbu għall-istrumenti l-ġodda tas-SEPA. Din hi estensjoni loġika ta’ l-introduzzjoni ta’ l-euro li, permezz ta’ suq tal-pagamaneti iżjed kompetittiv u effiċjenti, se tkun ta’ benefiċċju sostanzjali.

Is-SEPA hi ż-Żona Unika ta’ Pagamenti f’Euro l-ġdida, li tippermetti li wieħed jagħmel pagamenti fiż-żona ta’ l-euro kollha, b’mod żgur u faċli daqs dak tal-pagamenti nazzjonali. Fis-SEPA, il-pagamenti kollha f’euro jitqiesu bħal pagamenti domestiċi u jsiru b’sett uniku ta’ strumenti tal-pagament. B’hekk, is-SEPA hi sekwenza naturali ta’ l-introduzzjoni ta’ l-euro u pass kbir ieħor fit-twettiq tal-potenzjal sħiħ ta’ suq uniku għall-Ewropa. Il-pagamenti f’euro bis-SEPA jistgħu jsiru wkoll fi ħdan l-UE barra ż-żona ta’ l-euro, kif ukoll f’għadd ta’ pajjiżi ġirien [1].

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Kummissjoni Ewropea (KE) jilqgħu b’merħba l-introduzzjoni uffiċjali tas-SEPA u jirrikonoxxu l-ħidma sostanzjali ta’ tħejjija min-naħa tal-banek Ewropej, taħt il-patroċinju tal-Kunsill Ewropew għall-Pagamenti, biex inħolqot is-SEPA. Għalhekk, illum jimmarka ġrajja importanti fil-proċess tal-migrazzjoni għas-SEPA bl-introduzzjoni uffiċjali ta' l-istrument tal-pagament tas-SEPA għat-trasferimenti tal-kreditu. Għal raġunijiet tekniċi u legali, l-introduzzjoni ta’ l-istrument tal-pagament tas-SEPA għad-debitar dirett se ssir iżjed tard, iżda mhux iżjed tard mill-1 ta' Novembru 2009. Għal pagamenti bil-kards, il-Qafas tas-SEPA għall-Kards daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008.

Is-SEPA se tagħmel kontribut sinifikanti għall-aġenda ta’ Lisbona. Se ttejjeb l-effiċjenza tas-swieq ta’ l-UE għall-pagamenti, u se tħeġġeġ l-innovazzjoni, biex b’hekk tiżdied il-kompetittività ta’ l-ekonomija Ewropea. Fis-settur pubbliku, is-SEPA tista’ tintuża bħala pjattaforma għat-transazzjonijiet elettroniċi tal-Gvern, u b’hekk tikkontribwixxi għal servizzi pubbliċi effiċjenti.

Is-SEPA se toħloq benefiċċji kbar, kif jidher minn żewġ studji li għamlu l-BĊE [2] u l-KE [3]. B’mod partikolari, l-istudju tal-KE juri li l-benefiċċji potenzjali tas-SEPA fis-swieq tal-pagamenti biss jistgħu jaqbżu l-€123 biljun tul is-sitt snin li ġejjin, u jistgħu jiġu ffrankati €238 biljun ieħor jekk is-SEPA tkun tista’ tintuża bħala pjattaforma għall-fatturazzjoni elettronika.

Iż-żewġ studji wrew ukoll li l-proċess tal-migrazzjoni għas-SEPA se jkun sfida, speċjalment għall-banek. Skond l-istudju tal-BĊE, il-banek jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom b’mod sinifikanti, iżda se jaffrontaw kompetizzjoni iżjed qawwija. Is-SEPA se toffri wkoll lill-banek l-opportunità li jippromwovu servizzi ta’ valur miżjud fil-katina tal-pagamenti. Għalhekk, il-BĊE u l-KE jħeġġu lill-banek biex iżommu r-ritmu fil-proċess tas-SEPA ħalli, fi proċess immexxi mis-suq, l-utenti jkunu jistgħu jaqilbu malajr għall-istrumenti l-ġodda tal-pagament tas-SEPA, u biex l-ispejjeż ta’ pagamenti doppji (jiġifieri l-istrumenti nazzjonali ta’ pagament eżistenti flimkien ma’ l-istandards il-ġodda tas-SEPA) jinżammu fuq livell minimu. Dan jitlob ukoll introduzzjoni rapida ta’ l-istrument il-ġdid tal-pagament tas-SEPA għad-debitar dirett u l-adozzjoni sħiħa tal-Qafas tas-SEPA għall-Kards min-naħa ta’ dawk li għandhom interess rilevanti.

Bħala entitajiet li jużaw l-istrumenti tal-pagament spiss ħafna, il-kumpaniji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jibbenefikaw mill-effiċjenza li ġġib magħha s-SEPA. Għalhekk għandu jkollhom sehem importanti fis-suċċess tas-SEPA billi jadottaw kmieni l-istrumenti tas-SEPA fi proċess immexxi mis-suq u b’hekk jevitaw li l-karatteristiċi tal-prezzijiet u tal-prestazzjoni jiħżienu [4] meta mqabbla ma’ l-istrumenti nazzjonali eżistenti tal-pagament.

Biex jiċċelebraw l-introduzzjoni uffiċjali tas-SEPA, is-Sur Charlie McCreevy (Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, KE) is-Sinjura Gertrude Tumpel-Gugerell (Membru tal-Bord Esekuttiv, BĊE) u s-Sur Gerard Hartsink (President, Kunsill Ewropew għall-Pagamenti) il-lejla se jilqgħu, fi Brussell, għadd ta’ mistednin distinti mis-suq ta’ l-UE għall-pagamenti, waqt ċelebrazzjoni għall-introduzzjoni tas-SEPA.



[1] L-Islanda, il-Liechenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera.

[2] “The economic impact of the Single Euro Payments Area”, ECB Occasional Paper No 71, August 2007.

[3] Referenza għal Stqarrija għall-Istampa COM IP dwar ir-riżultati ta’ l-istudju Capgemini.

Payments & markets

Kuntatti midja