European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Direttiva dwar is-Servizzi tal-Pagament

24 ta' April 2007

Stqarrija konġunta tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea li jilqgħu l-adozzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Pagament mill-Parlament Ewropew

Illum il-Parlament Ewropew adotta l-proposta għal Direttiva dwar is-Servizzi tal-Pagament (PSD) li l-Kunsill ta’ l-ECOFIN kien diġà ftiehem fuq approċċ ġenerali għaliha fis-27 ta’ Marzu 2007. It-test tal-PSD issa jintbagħat lill-Kunsill ta’ l-UE għall-adozzjoni finali. L-Istati Membri għandhom imbagħad jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali kmieni kemm jista’ jkun, u mhux iżjed tard mill-1 ta’ Novembru 2009.

L-għan tal-PSD hu li tiżgura li l-pagamenti fi ħdan l-UE – b’mod partikolari it-trasferiment ta’ kreditu, id-debitar dirett u l-ħlas bil-kards - isiru faċli, effiċjenti, u b’sigurtà bħall-pagamenti domestiċi fi ħdan Stat Membru, u dan billi tipprovdi s-sisien legali biex tkun tista’ titwettaq iż-Żona Unika ta’ Pagamenti f’Euro (SEPA). Il-PSD se ssaħħaħ id-drittijiet u l-ħarsien ta’ kull min juża s-servizzi ta’ pagament (konsumaturi, bejjiegħa bl-imnut, kumpaniji kbar u żgħar u awtoritajiet pubbliċi).

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Kummissjoni Ewropea għandhom l-istess viżjoni għas-SEPA u l-ħin kollu jissorveljaw u jsostnu l-proċess li jwassal għat-twettiq tagħha. Għal iżjed informazzjoni ara l-istqarrija konġunta għall-istampa ta’ l-4 ta’ Mejju 2006 ( http://www.ecb.europa.eu/press/pr/date/2006/html/pr040628_1.mt.html).

Il-BĊE u l-Kummissjoni Ewropea jqisu l-adozzjoni tal-PSD mill-Parlament Ewropew bħala pass deċiżiv għat-twettiq tas-SEPA. Id-Direttiva se tħaffef l-implimentazzjoni operazzjonali ta’ l-istrumenti tas-SEPA mill-industrija bankarja, u wkoll l-adozzjoni tagħhom mill-utenti finali, billi tarmonizza l-qafas legali applikabbli. Dan se jipprovdi s-sisien għal suq “domestiku” uniku ta’ pagamenti f’euro. Id-Direttiva se ssaħħaħ il-ħarsien tal-konsumatur u ttejjeb il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni billi tistabbilixxi qafas prudenti xieraq għal dawk li jibdew jużaw is-suq tal-pagamenti individwali. Dan għandu jħeġġeġ il-proġress teknoloġiku u t-twettiq ta’ opportunitajiet għal prodotti ġodda, bħal ma huma l-fatturazzjoni elettronika, li jistgħu jipprovdu benefiċċji kbar għall-ekonomija ġenerali.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja