STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

L-Assistenza ta’ Likwidità f’Emerġenza għall-banek Griegi tinżamm fl-istess livell

6 ta' Lulju 2015
  • L-assistenza ta’ likwidita f’emerġenza (ELA) tinżamm fil-livell tas-26 ta’ Ġunju 2015
  • Aġġustati l- haircuts (it-telf impost) fuq il-kollateral għall-ELA
  • Il-Kunsill Governattiv jissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni fis-swieq finanzjarji

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum ħa d-deċiżjoni li jżomm il-provediment ta’ assistenza ta’ likwidità f’emerġenza (ELA) għall-banek Griegi fil-livell li kien ġie deċiż fis-26 ta’ Ġunju 2015 wara li ddiskuta proposta tal-Bank tal-Greċja.

L-ELA tista’ tiġi pprovduta biss jekk il-kollateral ikun suffiċjenti.

Is-sitwazzjoni finanzjarja tar-Repubblika Ellenika tħalli impatt fuq il-banek Griegi billi l-kollateral li jużaw fl-ELA jiddependi fil-biċċa l-kbira minn assi marbutin mal-gvern Grieg.

F’dan ir-rigward, il-Kunsill Governattiv illum ħa d-deċiżjoni li jaġġusta l- haircuts fuq il-kollateral aċċettat mill-Bank tal-Greċja għall-ELA.

Il-Kunsill Governattiv qiegħed jissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni fis-swieq finanzjarji u l-implikazzjonijiet li jistgħu jolqtu x-xejra tal-politika monetarja u l-bilanċ tar-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet fiż-żona tal-euro. Il-Kunsill Governattiv huwa determinat li juża l-istrumenti kollha disponibbli fi ħdan il-mandat tiegħu.

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, il-kuntatt huwa Ronan Sheridan (+49 69 1344 7416).

Kuntatti midja