STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

il-BĊE jippubblika l-opinjoni tiegħu dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (MUR)

8 ta' Novembru 2013

EMBARGO

M’għandhiex tixxandar qabel il-11 a.m. CET tal-Ġimgħa 8 ta’ Novembru 2013
  • Il-MUR għandu jkun imwaqqaf sa meta l-BĊE jieħu f’idejh ir-responsabbiltajiet superviżorji kollha
  • L-ambitu tal-MUR għandu jinkludi l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li qegħdin jipparteċipaw fil-mekkaniżmu superviżorju uniku
  • Il-BĊE: l-istituzzjonijiet għandhom ikunu suġġetti għal riżoluzzjoni biss wara li superviżur ikun ivvalutahom bħala “qed ifallu jew x’aktarx se jfallu”
  • Il-BĊE huwa favur li l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna ( bail-in) tkun stabbilita qabel l-2018
  • Il-BĊE: saru tibdiliet għar-regolament propost sabiex jiġi żgurat li l-Artikolu 114 tat-Trattat possibilment ikun il-bażi legali għat-twaqqif tal-MUR
  • Il-BĊE jrid li jkun irrappreżentat bħala osservatur fil-laqgħat plenarji u eżekuttivi kollha tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum ippubblika l-opinjoni legali tiegħu dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni [1]. Din l-opinjoni nħarġet wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.

Il-BĊE jappoġġa bis-sħiħ it-twaqqif ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Huwa tal-fehma li t-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod ċentrali dwar kwistjonijiet ta’ riżoluzzjoni se jsaħħaħ l-istabbiltà tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u li l-MUR se jkun komplement meħtieġ għall-mekkaniżmu superviżorju uniku.

Ir-Regolament propost dwar il-MUR fih tliet rekwiżiti essenzjali għal riżoluzzjoni effettiva:

  • sistema waħda;
  • awtorità waħda b’setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;
  • fond wieħed iffinanzjat ex ante mis-settur bankarju.

Il-BĊE jqis li huwa importanti ħafna li r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u tal-awtoritajiet superviżorji jinżammu separati. Il-BĊE, jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, b’konformità mar-Regolament dwar il-mekkaniżmu superviżorju uniku, għandu jkun responsabbli waħdu biex jivvaluta jekk istituzzjoni ta’ kreditu tkunx qed tfalli jew x’aktarx se tfalli. Il-valutazzjoni superviżorja għalhekk se tkun kundizzjoni ewlenija meħtieġa biex istituzzjoni titpoġġa f’riżoluzzjoni.

Il-BĊE jilqa’ s-sejħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex il-leġiżlazzjoni tiġi adottata matul il-mandat attwali tal-Parlament Ewropew. Barra dan, il-BĊE jappoġġa bil-qawwa l-iskadenza prevista taż-żmien biex il-MUR jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015. Meta l-mekkaniżmu superviżorju uniku jibda jiffunzjona u s-superviżjoni tibda ssir fil-livell Ewropew, l-istess għandu jiġri fil-każ tar-riżoluzzjoni.

Il-BĊE jappoġġa wkoll l-implimentazzjoni aktar bikrija tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna ( bail-in) li hija wieħed mill-elementi importanti tad-Direttiva dwar ir-Riżoluzzjoni u l-Irkupru tal-Banek.

Il-BĊE jieħu nota tal-isforzi li qegħdin isiru biex jidħol it-tibdil meħtieġ sabiex l-Artikolu 114 (“l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali”) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea possibilment ikun jista’ jintuża bħala bażi legali. B’hekk se jkun possibbli li jitwaqqaf il-MUR mingħajr il-ħtieġa ta’ tibdil fit-Trattat.

L-opinjoni tal-BĊE tistqarr li jkun aħjar li tinżamm separazzjoni funzjonali ċara bejn is-superviżjoni u r-riżoluzzjoni biex hekk tiġi evitata l-possibbiltà ta’ konflitti ta’ interessi. Il-BĊE jirrakkomanda li għandu jipparteċipa bħala osservatur fis-sessjonijiet eżekuttivi u plenarji tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni.

Għal aktar tagħrif, il-midja tista’ tikkuntattja lil Uta Harnischfeger, tel. +49 69 1344 6321, jew Peter Ehrlich, tel. +49 69 1344 8320.



[1]Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni tal-Banek u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Kuntatti midja