STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Emenda tal-kriterji għall-assi li huma eliġibbli bħala garanzija għall-operazzjonijiet ta' kreditu ta' l-eurosistema

25 ta' Mejju 2007

Illum il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) qed jipprovdi iżjed dettalji dwar l-assi li huma eliġibbli bħala garanzija għall-operazzjonijiet ta’ kreditu ta’ l-Eurosistema.

Wara li fl-1 ta’ Jannar 2007 tlesta l-qafas uniku għall-garanziji, l-Eurosistema speċifikat li, bl-eċċezzjoni ta’ istituzzjonijiet supranazzjonali, l-entitajiet li joħorġu assi negozjabbli li huma eliġibbli għall-operazzjonijiet ta’ kreditu ta’ l-Eurosistema għandhom ikunu stabbiliti jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew f’wieħed mill-erba’ pajjiżi tal-G10 li mhumiex fiż-ŻEE [1]. B’hekk, assi maħruġa minn entitajiet domiċiljati barra ż-ŻEE jew il-pajjiżi tal-G10 li mhumiex fiż-ŻEE mhux se jkunu eliġibbli, anki jekk tingħata garanzija minn entità stabbilita fiż-ŻEE.

Minħabba dan, mill-1 ta’ Ġunju 2007 dawn l-assi ta’ l-ewwel livell ma jibqgħux eliġibbli. Madankollu, assi li jkunu nħarġu qabel l-1 ta’ Jannar 2007 jibqgħu eliġibbli sal-31 ta’ Diċembru 2011 u wara din id-data biss ma jibqgħux eliġibbli.

Din id-deċiżjoni hi skond il-kriterji ta’ l-eliġibbiltà dwar il-post fejn ikunu nħarġu l-assi negozjabbli elenkati fit-taqsima 6.2.1 ta’ “L-implimentazzjoni tal-politika monetarja fiż-żona ta’ l-euro: Dokumentazzjoni Ġenerali dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja ta’ l-Eurosistema” (magħrufa ġeneralment bħala “Id-Dokumentazzjoni Ġenerali”).



[1] Iż-Żona Ekonomika Ewropea tikkonsisti f’27 pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropea, flimkien ma’ l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja. L-erba’ pajjiżi tal-G10 li mhumiex fiż-ŻEE huma l-Kanada, il-Ġappun, l-Isvizzera u l-Istati Uniti.

Kuntatti midja