STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Żona Unika Ewropea ta’ Pagamenti

4 ta' Mejju 2006

Stqarrija konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Bank Ċentrali Ewropew

Il-Kummissjoni Ewropea (Kummissjoni) u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandhom l-istess viżjoni għaż-Żona Unika Ewropea ta’ Pagamenti (Single Euro Payments Area -SEPA) u l-proċess li jwassal għat-twettiq tagħha. Iż-żewġ istituzzjonijiet qed jikkooperaw mill-qrib f’dan il-proċess u jħeġġu lill-industrija bankarja Ewropea u entitajiet oħra rilevanti li għandhom interess f’dan, biex sa l-aħħar tal-2010, joħolqu l-kondizzjonijiet tekniċi għat-twettiq taż-Żona Unika Ewropea ta’ Pagamenti.

Viżjoni

Il-Kummissjoni u l-BĊE jaraw is-SEPA bħala suq integrat għal servizzi ta’ pagamenti, liema suq ikun soġġett għal kompetizzjoni effettiva u fih ma jkun hemm l-ebda distinzjoni bejn pagamenti trans-fruntiera u pagamenti nazzjonali fi ħdan iż-żona ta’ l-euro. Dan jitlob it-tneħħija tal-barrieri tekniċi, legali u kummerċjali kollha bejn is-swieq nazzjonali kurrenti tal-pagamenti.

L-introduzzjoni ta’ l-euro bħala l-munita unika taż-żona ta’ l-euro tkun kompluta biss meta titwettaq is-SEPA, jiġifieri meta l-konsumaturi, in-negozji u l-gvernijiet ikunu jistgħu jagħmlu ħlasijiet mingħajr flus kontanti fiż-żona ta’ l-euro kollha minn kont ta’ ħlas fi kwalunkwe post fiż-żona ta’ l-euro, bl-użu ta’ sett uniku ta’ strumenti ta’ pagament, bl-istess faċilità, effiċjenza u sigurtà bħal meta jagħmlu pagamenti fil-kuntest domestiku bħalissa.

Bil-ħolqien ta’ stàndards miftuħa u komuni li jegħlbu l-barrieri tekniċi u kummerċjali, u permezz tat-trawwim ta’ kompetizzjoni effettiva, il-livelli mtejba ta’ servizz tal-pagamenti jibbenefika lill-utenti ta’ dawn is-servizzi, jiġifieri l-konsumaturi, in-negozju u l-gvernijiet, permezz ta’ prezzijiet trasparenti u servizzi b’infiq effettiv. Is-SEPA se tippermetti lill-industrija tal-pagamenti li ssir iżjed effiċjenti, u b’hekk, b’mod sinifikanti, jiġu ffrankati l-ispejjeż u jiżdiedu l-benefiċċji għall-ekonomija Ewropea, u jsir iżjed faċli li jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tas-sistema.

Il-proċess tas-SEPA jitlob titjib kontinwu tas-servizzi tal-pagamenti, billi joffri prodotti pan-Ewropej li huma faċli, effiċjenti u żguri daqs kemm huma fil-livell nazzjonali bħalissa. Għal dan jeħtieġ li wieħed jantiċipa kif se jkunu s-sistemi ta’ pagamenti fl-aħħar ta’ dawn l-għaxar snin u jenħtieġ titjib kontinwu tal-livelli tas-servizz. Is-SEPA għandha tħares ’il quddiem, u għandha tħaddan u tgħin it-twettiq ta’ opportunitajiet teknoloġiċi ġodda. Minbarra l-prodotti ewlenin tas-SEPA li qed jiġu żviluppati, opportunitajiet ġodda, bħalma hi dik tal-fatturazzjoni elettronika, jistgħu jipprovdu benefiċċji akbar.

L-istàndardizzazzjoni tas-servizzi tal-pagamenti u l-ipproċessar huma ta’ importanza kruċjali. Hu għalhekk essenzjali li l-utenti, b’mod partikolari l-korporazzjonijiet, u entitajiet oħra rilevanti li għandhom interess f’dan, ikunu involuti fil-proċess biex jiġu stabbiliti l-istàndards.

Avvenimenti importanti

Diġà sar progress sinifikanti mill-Kunsill għall-Pagamenti Ewropej (European Payments Council - EPC) biex tiġi stabbilita s-SEPA permezz tat-twaqqif ta’ skemi, oqfsa u stàndards meħtieġa biex isostnu s-SEPA. Il-Kummissjoni u l-BĊE jieħdu l-opportunità biex jisħqu li huma jsostnu l-għanijiet stabbiliti mill-EPC għal Jannar 2008:

  • Li ċittadini, intrapriżi u amministrazzjonijiet pubbliċi ta’ l-UE għandu jkollhom il-possibbiltà li jużaw it-trasferiment ta’ kreditu tas-SEPA u l-istrumenti ta’ pagament permezz ta’ debitar dirett tas-SEPA definiti mill-EPC.
  • Li, għal pagamenti f’euro, għandhom jitneħħew il-barrieri tekniċi li jxekklu l-aċċettazzjoni trans-fruntiera fil-post fejn isir il-bejgħ u fejn jiġu rtirati l-flus għal ħlasijiet li jsiru permezz tal-kards. Barra dan, għandhom jiġu definiti provvedimenti u stàndards tekniċi u kuntrattwali xierqa biex tiġi żgurata l-interoperabilità.
  • Li jkunu jeżistu l-kondizzjonijiet biex l-infrastrutturi jsiru konformi ma’ l-iskema tas-SEPA. Dan jitlob, mill-inqas, stàndards miftuħa u komuni li jkunu disponibbli għas-servizzi kollha ta’ proċessar u u għall-entitajiet kollha li jipprovdu l-infrastrutturi fl-UE għal pagamenti f’euro, biex isiru t-tħejjijiet għall-interoperabilità u għal kompetizzjoni effettiva.

Barra dan, il-Kummissjoni u l-BĊE jisħqu li hu importanti li l-entitajiet kollha rilevanti li għandhom interess, b’mod partikolari s-settur pubbliku, għandhom jagħtu sehmhom biex titwettaq is-SEPA. Is-settur pubbliku jista’ jkollu rwol vitali għas-suċċess tas-SEPA billi jagħti sostenn politiku u billi jaddotta l-prodotti tas-SEPA minn kmieni.

Il-Kummissjoni u l-BĊE jsostnu wkoll l-iskemi u l-oqfsa, kif miftehma mill-EPC fit-8 ta’ Marzu 2006, bħala l-bażi biex jiġu introdotti l-prodotti tas-SEPA fl-2008. Il-Kummissjoni u l-BĊE jagħtu importanza qawwija lill-ħidma ta’ l-EPC biex ikompli jtejjeb l-iskemi u l-oqfsa fil-ġejjieni ħalli jibqgħu jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet ta’ l-utenti, u biex jiġi żgurat li l-livelli tas-servizz jitjiebu kontinwament. F’din il-perspettiva, il-Kummissjoni u l-BĊE jilqgħu id-djalogu bejn l-EPC u l-utenti finali bħala l-ewwel pass, u jilqgħu wkoll l-impenn tagħhom biex fil-ġejjieni jinvolvu b’mod iżjed miftuħ l-entitajiet kollha li għandhom interess. Jilqgħu ukoll l-impenn tagħhom biex jaħdmu flimkien fuq l-istàndards meħtieġa għall-industrija kollha biex is-SEPA ssir attraenti għall-entitajiet kollha li għandhom interess.

Il-kunsinna ta’ l-istrumenti tas-SEPA hi biss l-ewwel pass, minħabba li l-introduzzjoni ta’ l-istrumenti bħala soluzzjoni ta' pagamenti trans-fruntiera biss ma jirriżultax f'suq verament integrat fil-livell taż-żona ta' l-euro. B’mod partikolari, massa kruċjali ta’ trasferimenti ta’ krediti nazzjonali, debiti diretti u ħlasijiet bil-kards għandhom ikunu ġew trasferiti għall-istrumenti ta’ pagamenti tas-SEPA sa l-aħħar tal-2010. Se jkunu meħtieġa passi oħra biex tiġi żgurata l-adozzjoni wiesgħa ta’ l-istrumenti ġodda u effiċjenti tas-SEPA. Il-livell tas-servizz ta’ l-istrumenti tas-SEPA għandu jkun tajjeb mill-inqas daqs l-istrumenti nazzjonali eżistenti, iżda preferibbilment għandu jkun aħjar. Dan mbagħad jippermetti transizzjoni mmexxija mis-suq lejn l-istrumenti tas-SEPA.

Il-Kummissjoni u l-BĊE jsostnu bl-akbar qawwa possibbli l-awto-regolazzjoni kontinwa ta’ l-industrija, iżda minħabba l-importanza u d-daqs tal-benefiċċji soċjali u ekonomiċi tas-SEPA, il-Kummissjoni, b’mod espliċitu tirriżerva d-dritt li tintroduċi jew tipproponi leġiżlazzjoni meħtieġa biex din titwettaq.

Kuntatti midja