Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

L-okkażjoni f’ġieħ Jean-Claude Trichet

Diskors ta’ Jean-Claude Trichet, President tal-BĊE, 19 ta’ Ottubru 2011

Onorevoli Sinjura Kanċillier,

President tal-Parlament Ewropew,

President tal-Kunsill Ewropew,

President tal-Kummissjoni Ewropea,

President tal-Eurogrupp,

Għażiż President Giscard d’Estaing,

Għażiż Kanċillier Helmut Schmidt,

Ministri, Eċċellenzi, ħbieb Gvernaturi,

Għeżież Membri tal-istaff tal-BĊE,

Sinjuri,

Għaddew aktar minn tlettax-il sena minn meta twaqqaf il-Bank Ċentrali Ewropew, u kważi tlettax-il sena minn meta daħal l-Euro. Hekk kif il-mandat tiegħi ta’ President tal-BĊE riesaq lejn tmiemu – wara tmien snin fil-kariga – qiegħed inħoss tassew il-fiduċja sħiħa li d-demokraziji Ewropej iddeċidew li jerħu f'idejn il-BĊE. Il-mandat ewlieni tagħna, iż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet, kif ukoll l-indipendenza tagħna biex inwettqu dan il-mandat, ingħatawlna miċ-ċittadini tal-Ewropa, li huma ta’ pajjiżi u fehmiet differenti.

Meta nkunu leali lejn il-mandat tagħna, inkunu leali lejn ir-rieda demokratika tal-Istati Membri.

Flimkien mal-ħames kollegi tal-Bord Eżekuttiv, mat-tnejn u għoxrin kollega tal-Kunsill Governattiv, kif ukoll mal-istaff dedikat tal-BĊE, ġejna msejħa biex inwettqu idea ambizzjuża li ilha tberren fl-imħuħ taċ-ċittadini tal-Ewropa.

Il-munita unika hija idea antika, li għandha għeruq fondi fl-istorja. Mingħajr ma mmorru lura sal-Imperu Ruman jew dak ta’ Karlumanju, sitt sekli ilu Georges Podiebrad, ir-re tal-Boemja, diġà kien qiegħed jara l-ħtieġa ta’ munita Ewropea komuni.

Ħafna qabel ir-rapport ta’ Werner, ippubblikat erbgħin sena ilu, ħassieba kbar minn bosta nazzjonijiet Ewropej kienu favur suq uniku, ekonomija unika u munita unika. Dawn l-għeruq storiċi poġġew f’perspettiva l-kisbiet tal-Euro bħala munita ġdida, l-isfidi attwali taż-żona tal-euro u l-ġejjieni tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Is-suċċess tal-Euro bħala munita jrid jiġi ġġudikat skont il-missjoni ewlenija tiegħu. Fi kważi tlettax-il sena, u minkejja sensiela ta’ xokkijiet ekonomiċi u finanzjarji dinjin kbar, il-medja tal-inflazzjoni annwali baqgħet madwar 2% għal 332 miljun ċittadin sħabna. Minkejja ż-żidiet kontinwi fil-prezzijiet taż-żejt u r-riżorsi ewlenin, dan hu l-aħjar riżultat, għal perjodu bħal dan, fl-aħħar 50 sena fost il-pajjiżi l-kbar tal-Ewropa. Il-medja tal-inflazzjoni annwali ta’ 1.6% li kellha l-Ġermanja f’dawn it-13-il sena kienet aħjar minn dik li kellha qabel daħal l-Euro.

Daqstant ta’ importanza hu l-fatt li l-inflazzjoni hi mistennija tibqa’ f’livelli baxxi. Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE qiegħed joffri ankraġġ sod għall-istabbiltà tal-prezzijiet għall-għaxar snin li ġejjin, sewwasew skont id-definizzjoni tagħna: anqas minn 2%, iżda qrib 2%.

L-Euro hija munita kredibbli li tat prova li hi ħażna tajba ta’ valur, sostnuta minn prinċipji bażiċi solidi.

Dawn l-aħħar tmien snin jistgħu jinqasmu f’żewġ perjodi ndaqs.

L-ewwel erba’ snin kienu ta’ sfida, iżda jistgħu jitqiesu normali għal min jaħdem f’bank ċentrali. Il-BĊE kellu jżomm l-istabbiltà wara li nfaqgħet il-bużżieqa dotcom kif ukoll fil-konfront ta’ prezzijiet għoljin u varjabbli taż-żejt u tal-enerġija. Iġġelidna bis-saħħa biex inżommu l-governanza fiskali taż-żona tal-euro, fi żmien meta t-tliet pajjiżi l-kbar riedu jdgħajfu l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. U, bħal dejjem, kellna nieħdu r-responsabbiltà għad-deċiżjonijiet tagħna, ukoll meta żidna r-rati tal-imgħax, għalkemm xi drabi dan ma niżilx tajjeb ma’ bosta gvernijiet, mal-parteċipanti fis-swieq jew mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. Il-BĊE żamm sod fl-indipendenza tiegħu, u hekk se jibqa’ jagħmel.

Wara erba’ snin faqqgħet il-kriżi finanzjarja u ekonomika.

Ma kinitx kriżi bħal dawk li kellna matul l-aħħar 50 sena. Mhux bħall-ewwel xokk tal-prezzijiet taż-żejt fl-1973 jew it-tieni xokk fl-1980. Mhux ġrajja bħall-kriżi tad-dejn statali tas-snin 1980 u l-bidu tas-snin 1990. Mhux bħall-kriżi Asjatika jew il-bużżieqa dotcom li nfaqgħet fil-bidu tas-snin 2000.

Minn Awwissu 2007, għaddejna minn kriżi ta’ xeħta ġdida. Fenomenu dinji li ma kienx hawn bħalu wara t-Tieni Gwerra Dinjija għax-xorta u d-daqs tiegħu. Għall-ewwel darba f’66 sena, l-epiċentru tal-kriżi dinjija kien is-sistema finanzjarja tal-ekonomiji avvanzati.

L-impatt tal-kriżi fuq l-ekonomija reali seta’ kellu l-kobor ta’ depressjoni kbira, li kieku l-banek ċentrali u awtoritajiet pubbliċi oħrajn ma rreaġixxewx b’ħeffa u determinazzjoni.

Min-naħa tiegħu, minn meta beda t-taqlib finanzjarju fid-9 ta’ Awwissu 2007, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE beda japplika “prinċipju ta’ separazzjoni”. Issepara l-miżuri “standard” – jiġifieri r-rati tal-imgħax imfassla biex iżommu l-istabbiltà tal-prezzijiet għal żmien medju – mill-miżuri “straordinarji” – imfassla biex jgħinu ħalli l-miżuri standard tagħna jkollhom trażmissjoni aħjar fi żminijiet ta’ xkiel għas-swieq. Il-kredibbiltà tal-Euro u l-ankraġġ sod tal-aspettattivi dwar l-inflazzjoni għall-għaxar snin li ġejjin ġew ippreservati tajjeb matul il-kriżi. Dan sar billi żammejna sod fid-direzzjoni tagħna – l-istabbiltà tal-prezzijiet – bis-saħħa tal-politika tagħna dwar ir-rati tal-imgħax, waqt li fl-istess ħin qgħadna attenti li nieħdu miżuri straordinarji xierqa – l-allokazzjoni sħiħa tal-likwidità b’rati fissi, ix-xiri ta’ bonds garantiti u l-Programm tas-Swieq tat-Titoli. U għal darb’oħra, id-deċiżjonijiet kollha tal-Kunsill Governattiv ittieħdu b’indipendenza sħiħa. Minn meta bdiet il-kriżi, jien ħsibt li l-kwalitajiet li għandu jkollhom il-banek ċentrali jridu jkunu analogi maż-żewġ virtujiet etiċi msemmija mill-magħruf Max Weber kważi seklu ilu: l-etika tal-konvinzjoni u l-etika tar-responsabbiltà.

Ipproponejt analoġija, biex norbot il-miżuri “standard” mal-etika tal-konvinzjoni u l-miżuri “straordinarji” mal-etika tar-responsabbiltà. Hu importanti li wieħed iżomm l-integrità bejn l-intenzjoni u l-azzjoni, u bejn l-azzjoni u l-konsegwenzi. Il-“prinċipju ta’ separazzjoni” tagħna jipproponi mod kif għandhom jinżammu t-tnejn.

Max Weber stess qal: „Das bedeutet nicht, dass eine Gesinnungsethik gleichzusetzen ist mit Verantwortungslosigkeit oder dass eine Verantwortungsethik gleichzusetzen ist mit prinzipienlosem Opportunismus […]. Die Gesinnungs- und die Verantwortungsethik sind keine Gegensätze, sondern ergänzen einander.“ “Dan ma jfissirx li l-etika li jkollha għanijiet finali hi identika man-nuqqas ta’ responsabbiltà jew li l-etika tar-responsabbiltà hi identika mal-opportuniżmu mingħajr prinċipji (...). L-etika tal-konvinzjoni u l-etika tar-responsabbiltà ma jmorrux kontra xulxin. Anzi jikkomplementaw lil xulxin”.

Il-kriżi wriet li kien hemm difetti serji fl-ekonomiji avvanzati l-kbar dinjin kollha. Inżergħu dubji fis-sostenibbiltà tal-istrateġiji tagħhom għal żmien medju jew fit-tul. L-Ewropa – u b’mod partikolari ż-żona tal-euro – uriet li kellha prinċipji fundamentali pożittivi, mibnija fuq sisien konsolidati, l-aktar fir-rigward tas-sitwazzjoni fiskali ġenerali u l-bilanċ intern u estern. Iżda pajjiż b’pajjiż, l-akbar nuqqas tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja jinsab fil-governanza insuffiċjenti tal-unjoni ekonomika, waqt li l-unjoni monetarja tat ir-riżultati pożittivi mistennija.

Il-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika hija l-ewwel lezzjoni li ħadna mill-kriżi. F’isem il-Kunsill Governattiv, jien ili nitlob għal “qabża fil-kwalità” tal-governanza. Is-“ six packs” li għadhom kemm ġew approvati huma pass sinifikanti. Wieħed irid jara jekk l-implimentazzjoni tagħhom hijiex se ġġib magħha qabża fil-kwalità. Napprezza, Sur President Buzek, id-determinazzjoni li wera l-Parlament Ewropew fid-diskussjonijiet li saru mal-Kunsill.

Dak li jinħtieġ issa hu li l-ġestjoni tal-kriżi tiġi ċċarata fi tliet dimensjonijiet: it-tisħiħ tal-kapaċità tal-Faċilità Ewropea għall-Istabbiltà Finanzjarja (l-EFSF) biex tiżgura l-istabbiltà finanzjarja, imsejsa fuq linji politiċi fiskali u strutturali nazzjonali konvinċenti; it-tisħiħ tal-karti tal-bilanċ tal-banek Ewropej; u soluzzjoni xierqa biex il-Greċja taġġusta ruħha fi żmien medju.

Din il-kjarifika hija urġenti. Naħseb li l-qawl famuż ta’ Jean Monnet – « Les hommes n’acceptent le changement que dans la nécessité et ils ne voient la nécessité que dans la crise » “Iċ-ċittadini jaċċettaw bidla biss meta jħabbtu wiċċhom mal-ħtieġa, u dan jagħrfuh biss meta tiġi kriżi fuqhom” – jiddeskrivi s-sitwazzjoni tajjeb: tabilħaqq ninsabu fi kriżi dinjija. Din l-okkażjoni hija żmien ta’ riflessjoni fuq l-imgħoddi u l-preżent, iżda toffri wkoll opportunità biex naħsbu fil-ġejjieni.

Għadu kemm kellna l-privileġġ nisimgħu lil żewġ missirijiet fundaturi tas-Sistema Monetarja Ewropea, il-prekursur tal-munita unika tal-Ewropej. Nirringrazzjahom ħafna talli kienu tassew ġenerużi billi tawna l-benefiċċju tal-esperjenza u tal-għerf kbir tagħhom.

Se nieħu riskju u nesprimi l-fehmiet tiegħi u mhux bilfors dawk tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE. Fil-perspettiva storika fit-tul, l-Ewropa hija msejħa biex ittemm it-tfassil ta’ dik li hi magħrufa bħala “Unjoni Ekonomika u Monetarja”. Kif diġà għedt, ikun wisq li fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-ġejjieni, flimkien ma’ suq uniku, munita unika u bank ċentrali uniku, ikun hemm ukoll fergħa eżekuttiva? Mhux bilfors ministeru tal-finanzi li jamministra baġit federali kbir. Iżda ministeru li jkollu responsabbiltà diretta f’mill-anqas tliet oqsma: l-ewwel, is-sorveljanza rigoruża kemm tal-politika fiskali kif ukoll tal-politika tal-kompetittività, bil-kapaċità, f’każijiet eċċezzjonali, li jieħu deċiżjonijiet li jiġu applikati minnufih f’ekonomija partikolari li tkun qiegħda tipperikola l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro; it-tieni, ir-responsabbiltajiet tipiċi kollha tal-fergħat eżekuttivi fejn jidħol is-settur finanzjarju integrat tal-unjoni, sabiex jakkumpanjaw l-integrazzjoni sħiħa tas-servizzi finanzjarji; u t-tielet, ir-rappreżentanza tal-unjoni f’istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.

Jean Monnet darba kiteb: « Personne ne peut encore dire aujourd’hui la forme qu’aura l’Europe que nous vivrons demain, car le changement qui naîtra du changement est imprévisible ». “Ħadd ma jista’ jgħid illum x’se jkun il-qafas istituzzjonali tal-Ewropa għada, għaliex it-tibdil tal-ġejjieni, li jissawwar mit-tibdil tal-lum, huwa imprevedibbli.”

Nemmen li t-tibdil tal-lum, imbuttat mill-kriżi dinjija, hu preċiżament dak it-tip ta’ tibdil li Jean Monnet fehem li seta’ jsawwar qafas istituzzjonali ġdid.

F’kull każ, hemm deċiżjonijiet li jistgħu jittieħdu biss mid-demokraziji tagħna, miċ-ċittadini tal-Ewropa, li aħna responsabbli lejhom.

Jiġi x’jiġri fil-ġejjieni, tistgħu sserrħu raskom li l-Kunsill Governattiv tal-BĊE se jkompli jkun leali lejn il-mandat ewlieni tiegħu u li l-BĊE, flimkien mal-Eurosistema, se jkompli jaqdi dmiru bħala ankra ta’ stabbiltà u fiduċja.

Nagħti l-isbaħ xewqat minn qalbi lil Mario Draghi, is-suċċessur tiegħi, li ta lill-Kunsill Governattiv il-benefiċċju tal-għerf u l-esperjenza tiegħu f’dawn l-aħħar snin. Flimkien magħna lkoll kellu sehem fid-deċiżjonijiet kolleġġjali li ħadna. Il-kwalitajiet kbar tiegħu fit-tmun tat-tim monetarju Ewropew għall-ġejjieni, flimkien mal-Bord Eżekuttiv u l-Kunsill Governattiv, huma garanzija ta’ suċċess.

Nixtieq nagħlaq b’nota personali u niżżi ħajr lil dawk kollha li ħdimt magħhom matul is-snin fil-proġett tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa. B’mod partikolari llum, nixtieq nagħti rikonoxximent lill-kollegi tiegħi hawn fil-BĊE, lill-Bord Eżekuttiv attwali u ta’ qablu, lill-Kunsill Governattiv u lill-membri tal-Kunsill Ġenerali. Nixtieq ukoll inrodd ħajr lill-istaff kollu tal-BĊE. Il-membri kollha tal-istaff kienu deċiżivi biex stajna nilħqu l-għan ewlieni tagħna. Jixirqilhom kull apprezzament u ħajr għad-dedikazzjoni, l-impenn, il-professjoniżmu u x-xogħol bla heda tagħhom.

Illum jeħtieġ tittieħed azzjoni minnufih. Il-ġejjieni jitlob viżjoni dwar fejn sejrin, sens ta’ direzzjoni.

Azzjoni immedjata. Il-magħruf Goethe qal: „Wissen ist nicht genug; wir müssen es anwenden. Wollen ist nicht genug; wir müssen es tun!“

“Li nkunu nafu mhuwiex biżżejjed; irridu nħaddmu dak li nafu. Li nixtiequ mhuwiex biżżejjed; irridu nwettqu dak li nixtiequ.” Naħseb li dan jgħodd tajjeb għas-sens ta’ azzjoni li għandu jispira l-Ewropa fil-jiem li ġejjin.

U s-sens ta’ direzzjoni. Jean Monnet kellu għalina, għall-ġejjieni tagħna, din l-istqarrija: « Continuez, continuez, il n’y a pas pour les peuples d’Europe d’autre avenir que dans l’union ». “Inkomplu, inkomplu. M’hemmx ġejjieni ieħor għaċ-ċittadini tal-Ewropa għajr fl-unjoni”. U Alcide De Gasperi: “è la volontà politica di realizzare l'Unione che deve essere il fattore determinante, la forza di propulsione”. “L-iktar fattur importanti, li għandu jirbaħ fuq l-oħrajn kollha, huwa r-rieda politika biex nibnu l-Unjoni.”

Inroddilkom ħajr tal-attenzjoni.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja