Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (b’żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Novembru 2011
Komunikazzjoni esterna
L-għaxar anniversarju tad-dħul tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro
Fil-21 ta’ Ottubru 2011 il-Kunsill Governattiv approva, bħala parti mill-attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-għaxar anniversarju tad-dħul tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro f’Jannar 2002, materjal għall-istampa li ma jdumx ma jiġi ppubblikat fil-websajts tal-banek ċentrali tal-Eurosistema. Aktar tagħrif dwar l-attivitajiet li jfakkru l-għaxar anniversarju se jidher fil-websajt tal-BĊE.
Operazzjonijiet tas-suq
It-tieni programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti
Fit-3 ta’ Novembru 2011 il-Kunsill Governattiv ħa deċiżjoni dwar il-modalitajiet tekniċi tat-tieni programm tiegħu ta’ xiri ta’ bonds garantiti, li tħabbru permezz ta’ stqarrija għall-istampa ppubblikata fl-istess jum fil-websajt tal-BĊE.
Sistemi ta’ pagament u infrastruttura tas-suq
Standards għall-użu ta’ kontropartijiet ċentrali fl-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tar-riżervi barranin tal-Eurosistema
Fid-9 ta’ Novembru 2011 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tal-Istandards għall-użu ta’ kontropartijiet ċentrali fl-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tar-riżervi barranin tal-Eurosistema. Dawn l-istandards ifittxu jiżguraw li l-għażla tal-fornituri ta’ servizzi tal-ikklerjar għall-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tar-riżervi barranin tal-Eurosistema tolqot tliet għanijiet, jiġifieri li tiżgura (i) l-użu sikur u effiċjenti tal-infrastruttura min-naħa tal-Eurosistema; (ii) il-konsistenza mal-għanijiet aktar wesgħin u mad-dmirijiet statutarji tal-Eurosistema fil-qasam tal-ikklerjar u s-saldu; u (iii) in-newtralità vis-à-vis is-sistemi tal-ikklerjar. L-istandards ma jdumux ma jiġu ppubblikati fil-websajt tal-BĊE.
Il-programm TARGET2-Securities (T2S)
Fis-17 ta’ Novembru 2011 il-Kunsill Governattiv approva l-Ftehim Qafas, li ma jdumx ma jintbagħat lid-depożitorji ċentrali tat-titoli (CSD), u pakkett ta’ inċentivi finanzjarji għall-ewwel firmatarji. Barra dan, huwa approva l-verżjoni ġdida tad-dokument dwar ir-Rekwiżiti tal-Utenti u l-aġġornament tal-Prinċipji Ġenerali tat-T2S, u wkoll adotta d-Deċiżjoni BĊE/2011/20 li tistabbilixxi regoli u proċeduri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà biex id-depożitorji ċentrali tat-titoli jaċċessaw servizzi tat-T2S. Aktar tagħrif għandu jidher dalwaqt fil-websajt tal-BĊE.
Pubblikazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-EURO1 dwar is-sorveljanza
Wara li f’Awwissu 2011 kien approva l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni dwar is-sorveljanza tal-EURO1 – sistema ta’ pagament tas-settur privat għal pagamenti uniċi domestiċi u transkonfinali bl-euro bejn banek li joperaw fl-UE – fl-4 ta’ Novembru 2011 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tal-evalwazzjoni. Ir-rapport, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa, jinsab fil-websajt tal-BĊE.
Stabbiltà u superviżjoni finanzjarja
L-edizzjoni ta’ Diċembru 2011 tal-Analiżi tal-Istabbiltà Finanzjarja (Financial Stability Review)
Fis-17 ta’ Novembru 2011 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tal-edizzjoni ta’ Diċembru 2011 (bl-Ingliż) tal-Analiżi tal-Istabbiltà Finanzjarja, li tagħti evalwazzjoni komprensiva tal-kapaċità tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro li tassorbi l-iżviluppi negattivi u teżamina s-sorsi ewlenin ta’ riskji u vulnerabbiltà għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. L-edizzjoni l-ġdida għandha tiġi ppubblikata fil-websajt tal-BĊE għal nofs Diċembru 2011.
Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri ta’ rkupru u riżoluzzjoni għal istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Irlanda
Fil-21 ta’ Ottubru 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministru tal-Finanzi Irlandiż (CON/2011/84).
Opinjoni tal-BĊE dwar garanzija tal-Istat li tkopri ċertu self mogħti lil Dexia SA u Dexia Crédit Local SA fi Franza
Fl-24 ta’ Ottubru 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministeru Franċiż għall-Ekonomija, il-Finanzi u l-Industrija (CON/2011/85).
Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri ta’ stabilizzazzjoni u banek tranżitorji fir-Rumanija
Fil-31 ta’ Ottubru 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Banca Naţională a României (CON/2011/86).
Opinjoni tal-BĊE dwar ipoteki f'munita barranija u ftehim ta’ self fuq proprjetà residenzjali fl-Ungerija
Fl-4 ta’ Novembru 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministeru Ungeriż għall-Ekonomija Nazzjonali (CON/2011/87).
Opinjoni tal-BĊE dwar l-estensjoni tal-garanzija tal-Istat Irlandiż fir-rigward ta’ ċerti obbligazzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu
Fis-7 ta’ Novembru 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministru tal-Finanzi Irlandiż (CON/2011/88).
Opinjoni tal-BĊE dwar il-ħlas mill-Banco de Portugal ta’ żieda fil-kwota tal-Portugall fil-Fond Monetarju Internazzjonali
Fid-9 ta’ Novembru 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Portugiż (CON/2011/89).
Opinjoni tal-BĊE dwar il-garanzija Daniża għal telf b’rabta ma’ skema ta’ kumpens li tkun ġiet estiża
Fid-9 ta’ Novembru 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministeru Daniż tal-Affarijiet tal-Kummerċ u t-Tkabbir (CON/2011/90).
Opinjoni tal-BĊE dwar l-emendi tar-regoli dwar it-tqassim tal-profitti ta’ Lietuvos bankas
Fl-10 ta’ Novembru 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba ta’ Lietuvos bankas (CON/2011/91).
Opinjoni tal-BĊE dwar il-protezzjoni kontra l-falsifikazzjoni u dwar il-konservazzjoni tal-kwalità taċ-ċirkolazzjoni ta’ flus kontanti fil-Ġermanja
Fil-11 ta’ Novembru 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Ġermaniż (CON/2011/92).
Opinjoni tal-BĊE dwar il-ġestjoni ta’ kriżijiet finanzjarji u t-twaqqif ta’ fond għall-istabbiltà finanzjarja indipendenti f’Ċipru
Fil-15 ta’ Novembru 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Ċiprijott (CON/2011/93).
Karti tal-flus
Estensjoni tal-programm ECI (extended custodial inventory)
Fil-21 ta’ Ottubru 2011 il-Kunsill Governattiv approva l-estensjoni tal-ambitu reġjonali tal-programm ECI, li beda f’Marzu 2008, mill-Asja sal-Amerika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani permezz ta’ proċedura miftuħa ta’ sejħa għall-offerti, kif ukoll l-estensjoni tal-programm ECI attwali ta’ tliet snin sakemm jingħataw il-kuntratti għall-programm il-ġdid lill-aħjar offerenti. Dawn il-programmi jiffaċiltaw it-tqassim internazzjonali tal-karti tal-flus tal-euro barra ż-żona tal-euro u jipprovdu tagħrif siewi f’dan il-qasam.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja