Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Riċirkolazzjoni tal-karti tal-flus mill-istituzzjonijiet ta' kreditu u entitajiet oħra li jimmaniġġaw il-flus

Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema huma l-awtoritajiet li joħorġu l-karti tal-flus tal-euro u li għandhom id-dmir li jżommu l-fiduċja tal-pubbliku fil-munita unika. Dan isir, fost l-oħrajn, billi jiżguraw l-integrità tal-karti tal-flus tal-euro li jkunu fiċ-ċirkolazzjoni.

Il-possibbiltà ta' riċirkolazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro tippermetti lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u entitajiet oħra li jimmaniġġaw il-flus jagħtu sehemhom fil-katina tal-provvista tal-flus b’mod iżjed effikaċi u bl-inqas spejjeż possibbli. Biex jiżgura l-integrità tal-karti tal-flus tal-euro, fis-16 ta' Settembru 2010 l-Kunsill Governattiv tal-BĊE adotta d-Deċiżjoni BĊE/2010/14 dwar il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkolazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2011.

L-adozzjoni tal-att legali seħħet minħabba l-emendi tal-20081 għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/20012, fosthom:

  • referenza diretta fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001 għall-“proċeduri definiti mill-BĊE” fir-rigward tal-obbligu ta' dawk indirizzati fl-Artikolu 6(1), imsemmija bħala “dawk li jimmaniġġaw il-flus” fid-Deċiżjoni BĊE/2010/14, li jiżguraw li l-karti tal-flus tal-euro “li jirċievu u li jkollhom il-ħsieb li jerġgħu jdaħħluhom fiċ-ċirkolazzjoni jiġu verifikati għall-awtentiċità u li l-flus foloz jiġu identifikati";
  • żieda fil-firxa ta' dawk indirizzati fl-Artikolu 6 biex tkopri operaturi ekonomiċi oħra (e.g. kummerċjanti u każinojiet li jipproċessaw u jiddistribwixxu karti tal-flus lill-pubbliku permezz ta' magni tal-flus) kif ukoll it-trasportaturi tal-fondi.

Id-Deċiżjoni BĊE/2010/14 tistabbilixxi l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001 li dawk li jimmaniġġaw il-flus iridu josservaw meta jivverifikaw il-karti tal-flus tal-euro għall-awtentiċità u l-kundizzjoni. Hija ġiet emendata bid-Deċiżjoni BĊE/2012/19 tas-7 ta' Settembru 2012 biex tkopri wkoll il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkolazzjoni tas-sensiela l-ġdida ta' karti tal-flus tal-euro u biex tiċċara xi rekwiżiti, u bid-Deċiżjoni BĊE/2019/39 tal-5 ta' Diċembru 2019 biex tippermetti l-ipproċessar mill-ġdid ta' karti tal-flus li ma jkunux ġew awtentikati b'mod ċar u biex tintroduċi kategorija ġdida ta' magni li jimmaniġġaw il-kart tal-flus.

Id-Deċiżjoni BĊE/2010/14 tiżgura li l-istituzzjonijiet ta' kreditu u dawk li jimmaniġġaw il-flus jirriċirkolaw il-karti tal-flus tal-euro biss jekk dawn ikunu ġew verifikati għall-awtentiċità u l-kundizzjoni. Dawn il-verifiki jistgħu jsiru jew: (i) permezz ta' tip ta' magna li timmaniġġa l-karti tal-flus li tkun ġiet ittestjata minn bank ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema; jew (ii) minn impjegati mħarrġin. Il-karti tal-flus li jkunu għaddew mill-verifiki tal-magna jistgħu jerġgħu jinħarġu permezz ta’ kaxxiera awtomatiċi (ATMs) jew magni oħra mħaddmin mill-klijenti. Il-karti tal-flus li jkunu ġew ittestjati minn impjegati mħarrġin jistgħu jinħarġu biss mill-kaxxiera tal-banek.

Ta' min jinnota li d-Deċiżjoni BĊE/2010/14 ma taffettwax il-muniti tal-euro billi dawn ma jidħlux fil-kompetenza tal-BĊE.

1 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1338/2001 li jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni kontra l-iffalsifikar tal-euro (ĠU L 17, 22.1.2009, p. 1).2 ĠU L 181, 4.7.2001, p. 6.

Il-paġni kollha f’din it-taqsima