STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

L-Assistenza ta’ Likwidità f’Emerġenza għall-banek Griegi tinżamm fil-livell attwali

28 ta' Ġunju 2015
  • Il-BĊE jieħu nota tad-deċiżjoni dwar ir-referendum fil-Ġreċja u n-nuqqas ta’ estensjoni tal-programm ta’ aġġustament tal-UE
  • Il-BĊE se jaħdem mill-qrib mal-Bank tal-Greċja biex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja
  • L-assistenza ta’ likwidita f’emerġenza (ELA) tinżamm fil-livell ta’ nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Ġunju 2015
  • Il-Kunsill Governattiv jinsab lest jirrevedi d-deċiżjoni
  • Il-Kunsill Governattiv qiegħed jissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni u l-implikazzjonijiet li jista’ jkun hemm għax-xejra tal-politika monetarja

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew illum laqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-ministri tal-Istati Membri taż-żona tal-euro li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex ikomplu jsaħħu l-ekonomiji taż-żona tal-euro u li huma lesti jieħdu passi deċiżivi biex isaħħu l-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Wara d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Griegi li jagħmlu referendum u wara li l-programm ta’ aġġustament tal-UE għall-Greċja ma ġiex estiż, il-Kunsill Governattiv iddikjara li se jaħdem mill-qrib mal-Bank tal-Greċja biex iżomm l-istabbiltà finanzjarja.

Minħabba ċ-ċirkostanzi attwali, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jżomm il-limitu tal-provediment ta’ assistenza ta’ likwidità f’emerġenza (ELA) għall-banek Griegi fil-livell deċiż nhar il-Ġimgħa (26 ta’ Ġunju 2015).

Il-Kunsill Governattiv jinsab lest jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu.

Il-President tal-BĊE Mario Draghi qal: “Se nkomplu naħdmu mill-qrib mal-Bank tal-Greċja filwaqt li napprovaw bil-qawwa l-impenn tal-Istati Membri li wiegħdu li jieħdu azzjoni biex jindirizzaw id-dgħufijiet tal-ekonomiji taż-żona tal-euro.”

Il-Gvernatur tal-Bank tal-Greċja Yannis Stournaras qal: “Il-Bank tal-Greċja, bħala membru tal-Eurosistema, se jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura stabbiltà finanzjarja għaċ-ċittadini Griegi f’dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli.”

Il-Kunsill Governattiv qiegħed jissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni fis-swieq finanzjarji u l-implikazzjonijiet potenzjali għax-xejra tal-politika monetarja u għall-bilanċ tar-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet fiż-żona tal-euro. Il-Kunsill Governattiv huwa determinat li juża l-istrumenti kollha disponibbli fi ħdan il-mandat tiegħu.

Għal tagħrif ieħor tista’ ċċempel lil William Lelieveldt (+49 69 1344 7316).

Kuntatti midja