STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Tnedija tal-Premju Ġenerazzjoni tal-€uro – kompetizzjoni għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji

21 ta' Ottubru 2011

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u ħdax-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro (Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique, Deutsche Bundesbank, Banco de España, Central Bank of Ireland, Banca d’Italia, De Nederlandsche Bank, Oesterreichische Nationalbank, Banco de Portugal, Banka Slovenije, Národná banka Slovenska u Suomen Pankki/Finlands Bank) flimkien taw bidu għal kompetizzjoni għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji. Il-Premju Ġenerazzjoni tal-€uro se joffri l-opportunità lill-ewwel “ġenerazzjoni tal-euro” – iż-żgħażagħ li kibru mal-euro – biex jifhmu kif taħdem il-politika monetarja fiż-żona tal-munita unika u kif din torbot b’mod interattiv mal-ekonomija ġenerali. B’dan il-mod, l-istudenti se jsiru jafu aktar dwar l-attivitajiet tal-banek ċentrali. Il-kompetizzjoni, li fiha tliet rawnds, se tiġi organizzata fi 11-il pajjiż taż-żona tal-euro matul is-sena akkademika 2011/2012 u għandha tibda ssir kull sena regolarment. It-tim rebbieħ minn kull pajjiż li qiegħed jieħu sehem kif ukoll it-tim rebbieħ minn fost l-iskejjel internazzjonali jew Ewropej se jkunu mistiedna għal okkażjoni speċjali fil-BĊE fi Frankfurt am Main, fejn il-President tal-BĊE se jqassam il-premjijiet.

Il-banek ċentrali nazzjonali se jorganizzaw il-kompetizzjoni fil-livell nazzjonali. Il-BĊE, min-naħa tiegħu, se jorganizza l-kompetizzjoni għall-iskejjel internazzjonali u Ewropej fi tliet rawnds, kif ġej. L-ewwel rawnd tal-kompetizzjoni beda bi kwiżż fl-internet fil-bidu ta’ dan ix-xahar. It-tieni rawnd, fis-sura ta’ kitba ta’ esej, joħroġ l-aspett ta’ tim fil-kompetizzjoni. F’dan ir-rawnd, it-timijiet iridu jbassru x’se tkun id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE dwar ir-rata tal-imgħax għal Marzu 2012, u jagħtu r-raġunijiet fis-sura ta’ esej. L-aħjar ħames timijiet li jgħaddu għat-tielet u l-aħħar rawnd huma mistennija jagħmlu preżentazzjoni dwar ir-rata tal-imgħax ta’ Ġunju 2012 quddiem ġurija ta’ esperti fil-BĊE fi Frankfurt am Main. Aktar tagħrif dwar il-kompetizzjoni jinsab f’www.generationeuro.eu jew jista’ jintalab minn generationeuro@ecb.europa.eu.

Generation Euro

Kuntatti midja