European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

il-BĊE jippubblika s-Seba’ rapport dwar il-progress tas-sepa: il-migrazzjoni tkompli, iżda teħtieġ dati tal-għeluq regolatorji, ambizzjużi u realistiċi

22 ta' Ottubru 2010

Illum il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ippubblika s-Seba’ Rapport dwar il-Progress taż-Żona Unika ta’ Pagamenti f’Euro (SEPA). Is-SEPA tippermetti lill-klijenti jagħmlu pagamenti f’euro mingħajr flus kontanti, lil kwalunkwe persuna fi kwalunkwe post fl-Ewropa, bl-użu ta’ kont uniku għall-pagament u sett uniku ta’ strumenti tal-pagament. Bħalissa, 32 pajjiż Ewropew qed jipparteċipaw fis-SEPA, iżjed minn 4,400 bank issieħbu fl-iskema tas-SEPA għat-trasferiment tal-kreditu, u iżjed minn 3,000 bank iffirmaw għall-iskema tas-SEPA għad-debitar dirett. B’hekk, inkiseb livell tajjeb għall-implimentazzjoni tas-SEPA. Madankollu, teħtieġ iżjed azzjoni min-naħa tal-leġiżlaturi Ewropej biex tirnexxi l-finalizzazzjoni tas-SEPA. F’dan ir-rigward, skeda mandatorja għall-migrazzjoni lejn l-istrumenti tal-pagament tas-SEPA tħaffef b'mod sinifikanti r-ritmu tat-transizzjoni, biex b’hekk is-SEPA tiġi finalizzata, preferibbilment, sa tmiem l-2012 għat-trasferiment tal-kreditu u sa tmiem l-2013 għad-debitar dirett.

Kisbiet importanti

Is-Seba’ Rapport dwar il-Progress, imsejjaħ “Mit-teorija għall-prattika”, juri l-kisbiet li ntlaħqu f’oqsma importanti. Pereżempju, bit-tnedija tad-debitar dirett bis-SEPA f’Novembru 2009 saru possibbli, għall-ewwel darba, il-pagamenti transkonfini bid-debitar dirett. Sal-1 ta’ Novembru 2010, se tkun garantita legalment l-aċċessibbiltà ta' kontijiet għall-pagament bid-debitar dirett bis-SEPA, u din se tippermetti l-użu effettiv tad-debitar dirett bis-SEPA fl-Ewropa kollha.

Barra dan, l-istruttura tal-governanza tas-SEPA ssaħħet bil-ħolqien tal-Kunsill tas-SEPA, li jippermetti li, fid-djalogu tas-SEPA ir-rappreżentanti għoljin tal-konsumaturi, tal-bejjiegħa bl-imnut, tal-korporazzjonijiet, tal-SMEs (Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju) u l-amministrazzjonijiet pubbliċi jiġu involuti iżjed formalment.

Oqsma oħra fejn sar progress jinkludu: it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Pagament, u l-istandardizzazzjoni fil-qasam tal-kards.

Sfidi li baqa’ u elementi ewlenin għas-suċċess

Minkejja dan il-progress, il-migrazzjoni għas-SEPA bħala proċess regolat b’mod awtonomu għadha ma kisbitx ir-riżultati li kienu mistennija fil-bidu. Mhux se tintlaħaq id-data tal-għeluq ta’ Diċembru 2010 li l-industrija bankarja għażlet biex it-trasferiment tal-kreditu u d-debitar dirett bis-SEPA jkunu qed jintużaw b’mod ġenerali. Sa Awwissu 2010, 9.3% biss tat-trasferimenti tal-kreditu kollha pproċessati fiż-żona tal-euro kienu trasferimenti tal-kreditu bis-SEPA. Mit-tnedija f'Novembru 2009, id-debitar dirett bis-SEPA għadu f'livell ta' ħafna inqas minn 1% tat-transazzjonijiet kollha tad-debitar dirett ipproċessati fiż-żona tal-euro. Għalhekk, l-Eurosistema tappoġġa bil-qawwi l-ħidma tal-leġiżlaturi Ewropej biex jinħoloq ir-ritmu meħtieġ ħalli l-proġett tas-SEPA jiġi ffinalizzat. Ir-regolazzjoni prevista li tistabbilixxi data(i) tal-għeluq għall-migrazzjoni għas-SEPA, fejn jieqaf l-użu tal-istrumenti nazzjonali tal-pagament, se tkun element ewlieni għall-adozzjoni tas-SEPA fil-ħin u bla tfixkil. L-Eurosistema hi fiduċjuża wkoll li l-awtoritajiet Ewropej se jindirizzaw it-tħassib tal-parteċipanti tas-suq dwar ir-regolazzjoni prevista għad-data(i) tal-għeluq għall-migrazzjoni għas-SEPA.

Elementi ewlenin oħra li għad iridu jiġu indirizzati għas-suċċess tas-SEPA jinkludu: il-provvediment ta’ servizzi innovattivi ta’ pagament (pereżempju servizzi ta’ pagament onlajn u bil-mowbajl), il-ħolqien ta’ skema Ewropea addizzjonali tal-kards u t-titjib tas-sigurtà tat-transazzjonijiet bil-kards permezz tat-tneħħija gradwali tal-istrixxa manjetika mill-kards Ewropej.

Is-Sinjura Gertrude Tumpel-Gugerell, Membru tal-Bord Esekuttiv tal-BĊE, qalet: “Is-SEPA miexja ’l quddiem mill-fażi tad-disinn u l-implimentazzjoni kif mixtieqa mis-suq, għall-fażi tal-migrazzjoni mandatorja, bl-għan li jiġi żgurat li titwettaq l-adozzjoni meħtieġa. F’dan l-istadju, is-SEPA għandha quddiemha għadd ta’ sfidi speċifiċi li s-suq u r-regolaturi flimkien biss jistgħu jikkontrollaw. Nittama li l-kooperazzjoni kostruttiva bejn dawk kollha li għandhom interess tissaħħaħ iżjed tul is-sentejn, tliet snin deċiżivi li ġejjin, biex l-isforzi konġunti tagħna jgħinuna nilħqu l-għan finali: suq Ewropew attraenti, integrat u kompetittiv għas-servizzi ta’ pagament f’euro.”

Ir-rapport, li qed jiġi ppublikat illum bl-Ingliż, se jkun disponibbli iżjed ’il quddiem f’lingwi uffiċjali oħra tal-UE.

Biex taqra r-rapport u għal iżjed tagħrif, żur il-paġna tas-SEPA fil-websajt tal-BĊE (www.ecb.europa.eu u www.sepa.eu).

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja