European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Tagħrif ta' kull sitt xhur dwar l-iffalzifikar tal-karti tal-flus ta' l-euro

12 ta' Jannar 2007

Fit-tieni sitt xhur tal-2006, ġie rtirat miċ-ċirkolazzjoni total ta’ 265,000 karta tal-flus ta’ l-euro foloz. L-analiżi ta' dawn il-karti tal-flus foloz skond id-denominazzjoni hi kif ġej:

€5 €10 €20 €50 €100 €200 €500
Analiżi skond id-denominazzjoni (f’%) 1 3 36 31 24 3 2

Il-karta ta’ l-€20 għadha l-iżjed waħda li tiġi ffalzifikata, u warajha hemm dik ta’ €50 u mbagħad dik ta’ €100. Bejn Lulju u Diċembru 2006, dawn it-tliet denominazzjonijiet bejniethom irrappreżentaw iżjed minn 90% tal-flus foloz kollha li nstabu fiċ-ċirkolazzjoni.

Il-livell ta' l-iffalzifikar ftit iċċaqlaq tul l-aħħar tliet snin, kif juru ċ-ċifri li ġejjin għal dawn il-perijodi ta’ sitt xhur:

Perijodu 2003/1 2003/2 2004/1 2004/2 2005/1 2005/2 2006/1 2006/2
Għadd ta’ karti tal-flus foloz 231,000 312,000 307,000 287,000 293,000 286,000 300,000 265,000

Barra dan, dawn iċ-ċifri għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta’ żieda gradwali fl-għadd ta’ karti tal-flus ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni (medja ta’ 10.6 biljuni fit-tieni sitt xhur tal-2006). Kif ġie osservat fir-rapporti ta’ qabel, il-biċċa l-kbira (98%) tal-karti tal-flus foloz miġbura nstabu f’pajjiżi taż-żona ta’ l-euro. Fit-tieni sitt xhur tal-2006, bejn wieħed u ieħor 1% ġew minn Stati Membri ta’ l-UE barra ż-żona ta’ l-euro u 1% ġew mill-partijiet l-oħra tad-dinja.

Il-pubbliku għandu jkollu fiduċja fil-kwalità tal-karti tal-flus ta’ l-euro u fil-karatteristiċi ta’ sigurtà tagħhom. Madankollu, l-Eurosistema, jiġifieri l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u t-13-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona ta’ l-euro, jkomplu jwissu lill-pubbliku biex joqgħod attent u biex jiċċekkja l-awtentiċità tal-karti tal-flus li jirċievi. It-tipi kollha tal-karti tal-flus foloz jingħarfu faċilment minn karti tal-flus ġenwini meta wieħed juża t-test sempliċi ĦOSS-ĦARES-MEJJEL imfisser fil-pubblikazzjonijiet ta' l-Eurosistema u fil-websajt tal-BĊE u fil-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Eurosistema. Iżda, f’każijiet ta’ dubju, karta tal-flus li wieħed jissuspetta li hi falza għandha titqabbel direttament ma’ waħda li żgur hi ġenwina.

Fil-ġlieda kontra l-iffalzifikar, l-Eurosistema taħdem fil-qrib ħafna ma’ l-Europol (li xxerred tagħrif dwar il-qbid, qabel iċ-ċirkolazzjoni, ta’ karti u muniti ta’ l-euro foloz) u l-Kummissjoni Ewropea (li hi responsabbli biex tipprovdi tagħrif dwar muniti ta’ l-euro foloz). L-Eurosistema taħdem tajjeb ħafna wkoll ma’ l-Interpol u mal-forzi nazzjonali tal-pulizija dwar kwistjonijiet ta’ l-infurzar tal-liġi. Kull min ikollu suspett li forsi rċieva xi karta/munita tal-flus falza, għandu jikkuntattja jew lill-pulizija jew – fejn tippermetti l-prassi nazzjonali – lill-bank ċentrali nazzjonali rispettiv, u jagħti kemm jista’ jkun dettalji dwar minn fejn tkun ġiet il-karta tal-flus.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja