STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Is-Slovenja tissieħeb fiż-żona ta' l-euro

2 ta' Jannar 2007

Il-bieraħ, l-1 ta’ Jannar 2007, ġie introdott l-euro fis-Slovenja. B’hekk is-Slovenja saret it-13-il Stat Membru li adotta l-munita unika u hi l-ewwel fost l-Istati Membri l-ġodda li qed tissieħeb fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja fl-Ewropa. Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jilqa’ b’merħba dan it-tkabbir ġdid taż-żona ta’ l-euro.

Bħala riżultat ta’ l-adozzjoni ta’ l-euro mis-Slovenja, il-Banka Slovenije hu issa membru sħiħ ta’ l-Eurosistema, bl-istess drittijiet u obbligi bħal dawk tat-12-il bank ċentrali nazzjonali ta’ l-Istati Membri l-oħra ta’ l-UE li adottaw l-euro. Skond l-Artikolu 49 ta' l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Banka Slovenije ħallas il-bqija tal-kontribut tiegħu għall-kapital tal-BĊE. Il-Banka Slovenije ttrasferixxa wkoll lill-BĊE il-kontribut tiegħu għall-assi tar-riżervi barranin tal-BĊE.

L-integrazzjoni ta’ l-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji Sloveni fis-sistema bankarja taż-żona ta’ l-euro fl-1 ta’ Jannar 2007 kienet diġà ġiet ikkunsidrata fil-pubblikazzjoni tal-ħtiġijiet tal-likwidità taż-żona ta’ l-euro u fil-kwota standard tas-27 u t-28 ta’ Diċembru 2006. Fit-3 ta’ Jannar 2007, il-kontropartijiet Sloveni ta’ l-Eurosistema se jkunu jistgħu jipparteċipaw għall-ewwel darba fl-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament ta’ l-Eurosistema.

Il-lista ta’ l-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji li jinsabu fis-Slovenja hi ppubblikata fil-website tal-BĊE bil-kondizzjonijiet tar-rekwiżiti dwar ir-riżervi, bħal ma huma wkoll il-listi ta’ l-Istati Membri l-oħra ta’ l-UE li adottaw l-euro. Il-lista ta’ l-assi li hemm fis-Slovenja u li huma eliġibbli bħala garanzija kollaterali għall-operazzjonijiet tal-kreditu fl-Eurosistema, hi disponibbli wkoll fil-website tal-BĊE.

Kuntatti midja