Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-karta l-ġdida tal-€20 fl-idejn mil-lum

25 ta' Novembru 2015
  • Il-karta l-ġdida tal-€20 tibda tiċċirkola mil-lum
  • Se tkun aktar reżistenti kontra l-falsifikazzjoni
  • L-Eurosistema pprovdiet materjal biex l-apparat li jipproċessa l-karti tal-flus jiġi adattat faċilment għall-€20 ġdida

Il-karta l-ġdida tal-€20, it-tielet fis-sensiela Europa, se tidħol fiċ-ċirkolazzjoni mil-lum. Għandha dehra aġġornata b’kuluri aktar qawwija u fiha karatteristika ta’ sigurtà ġdida – “tieqa bil-wiċċ” fin-naħa ta’ fuq tal-ologramma li ssir trasparenti meta tħares lejha kontra d-dawl. It-tieqa fiha xbieha ta’ wiċċ Europa, figura tal-mitoloġija Griega, li tidher miż-żewġ naħat tal-karta. Din ix-xbieha tidher ukoll fil- watermark flimkien ma’ numru aħdar żmerald li juri effett tad-dawl miexi ’l fuq u ’l isfel meta tmejjel il-karta tal-flus – l-istess effett li tara fil-karti tal-€5 u l-€10 tas-sensiela Europa.

Filmat bl-isem “Skopri l-karta l-ġdida tal-€20”, bi 23 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jagħti iżjed tagħrif dwar il-karta l-ġdida u kif għandek tiċċekkjaha. Dan huwa wieħed minn ħafna filmati dwar il-flus kontanti li jinsabu fil-websajt www.karti-godda-tal-euro.eu, li toffri wkoll mezzi oħra biex issir taf aktar dwar il-karti tal-flus, bħall- Euro Cash Academy (Akkademja tal-Euro).

Il-karti tal-€20 tal-ewwel sensiela se jibqgħu valuta legali u jkomplu jiċċirkolaw flimkien mal-karti l-ġodda, iżda aktar ’il quddiem se jibdew jitneħħew ftit ftit miċ-ċirkolazzjoni.

L-Eurosistema sostniet u ħeġġet l-assoċjazzjonijiet industrijali Ewropej, il-manifatturi tal-apparat tal-karti tal-flus u partijiet interessati oħra biex iħejju u jaddattaw it-tagħmir tagħhom minn qabel ħalli dan ikun jista’ jipproċessa l-karta l-ġdida. Madwar 15% tal-bejjiegħa fiż-żona tal-euro jużaw tagħmir għall-awtentikazzjoni tal-karti tal-flus.

Illum tiftaħ ukoll il-kompetizzjoni onlajn Euro Run (Ġirja għall-Euro) għal tfal ta’ bejn 9 snin u 12-il sena li joqogħdu fiż-żona tal-euro. Fil-kompetizzjoni jridu “jgħaddu jiġru” minn pajsaġġ immaġinarju filwaqt li jwieġbu mistoqsijiet ħfief dwar il-karti u l-muniti tal-euro u jevitaw ostakli u nasbiet. Il-logħba fiha seba’ livelli differenti u aktar ma jirnexxilek timxi ’l quddiem aktar ittella’ punti. Il-100 parteċipant bl-akbar għadd ta’ punti jirbħu karta ġdida tal-€20 magħluqa fi kwadru b’dedika speċjali. Il-kompetizzjoni tibqa’ miftuħa sal-25 ta’ Frar 2016.

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, il-persuna ta’ kuntatt hija Eva Taylor (+49 69 1344 7162).

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja