STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

l-eurosistema tintroduċi t-tieni sensiela ta’ karti tal-flus tal-euro – is-sensiela “europa”

8 ta' Novembru 2012

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema se jintroduċu t-tieni sensiela ta’ karti tal-flus tal-euro. Din is-sensiela se tkun magħrufa bħala “Europa” minħabba li fil- watermark u fl-ologramma se jkun hemm wiċċ Europa, il-figura tal-mitoloġija Griega li minnha ħa ismu l-kontinent tagħna. Il-karti tal-flus il-ġodda se jidħlu ftit ftit fis-snin li ġejjin, bl-ewwel waħda tkun il-karta ta’ €5 f’Mejju 2013.

Is-sensiela Europa tgawdi mill-progress li sar fit-teknoloġija tal-karti tal-flus minn mindu daħlet l-ewwel sensiela aktar minn għaxar snin ilu. Il-karatteristiċi ta’ sigurtà tagħha ttejbu u dan għandu jgħin biex il-karti tal-flus ikunu aktar siguri. Illum ġew żvelati tliet karatteristiċi ġodda: il- watermark bil-wiċċ, l-ologramma bil-wiċċ u n-numru aħdar żmerald.

Il-karti tal-flus il-ġodda huma evoluzzjoni. Bħall-ewwel sensiela se jerġa’ jkollhom id-disinn “żminijiet u stili” u juru l-istess kuluri dominanti, iżda sarilhom tibdil biex jilqgħu l-karatteristiċi l-ġodda ta’ sigurtà. Hekk il-karti tal-flus il-ġodda jintgħażlu faċilment minn dawk tal-ewwel sensiela. Is-sensiela Europa se jkollha l-istess denominazzjonijiet bħal ta’ qabilha, i.e. €5, €10, €20, €50, €100, €200 u €500. Il-karti tal-flus se jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni skont id-denominazzjoni, miż-żgħira għall-kbira, jiġifieri wara l-karta l-ġdida ta’ €5 jkun imissha tidħol dik ta’ €10.

L-ewwel sensiela se tkompli tiċċirkola flimkien mal-karti tal-flus il-ġodda iżda ftit ftit tibda titneħħa u eventwalment ma tibqax aktar valuta legali. Id-data meta dan iseħħ għandha titħabbar sew minn qabel. Madankollu, il-karti tal-flus tal-ewwel sensiela jibqgħu jżommu l-valur tagħhom indefinittivament u jistgħu jissarrfu fil-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema f’kull żmien.

Il-karta sħiħa ta’ €5 tas-sensiela Europa se tiġi żvelata fl-10 ta’ Jannar 2013 u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu se jibdew joħorġu l-karti tal-flus il-ġodda permezz tal-kaxxiera jew l-ATMs f’Mejju tas-sena d-dieħla.

Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema se jagħmlu kampanja ta’ informazzjoni fil-mezzi tax-xandir fiż-żona tal-euro kollha fl-2013 biex il-pubbliku jsir jaf aktar dwar is-sensiela Europa. Bħalissa għaddejjin it-tħejjijiet għal din il-kampanja bl-għajnuna ta’ żewġ aġenziji magħżula mill-BĊE wara sejħa pubblika għall-offerti.

Kuntatti midja