STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Tagħrif ta’ kull sitt xhur dwar il-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro

18 ta' Lulju 2011

Fl-ewwel sitt xhur tal-2011 tneħħew miċ-ċirkolazzjoni 295,553 karta tal-euro falza. Dan juri tnaqqis ta’ 18.8% mill-għadd li nġabar fis-sitt xhur ta’ qabel. It-tabella ta’ hawn taħt turi x-xejra kull sitt xhur fl-għadd ta’ karti tal-flus foloz miġbura.

Perjodu 2008/1 2008/2 2009/1 2009/2 2010/1 2010/2 2011/1
Għadd ta’ karti tal-flus foloz 312,000 354,000 413,000 447,000 387,000 364,000 296,000

Meta jitqabbel mal-għadd ta’ karti tal-euro ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni (medja ta’ 13.8 biljun fl-ewwel sitt xhur tal-2011), il-proporzjon ta’ karti tal-flus foloz għadu baxx ħafna.

Madankollu, l-Eurosistema – jiġifieri l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u s-17-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro – tibqa’ twissi lill-pubbliku biex joqgħod attent fejn jidħlu l-karti tal-flus li jgħaddu għal għandu minn tranżazzjonijiet bi flus kontanti. Il-karti tal-flus ġenwini jingħarfu faċilment permezz tat-test “ĦOSS–ĦARES–MEJJEL” imfisser fil-paġni dwar l-euro fil-websajt tal-BĊE u fil-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema. Madankollu, f’każ ta’ dubju, karta tal-flus li tqajjem suspett għandha titqabbel ma’ waħda li żgur tkun ġenwina. Kull min jissuspetta li jkollu xi karta tal-flus falza għandu jikkuntattja jew lill-pulizija jew – fejn il-prattika nazzjonali tippermetti – lill-bank ċentrali nazzjonali tal-pajjiż.

It-tabella ta’ hawn taħt tagħti analiżi perċentwali skont id-denominazzjoni tal-għadd totali ta’ karti tal-flus foloz imneħħija miċ-ċirkolazzjoni fl-ewwel sitt xhur tal-2011.

Denominazzjoni €5 €10 €20 €50 €100 €200 €500
Analiżi perċentwali 0.5% 1.5% 43.0% 36.0% 16.0% 2.5% 0.5%

Id-denominazzjonijiet li l-aktar jiġu ffalsifikati huma dawk ta’ €20 u €50. Fl-aħħar sitt xhur, il-proporzjon tal-karti ta’ €20 foloz żdied waqt li dak tal-karti ta’ €50 naqas. Dawn iż-żewġ denominazzjonijiet flimkien iġibu 79.0% tat-total tal-karti tal-flus iffalsifikati fl-ewwel sitt xhur tal-2011. Il-karta ta’ €100 tinsab it-tielet fil-lista ta’ denominazzjonijiet iffalsifikati b’16.0% tat-total. Il-proporzjon tad-denominazzjonijiet l-oħrajn (€5, €10, €200 u €500) hu baxx ħafna.

Il-biċċa l-kbira (98%) tal-karti tal-flus foloz miġbura fl-ewwel sitt xhur tal-2011 instabet f’pajjiżi taż-żona tal-euro, waqt li madwar 1.5% biss instabu fi Stati Membri tal-UE barra ż-żona tal-euro u 0.5% nstabu f’partijiet oħra tad-dinja.

L-Eurosistema tagħmel dak kollu li tista’ biex tiżgura li l-pubbliku jkun mgħarraf sew dwar kif jagħraf karta tal-flus falza u, fil-każ tal-professjonisti li jaħdmu bi flus kontanti, li l-magni li jimmaniġġaw u jipproċessaw il-karti tal-flus jidentifikaw tajjeb u jneħħu l-karti tal-flus foloz miċ-ċirkolazzjoni.

Kuntatti midja