STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Is-Slovakkja tissieħeb fiż-żona tal-euro

1 ta' Jannar 2009

Illum, l-euro ġie introdott fis-Slovakkja. Għalhekk, l-għadd ta’ Stati Membri tal-UE li jużaw il-munita unika Ewropea issa żdied għal 16. Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jilqa’ b’sodisfazzjon dan it-tkabbir ġdid taż-żona tal-euro.

Wara l-adozzjoni tal-euro mis-Slovakkja, in-Národná banka Slovenska sar membru sħiħ tal-Eurosistema, is-sistema tal-banek ċentrali taż-żona tal-euro, li tinkludi l-BĊE u, mil-lum, is-16-il bank ċentrali nazzjonali (BĊN) tal-Istati Membri tal-UE li adottaw l-euro. Skont il-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, in-Národná banka Slovenska ħallas il-bqija tal-kontribuzzjoni tiegħu lill-kapital tal-BĊE u ttrasferixxa l-kontribuzzjoni tiegħu lill-assi ta’ riżervi barranin tal-BĊE.

L-integrazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji Slovakki (IMF) fis-sistema bankarja taż-żona tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2009 kienet diġà ġiet ikkunsidrata fil-pubblikazzjoni tal-ħtiġijiet tal-likwidità taż-żona tal-euro u fil-kwota standard tad-29 u tat-30 ta’ Diċembru 2008. Il-kontropartijiet Slovakki fl-Eurosistema se jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-operazzjonijiet tas-suq ħieles tal-Eurosistema mħabbrin wara l-1 ta’ Jannar 2009.

Il-lista tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji li jinsabu fis-Slovakkja li huma suġġetti għar-rekwiżiti tar-riżervi hija ppubblikata fis-sit elettroniku tal-BĊE, bħal ma huma wkoll il-listi tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji tal-Istati Membri l-oħra tal-UE li adottaw l-euro. Hija disponibbli wkoll fis-sit elettroniku tal-BĊE l-lista tal-assi li jinsabu fis-Slovakkja li huma eliġibbli bħala garanzija għall-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema.

Euro changeover in Slovakia

  • Euro changeover in Slovakia

Kuntatti midja