STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar id-Direttiva proposta dwar Servizzi ta’ Ħlas fis-Suq Intern

28 ta' April 2006

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) adotta l-opinjoni tiegħu, kif mitlub mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, dwar id-direttiva proposta dwar servizzi ta’ ħlas fis-suq intern.

Id-direttiva proposta hija inizjattiva ta’ apprezzament kbir, billi tistabbilixxi qafas legali komprensiv għal servizzi ta’ ħlas fl-UE. Bħalissa, hemm firxa kbira ta' leġiżlazzjoni nazzjonali li titratta l-ħlasijiet, u li għalhekk tagħmel l-implimentazzjoni taż-Żona Waħdanija għal Ħlas bil-Euro (SEPA) problematika. Għaldaqstant l-armonizzazzjoni ta’ l-obbligi legali għal ħlasijiet hija miżura essenzjali biex tassisti l-industrija tal-kummerċ bankarju fl-isforzi tagħha biex tistabbilixxi s-SEPA.

Minkejja din il-valutazzjoni ġeneralment pożittiva, l-opinjoni tal-BĊE tidentifika xi aspetti tad-direttiva proposta li għandhom jiġu adattati biex jippreservaw l-operat bla xkiel ta’ l-infrastruttura tas-sistema ta’ ħlas. B’mod partikolari, il-BĊE juri tħassib fir-rigward ta’ l-iskop ta’ l-attivitajiet ta’ l-‘istituzzjonijiet ta’ ħlas’, kunċett ġdid stabbilit bid-direttiva proposta. F’dan ir-rigward, id-direttiva proposta mhijiex ċara biżżejjed fir-rigward ta’: (i) x’tip ta’ attivitajiet l-istituzzjonijiet ta’ ħlas jistgħu jwettqu, u (ii) jekk jistgħux ikollhom bilanċi b’karatteristiċi ekonomiċi simili għal depożiti jew flus elettroniċi, u jekk jistgħux jagħtu kreditu ffinanzjat minn flus ġejjin mill-pubbliku. Dawn l-ambigwitajiet iħallu lid-direttiva proposta miftuħa għal interpretazzjonijiet diverġenti. F’dan ir-rigward, għandu jkun hemm protezzjonijiet adegwati kontra r-riskji li l-istituzzjonijiet ta’ ħlas jistgħu jiffaċċjaw jew li huma stess jistgħu joħolqu. Jekk l-istituzzjonijiet ta’ ħlas jistgħu jkollhom bilanċi li kemm f’termini ekonomiċi u legali jikkwalifikaw bħala depożiti, il-livell ta’ protezzjonijiet għandu jkun l-istess bħal dak applikat għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u/jew istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi.

Jekk il-Kunsill u l-Parlmament Ewropew jintroduċu din il-kategorija ġdida ta’ istituzzjonijiet ta’ ħlas, id-direttiva proposta għandha tkun emendata biex tagħmilha ċara li l-istituzzjonijiet ta’ ħlas ma jistgħux jużawx fondi tal-klijenti matul il-perijodu ta’ żmien limitat li l-fondi huma ttrasferiti minn min iħallas lil min jitħallas. Dan jista’ jintlaħaq billi jiġu ristretti l-attivitajiet li l-istituzzjonijiet ta’ ħlas jistgħu jagħmlu u bl-introduzzjoni ta’ protezzjonijiet adegwati.

Jekk l-adozzjoni tad-direttiva proposta tiddewwem, l-introduzzjoni ta’ skemi li jikkonformaw mas-SEPA fl-1 ta’ Jannar, 2008, u t-tibdil sħiħ għall-użu biss ta’ strumenti tas-SEPA sa l-2010 jistgħu jkunu f’riskju. Jekk in-negozjati jiġu mtawwla, wieħed għandu jikkunsidra jaqsam id-direttiva f’partijiet separati, fejn l-adozzjoni tal-partijiet meħtieġa għal implimentazzjoni b’suċċess tas-SEPA, tingħata priorita`.

L-opinjoni tal-BĊE se tkun ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u tkun tista’ tinstab ukoll fuq il-website tal-BĊE fil-lingwi kollha uffiċjali tal-Komunita`.

Kuntatti midja