STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Tagħrif ta' kull sitt xhur dwar l-iffalzifikar tal-karti tal-flus ta' l-euro

13 ta' Jannar 2006

Fit-tieni sitt xhur ta’ l-2005, ġew irtirati miċ-ċirkolazzjoni 286,000 karti tal-flus ta’ l-euro foloz. L-analiżi ta' dawn il-karti tal-flus foloz skond id-denominazzjoni hi kif ġej:

€5 €10 €20 €50 €100 €200 €500
Analiżi skond id-denominazzjoni (f’%) 1 6 28 56 5 2 2

S’issa, il-karta tal-€50 dejjem kienet l-iżjed karta iffalzifikata; madankollu, f’dawn is-sitt xhur, kien hemm żieda sinifikanti fil-proporzjon ta’ karti foloz ta’ l-€20 u tnaqqis korrispondenti fil-proporzjonijiet tal-karti foloz tal-€50 u €100. Għalhekk, matul it-tieni sitt xhur tal-2005, il-karti ta' l-€20 u €50 flimkien jirrappreżentaw 84% tal-karti tal-flus foloz kollha li nstabu fiċ-ċirkolazzjoni.

Ħu importanti li wieħed jinnota li l-livell ta' l-iffalzifikar baqa’ stabbli għal iżjed minn sentejn, kif juru ċ-ċifri li ġejjin għal dawn is-sitt xhur:

Perijodu 2003/1 2003/2 2004/1 2004/2 2005/1 2005/2
Għadd ta’ karti tal-flus foloz 231,000 312,000 307,000 287,000 293,000 286,000

Barra dan, dawn iċ-ċifri għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta’ żieda gradwali fl-għadd ta’ karti tal-flus ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni (10.4 biljuni fl-aħħar tal-2005).

Ma kien hemm ebda tibdil sinifikanti fit-tqassim ġenerali: bħal ma ġara f’perijodi ta’ sitt xhur oħra, 97% tal-karti tal-flus foloz fiċ-ċirkolazzjoni nstabu fiż-żona ta’ l-euro; 1% ieħor ġie minn Stati Membri oħra ta’ l-UE li huma barra ż-żona ta’ l-euro; u 2% ġew mill-“bqija tad-dinja”, l-iżjed minn pajjiżi ġirien ta’ l-UE.

Il-pubbliku għandu jkollu fiduċja fil-kwalità tal-karti tal-flus ta’ l-euro u fil-karatteristiċi ta’ sigurtà tagħhom. Madankollu, l-Eurosistema, jiġifieri l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u t-12-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona ta’ l-euro, jkomplu jwissu lill-pubbliku biex joqgħod attent u biex jiċċekkja l-karti tal-flus li jirċievi. Kull tip ta’ karti tal-flus foloz jingħaraf faċilment minn karti tal-flus ġenwini meta wieħed juża t-test ĦOSS-ĦARES-MEJJEL imfisser fil-pubblikazzjonijiet ta' l-Eurosistema u fil-websajt tal-BĊE u l-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Eurosistema. Iżda, f’każijiet ta’ inċertezza, karta tal-flus dubjuża għandha titqabbel direttament ma’ waħda li żgur hi ġenwina.

Fil-ġlieda kontra l-iffalzifikar, l-Eurosistema taħdem mill-qrib ma’ l-Ewropol (li xxerred tagħrif dwar il-qbid ta’ karti u muniti ta’ l-euro foloz qabel iċ-ċirkolazzjoni) u l-Kummissjoni Ewropea (li hi responsabbli biex tipprovdi tagħrif dwar muniti ta’ l-euro foloz). L-Eurosistema taħdem tajjeb ħafna wkoll ma’ l-Interpol u mal-forzi nazzjonali tal-pulizija dwar kwistjonijiet ta’ l-infurzar tal-liġi. Kull min ikollu suspett li forsi rċieva xi karta/munita tal-flus falza għandu jikkuntattja jew lill-pulizija jew – fejn il-prassi nazzjonali tippermetti – lill-bank ċentrali nazzjonali rispettiv, u jagħti kemm jista’ jkun dettalji dwar minn fejn ġiet il-karta tal-flus.

Kuntatti midja