Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Novembru 2016

EMBARGO

M’GĦANDHIEX TIXXANDAR QABEL 15:00 CET tat-18 ta’ Novembru 2016

Operazzjonijiet tas-suq

Emenda għad-Deċiżjoni fuq it-TLTRO-II

Fil-31 ta’ Ottubru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2016/30 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/810 dwar it-tieni serje ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (TLTRO-II). Id-Deċiżjoni emendatorja, li tirranġa inkonsistenza fid-data tal-għeluq biex istituzzjonijiet ewlenin japplikaw għal tibdil fil-kompożizzjoni tal-gruppi TLTRO-II, tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Aġġornament tad-Dokumentazzjoni Ġenerali

Fit-2 ta’ Novembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2016/31 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (id-“Dokumentazzjoni Ġenerali”), il-Linja Gwida BĊE/2016/32 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2016/65 dwar il-haircuts fil-valutazzjoni applikati fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema, u l-Linja Gwida BĊE/2016/33 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral. Il-Linji Gwida l-ġodda jintroduċu xi tibdil fil-qafas implimentattiv tal-politika monetarja. Dan it-tibdil għandu x’jaqsam, fost l-oħrajn, mal-kriterji tal-eliġibbiltà tal-kollateral u l-miżuri għall-kontroll tar-riskju fir-rigward ta’ strumenti tad-dejn prijoritarji mhux koperti maħruġin minn istituzzjonijiet ta’ kreditu jew ditti tal-investiment, u mar-regoli fuq strutturi ta’ kupuni aċċettabbli biex tiġi awtorizzata l-eliġibbiltà ta’ ċerti assi bi flussi likwidi negattivi. Barra minn hekk, se jiġu introdotti rekwiżiti minimi ta’ divulgazzjoni għall-klassifikazzjoni ta’ bonds garantiti maħruġin minn aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu aċċettati fil-qafas tal-valutazzjoni tal-kreditu tal-Eurosistema. L-iskedi tal-haircuts għal assi li jintużaw bħala kollateral fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja ġew aġġornati wkoll. Il-Linji Gwida u l-istqarrija għall-istampa fuqhom jinsabu fil-websajt tal-BĊE. Fl-istess ħin ħarġet ukoll stqarrija għall-istampa oħra b’dettalji fuq id-deċiżjonijiet li ħa l-Kunsill Governattiv fil-kuntest tar-rieżami regolari tiegħu tal-qafas tal-kontroll tar-riskju tal-Eurosistema għall-assi kollaterali.

Stabbiltà finanzjarja

Il-Financial Stability Review ta’ Novembru 2016

Fis-16 ta’ Novembru 2016 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tal-Financial Stability Review (Analiżi tal-istabbiltà finanzjarja) ta’ Novembru 2016, li teżamina s-sorsi ewlenin tar-riskju u l-vulnerabbiltajiet għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro u tagħti analiżi komprensiva tal-kapaċità tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro li tassorbi l-iskossi ekonomiċi. Il-pubblikazzjoni se toħroġ fil-websajt tal-BĊE fl-24 ta’ Novembru 2016.

Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar modifika tal-formula ta’ remunerazzjoni fir-rigward tal-livret A Franċiż

Fl-21 ta’ Ottubru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/51 wara talba mill-Ministeru għall-Ekonomija u l-Finanzi ta’ Franza.

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għal-Liġi fuq Hrvatska Narodna Banka

Fit-28 ta’ Ottubru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/52 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Kroazja.

Opinjoni dwar ir-riorganizzazzjoni tal-kompiti tal-Federal Agency for Financial Market Stabilisation (FMSA) u l-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-ABE fuq politiki sodi ta’ remunerazzjoni fil-Ġermanja

Fil-31 ta’ Ottubru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/53 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi Federali tal-Ġermanja.

Statistika

Memorandum ta’ Qbil bejn l-Eurostat u d-Direttorat Ġenerali Statistika tal-Bank Ċentrali Ewropew fuq l-assigurazzjoni tal-kwalità tal-istatistika fil-Proċedura tal-Iżbilanċ Makroekonomiku

Fit-2 ta’ Novembru 2016 il-Kunsill Governattiv approva Memorandum ta’ Qbil bejn l-Eurostat u d-Direttorat Ġenerali Statistika tal-Bank Ċentrali Ewropew fuq l-assigurazzjoni tal-kwalità tal-istatistika fil-Proċedura tal-Iżbilanċ Makroekonomiku. Il-Memorandum ta’ Qbil jinsab fil-websajt tal-BĊE, flimkien mal-ittra rilevanti tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Valdis Dombrovskis, u l-ittra bit-tweġiba ta’ Sabine Lautenschläger, Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali tal-Irlanda

Fit-28 ta’ Ottubru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2016/29 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali tal-Irlanda (Banc Ceannais na hÉireann). Ir-Rakkomandazzjoni ġiet pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Riformulazzjoni tal-istrumenti legali li għandhom x’jaqsmu mal-qafas tal-kontabilità tal-Eurosistema

Fit-3 ta’ Novembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2016/34 dwar il-qafas legali għar-rappurtar tal-kontabilità u finanzjarju fis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u d-Deċiżjoni BĊE/2016/35 fuq il-kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Iż-żewġ strumenti legali ġew riformulati biex jiġu simplifikati bil-għan li titjieb il-kwalità ġenerali tagħhom u jiġu inkorporati bosta emendi li sarulhom fl-imgħoddi filwaqt li l-politiki tal-kontabilità tal-Eurosistema ma jittifsux. Iż-żewġ strumenti legali se jiġu pubblikati f’Diċembru 2016 fil-websajt tal-BĊE u f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Riformulazzjoni tad-Deċiżjoni tal-BĊE fuq l-allokazzjoni tad-dħul monetarju

Fit-3 ta’ Novembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2016/36 dwar l-allokazzjoni ta’ dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (riformulazzjoni). Id-Deċiżjoni, li kellha bżonn tiġi riformulata fl-interess taċ-ċarezza wara li sarulha bosta emendi fl-imgħoddi, tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Superviżjoni bankarja

Konsultazzjoni pubblika fuq l-eżerċizzju ta’ opzjonijiet u diskrezzjonijiet minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti

Fl-24 ta’ Ottubru 2016 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li tinfetaħ konsultazzjoni pubblika fuq abbozz ta’ linja gwida u abbozz ta’ rakkomandazzjoni fuq l-eżerċizzju ta’ opzjonijiet u diskrezzjonijiet li hemm fil-liġi tal-Unjoni Ewropea għall-banek li mhumiex taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE (istituzzjonijiet inqas sinifikanti jew LSIs). Il-konsultazzjoni pubblika bdiet fit-3 ta’ Novembru 2016 u d-data tal-għeluq biex jintbagħtu l-kummenti hija l-5 ta’ Jannar 2017. Stqarrija għall-istampa flimkien mal-abbozz tal-Linja Gwida dwar l-eżerċizzju ta’ opzjonijiet u diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni Ewropea mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fir-rigward ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti u l-abbozz tar-Rakkomandazzjoni dwar speċifikazzjonijiet komuni għall-eżerċizzju ta’ ċerti opzjonijiet u diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni Ewropea mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fir-rigward ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Konsultazzjoni pubblika fuq Gwida għall-evalwazzjoni tal-materjalità

Fit-2 ta’ Novembru 2016 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li tinfetaħ konsultazzjoni pubblika fuq abbozz ta’ Gwida tal-BĊE dwar l-evalwazzjoni tal-materjalità (ECB Guide on materiality assessment – EGMA). Dan id-dokument se jservi ta’ bażi biex tiġi valutata l-materjalità ta’ żidiet u tibdil fil-metodu tal-mudell intern (IMM) u l-metodu avvanzat għall-kalkolu tar-riskju tal-aġġustament tal-valutazzjoni tal-kreditu (A-CVA). Il-konsultazzjoni pubblika, li għandha tibda f’Diċembru, se titħabbar permezz ta’ stqarrija għall-istampa.

Riżultati finali tal-evalwazzjoni komprensiva tal-2016

Fit-2 ta’ Novembru 2016 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għar-riżultati tal-evalwazzjoni komprensiva tal-2016 kif proposti mill-Bord Superviżorju. L-evalwazzjoni saret bejn Marzu u Novembru 2016 fuq erba’ banek: Abanka d.d. (Slovenja), Akciju sabiedrība “Rietumu Banka” (Latvja), Banca Mediolanum S.p.A. (Italja) u Citibank Holdings Ireland Limited (Irlanda), u tlieta minnhom qablu li r-riżultati setgħu jixxandru. L-istqarrija għall-istampa u r-riżultati jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Qafas legali li jimplimenta l-metodu tal-BĊE għall-għarfien ta’ skemi ta’ protezzjoni istituzzjonali għal skopijiet prudenzjali

Fl-4 ta’ Novembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2016/37 li tistabbilixxi l-prinċipji għall-koordinazzjoni tal-valutazzjoni bis-saħħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u l-monitoraġġ ta’ skemi ta’ protezzjoni istituzzjonali inklużi istituzzjonijiet sinifikanti u inqas sinifikanti u l-Linja Gwida BĊE/2016/38 dwar l-approċċ għar-rikonoxximent ta’ skemi ta’ protezzjoni istituzzjonali għal skopijiet prudenzjali minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti bis-saħħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Iż-żewġ Linji Gwida, li jistabbilixxu l-qafas għall-metodu tal-BĊE fir-rigward tal-għarfien ta’ skemi ta’ protezzjoni istituzzjonali għal skopijiet prudenzjali, jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja