Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (Minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati ta' l-imgħax)

Settembru 2008

Analiżi Ekonomika u statistika

Tnedija ta’ stħarriġ fiż-żona ta’ l-euro dwar il-finanzi u l-konsum ta’ l-individwi (HFCS)

Fit-18 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill Governattiv approva t-tnedija ta’ stħarriġ ta’ l-Eurosistema dwar il-finanzi u l-konsum ta’ l-individwi. Dan l-istħarriġ, li se jkun ikkoordinat mill-BĊE, se jitmexxa abbażi deċentralizzata u volontarja mill-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Eurosistema u, f’xi pajjiżi, b’kollaborazzjoni ma’ l-istitut nazzjonali rispettiv ta’ l-istatistika. Dan se jippermetti l-osservazzjoni ta’ l-imġieba ekonomika ta’ l-individwi safejn din hi rilevanti fir-rigward ta' għadd ta' oqsma tal-politika ta' l-Eurosistema.

Kwistjonijiet operazzjonali

Kontinwazzjoni ta’ operazzjonijiet supplementari ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal(LTROs)

Fl-4 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jġedded iż-żewġ LTROs supplementari ta’ tliet xhur li se jimmaturaw fit-13 ta’ Novembru u fil-11 ta’ Diċembru 2008 rispettivament, kif ukoll l-LTRO supplementari pendenti ta’ sitt xhur ta’ EUR 25 biljun li ġiet assenjata fit-2 ta’ April, u li se timmatura fid-9 ta’ Ottubru 2008. Din il-miżura hi maħsuba biex issostni iżjed normalizzazzjoni tas-suq monetarju ta’ l-euro. Din tħabbret fi stqarrija għall-istampa ppubblikata fis-sit elettroniku tal-BĊE fl-istess jum.

Analiżi tal-miżuri għall-kontroll tar-riskji fl-operazzjonijiet ta’ kreditu ta’ l-Eurosistema

Fl-4 ta’ Settembru 2008, fil-kuntest ta’ l-analiżi regolari tiegħu ta’ kull sitt xhur, il-Kunsill Governattiv approva xi rfinar tekniku fil-qafas tal-kontroll tar-riskji għall-operazzjonijiet ta’ kreditu ta’ l-Eurosistema. Dan l-irfinar se jiġi inkluż fl-aġġornament li jmiss tad-"Dokumentazzjoni Ġenerali" u se jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2009. Stqarrija għall-istampa bid-dettalji tal-miżuri ġiet ippubblikata fis-sit elettroniku tal-BĊE fl-istess jum.

Operazzjonijiet għall-provvediment tal-likwidità f’dollari Amerikani/żieda ta’ l-ammonti offruti fl-operazzjonijiet tal-Faċilità ta’ Rkant Perjodiku

Fis-17 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jsaħħaħ l-azzjoni tiegħu konġunta mal-Federal Reserve billi jżid maturità overnight ma' l-operazzjonijiet tiegħu għall-provvediment ta’ finanzjament f’dollari Amerikani lill-kontropartijiet ta’ l-Eurosistema u billi jżid l-ammonti offruti fl-operazzjonijiet tal-Faċilità ta’ Rkant Perjodiku. Din id-deċiżjoni ttieħdet fil-kuntest tal-miżuri koordinati, mħabbra fi stqarrija għall-istampa ppubblikata fit-18 ta’ Settembru 2008 fl-istess ħin ta' komunikati tal-Federal Reserve, tal-Bank of England, tal-Bank of Canada, tal-Bank of Japan u tas-Swiss National Bank, maħsuba biex jindirizzaw il-pressjonijiet qawwija u kontinwi fis-swieq tal-finanzjament f’dollari Amerikani fuq żmien qasir.

Sistemi tal-pagament u Infrastruttura tas-suq

Konsultazzjoni pubblika dwar l-Interface Uniku ta’ l-Eurosistema (ESI)

Fil-21 ta’ Awwissu 2008, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jniedi konsultazzjoni pubblika dwar l-ESI, li hi maħsuba biex jiffaċilita l-aċċess għas-servizzi pprovduti mill-Eurosistema (l-iżjed, it-TARGET2, it-TARGET2-Titoli u s-CCBM2) biex isir l-aħjar użu tas-sinerġiji bejn dawn il-proġetti. Din il-konsultazzjoni pubblika se tintemm fit-28 ta’ Novembru 2008. Stqarrija għall-istampa li tħabbar din it-tnedija ġiet ippubblikata fis-sit elettroniku tal-BĊE fl-1 ta’ Settembru 2008.

President tal-Grupp Konsultattiv tat-TARGET2-Titoli

Fis-16 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur J.-M. Godeffroy, Direttur Ġenerali, Pagamenti u Infrastruttura tas-Suq fil-BĊE, bħala President tal-proġett tal-Grupp Konsultattiv tat-TARGET2-Titoli (T2S), fir-rigward tal-fażi ta’ l-ispeċifikazzjoni, li mistennija tibqa’ sejra sa tmiem l-2009. Is-Sur Godeffroy kien President tal-Grupp Konsultattiv T2S fil-fażi preċedenti tal-proġett.

L-istabbiltà finanzjarja u s-superviżjoni

Strutturi bankarji ta’ l-UE

Fit-18 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tar-rapport annwali “L-istrutturi bankarji ta’ l-UE”, imħejji mill-Kumitat għas-Superviżjoni ta’ l-Attività Bankarja (BSC). Dan jiffoka fuq l-iżviluppi strutturali fl-2007 u fl-ewwel sitt xhur ta’ l-2008 li huma rilevanti mill-aspett ta’ l-istabbiltà bankarja, u jippreżenta żewġ karatteristiċi speċjali dedikati għall-istruttura ta’ inċentivi tal-mudell “oriġini u distribuzzjoni” u għar-riżultati ta’ l-Istħarriġ Bankarju fl-UE mmexxi mill-BSC dwar Riskji Serji għas-Sena li Ġejja. Ir-rapport u stqarrija għall-istampa relatata se jiġu ppublikati fis-sit elettroniku tal-BĊE sa nofs Ottubru 2008.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar il-qafas legali Malti għar-riċiklaġġ tal-karti tal-flus ta’ l-euro

Fis-27 ta’ Awwissu 2008, fuq talba tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar il-qafas legali għar-riċiklaġġ tal-karti tal-flus ta’ l-euro minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u minn professjonisti oħra fil-maniġġ tal-flus (CON/2008/38). L-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-liġi Pollakka li twaqqaf Kumitat għall-Istabbiltà Finanzjarja

Fl-1 ta' Settembru 2008, fuq talba tal-Ministru tal-Finanzi Pollakk, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar il-Kumitat għall-Istabbiltà Finanzjarja (CON/2008/39). L-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar leġiżlazzjoni Slovakka fir-rigward ta’ regoli tekniċi tal-bidla għall-euro

Fit-2 ta’ Settembru 2008, fuq talba tal-Ministeru tad-Difiża Slovakk u tal-Ministeru tax-Xogħol, Affarijiet Soċjali u l-Familja Slovakk, il-Kunsill Governattiv adotta opinjoni dwar iżjed regoli tekniċi dettaljati tal-bidla għall-euro (CON/2008/40). L-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-finanzjament tal-kontribut ta’ l-Awstrija għal ħelsien mid-dejn għall-Liberja

Fid-9 ta' Settembru 2008, fuq talba tal-Ministeru Federali tal-Finanzi Awstrijak, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar il-finanzjament ta’ kontribut Awstrijak għal ħelsien mid-dejn għall-Liberja (CON/2008/41). L-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar leġiżlazzjoni Lussemburgiża fir-rigward ta’ l-istabbiltà finanzjarja u r-rekwiżiti għar-riżervi minimi

Fl-10 ta’ Settembru 2008, fuq talba tal-Banque centrale du Luxembourg, il-Kunsill Governattiv adotta Opinioni dwar emendi li jippermettu lill-Banque centrale du Luxembourg jikkontribwixxi b’mod iżjed effettiv għall-istabbiltà finanzjarja u li jiċċara s-sistema tar-rekwiżiti għar-riżervi minimi (CON/2008/42). L-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar leġiżlazzjoni Slovena fir-rigward ta’ restrizzjonijiet u projbizzjonijiet għal persuni li għandhom kariga pubblika

Fit-17 ta’ Settembru 2008, fuq talba tal-Ministeru Sloven ta’ l-Amministrazzjoni Pubblika, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar restrizzjonijiet u projbizzjonijiet għal persuni li għandhom kariga pubblika (CON/2008/43). L-Opinjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Statistika

Linja Gwida tal-BĊE dwar ir-rekwiżiti tal-BĊE għar-rapportaġġ statistiku fil-qasam tal-kontijiet finanzjarji trimestrali

Fis-26 ta’ Awwissu 2008, ġiet adottata Linja Gwida li temenda xi karatteristiċi tekniċi (standards tal-kodiċi) tal-Linja Gwida BĊE/2002/7 dwar ir-rekwiżiti tal-Bank Ċentrali Ewropew għar-rapportaġġ statistiku fil-qasam tal-kontijiet finanzjarji trimestrali (BĊE/2008/6). Il-Linja Gwida se tiġi ppubblikata dalwaqt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-UE u fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Pubblikazzjoni bikrija ta’ statistika u ċarts dwar l-attività tas-suq monetarju

Fil-5 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni bikrija ta’ dejta u sett ta’ ċarts relatati ma’ l-attività tas-suq monetarju ta’ l-euro, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa, qabel il-pubblikazzjoni ta’ l-Istudju dwar is-Suq Monetarju ta' l-Euro bbażat fuq din id-dejta. Dan se jiżgura li l-pubbliku jkun infurmat f’ħin iżjed opportun. L-ewwel pubblikazzjoni bikrija ta’ din id-dejta u dawn iċ-ċarts issir f’Ottubru 2008.

Linja Gwida tal-BĊE dwar ir-rapportaġġ ta’ l-istatistika finanzjarja tal-gvern

Fil-5 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill Governattiv adotta Linja Gwida li temenda l-Linja Gwida BĊE/2005/5 tas-17 ta’ Frar 2005 dwar ir-rekwiżiti tar-rapportaġġ statistiku tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-proċeduri għall-iskambju ta’ informazzjoni statistika fi ħdan is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali fil-qasam ta’ l-istatistika finanzjarja tal-gvern (BĊE/2008/7). L-emendi jinvolvu tnaqqis żgħir tar-rekwiżiti. Il-Linja Gwida se tiġi ppubblikata dalwaqt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-UE u fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Pubblikazzjoni ta’ iżjed indikaturi armonizzati għall-kompetittività

Fil-11 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni regolari ta’ iżjed indikaturi armonizzati għall-kompetittività (HCIs) għall-pajjiżi taż-żona ta’ l-euro. Waqt li jikkomplementaw l-HCIs deflazzjonati bl-indiċijiet tal-prezzijiet għall-konsumatur, li ġew ippubblikati mill-2006 ’l hawn, l-HCIs il-ġodda se jkunu bbażati fuq il-fatturi deflazzjonarji tal-PDG u l-ispejjeż għal kull unità tax-xogħol għall-ekonomija totali. Din l-istatistika ġdida se tkun disponibbli minn Novembru 2008 ’l quddiem fis-siti elettroniċi tal-BĊE u tal-BĊN ta’ l-Eurosistema.

Rakkomandazzjoni tal-BĊE fir-rigward ta’ Regolament tal-Kunsill ta’ l-UE dwar il-ġbir ta’ informazzjoni statistika min-naħa tal-BĊE

Fil-15 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill Governattiv adotta Rakkomandazzjoni għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru. 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ informazzjoni statistika min-naħa tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2008/9).Ir-Rakkomandazzjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-UE u fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Kooperazzjoni Internazzjonali u Ewropea

Programm ta’ assistenza teknika mal-Bank Nazzjonali tas-Serbja

Fl-14 ta’ Awwissu, il-Kunsill Governattiv awtorizza l-iffirmar ta’ programm ta’ assistenza teknika mal-Bank Nazzjonali tas-Serbja. Dan il-programm ta’ disa’ xhur, li jinvolvi l-BĊE u 17-il bank ċentrali nazzjonali tas-SEBĊ u li jkopri sitt oqsma ta’ attività, se jkun maħsub biex itejjeb il-qafas operattiv u regolatorju tal-Bank Nazzjonali tas-Serbja u jqarrbu lejn l-istandard tas-SEBĊ. Stqarrija għall-istampa ġiet ippubblikata fis-sit elettroniku tal-BĊE fl-1 ta’ Settembru 2008, jiġifieri dakinhar li tnieda l-programm u saret iċ-ċerimonja ta’ l-iffirmar f’Belgrad.

Karti tal-flus

Linja Gwida tal-BĊE dwar il-ġbir tad-dejta fir-rigward ta’ l-euro u t-tħaddim tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Munita 2

Fil-11 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill Governattiv adotta Linja Gwida dwar il-ġbir ta’ dejta fir-rigward ta’ l-euro u t-tħaddim tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Munita 2 (BĊE/2008/8). Il-Linja Gwida se tiġi ppubblikata dalwaqt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-UE u fis-sit elettroniku tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja