European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Staqsina

F’DIN IL-PAĠNA

Aħna nistinkaw biex inkunu trasparenti, aċċessibbli u mifhuma miċ-ċittadini kollha

Aħna l-bank ċentrali taż-żona tal-euro u naqdu aktar minn 346 miljun ċittadin Ewropew. Naħdmu biex inżommu l-prezzijiet stabbli, u nżommu lill-banek siguri.

Trid issir taf aktar dwarna, x’nagħmlu, u kif dan jaffettwak? Ikklikkja fuq xi wieħed mis-suġġetti ta’ hawn taħt biex issib it-tweġibiet għall-mistoqsijiet l-aktar komuni, jew iskrollja fil-qiegħ tal-paġna biex tistaqsina l-mistoqsija tiegħek!

Dwar il-BĊE

X’inhu l-BĊE?

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa l-bank ċentrali taż-żona tal-euro u jiġġestixxi l-ammont ta’ flus fiċ-ċirkolazzjoni. L-għan ewlieni tagħna huwa li nżommu prezzijiet stabbli, u l-mod ewlieni li nagħmlu dan huwa billi nistabbilixxu r-rati tal-imgħax xierqa.

Aħna responsabbli wkoll għas-superviżjoni tal-banek fil-qafas tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU).

Niċċaraw: X’inhu bank ċentrali? Il-BĊE u l-Eurosistema spjegati fi tliet minuti Il-MSU mfisser fi tliet minuti

L-azzjonijiet tagħna huma ggwidati mill-prinċipji ta’ trasparenza, indipendenza u responsabbiltà.

Niċċaraw: Għaliex il-BĊE huwa indipendenti? Il-BĊE Jispjega: ir-responsabbiltà
Il-BĊE jagħti self direttament lil individwi jew lil kumpaniji?

Il-BĊE mhuwiex bank kummerċjali li jipprovdi servizzi bankarji lil individwi u lil kumpaniji. Ma nikkuntattjawx liċ-ċittadini biex noffru self jew kontijiet ta’ tfaddil, u lanqas m’għandna sit web bankarju online.

Il-BĊE lanqas ma:

  • jkun involut fi trasferimenti ta’ flus
  • jiġbor tariffi ta’ trasferiment transkonfinali
  • jaċċetta depożiti minn partijiet terzi
  • jimblokka fondi jew joħroġ ċertifikati għar-rilaxx ta’ fondi
X’lingwa tintuża fil-BĊE?

Bħalissa hemm 24 lingwa uffiċjali tal-UE, u tista’ tikkomunika magħna bi kwalunkwe waħda minnhom. Il-lingwi li nużaw biex nikkomunikaw maċ-ċittadini jiddependu fuq l-udjenza fil-mira u ċ-ċirkostanzi speċifiċi. Il-BĊE jippubblika atti legali fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, u l-lingwa ta’ ħidma tiegħu hija l-Ingliż.

Ta’ min hu l-BĊE?

Flimkien, il-banek ċentrali tal-pajjiżi kollha tal-UE huma s-sidien tal-BĊE. Is-sehem ta’ kull pajjiż fil-kapital tal-BĊE jikkorrispondi mal-popolazzjoni u l-prodott domestiku gross (PDG) tiegħu, li għandhom ponderazzjoni ugwali. Il-pajjiżi li jużaw l-euro jħallsu aktar f’kapital milli dawk li ma jagħmlux dan. Dawn il-fatturi joħolqu dak li tissejjaħ skema tal-kapital, li mbagħad tiddetermina l-ammont imħallas minn kull bank ċentrali nazzjonali.

Niċċaraw: Ta’ min hu l-BĊE?
Il-BĊE jagħmel profitti u jġarrab telf?

Il-BĊE jagħmel profitti u jġarrab telf, l-istess bħal istituzzjonijiet oħra. Il-qligħ u t-telf nett tal-BĊE jitqassmu fost il-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro. L-Istatut tas-SEBĊ jiddikjara li sa 20% ta’ kwalunkwe profitt jistgħu jinżammu bħala riżervi, filwaqt li l-profitt li jifdal għandu jitqassam lill-azzjonisti tal-BĊE proporzjonalment mal-ishma mħallsa tagħhom. Kwalunkwe telf jista’ jiġi paċut kontra r-riżervi ġenerali, id-dħul għas-sena jew l-ammonti allokati lil kull bank ċentrali nazzjonali.

Niċċaraw: Il-BĊE jagħmel qligħ?
X’azzjoni ħa l-BĊE fir-rigward tal-gwerra fl-Ukraina?

Il-Kunsill Governattiv esprima l-appoġġ kollu tiegħu lill-poplu tal-Ukraina.

Implimentajna s-sanzjonijiet imposti mill-UE u l-gvernijiet Ewropej, u ninsabu lesti li nieħdu kwalunkwe azzjoni meħtieġa biex niżguraw l-istabbiltà tal-prezzijiet u finanzjarja fiż-żona tal-euro.

Kun af iżjed:

Stqarrija għall-istampa tal-25 ta' Frar 2022 Aktar dwar l-invażjoni Russa tal-Ukraina Mistoqsijiet frekwenti dwar l-invażjoni tal-Ukraina u s-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Il-politika monetarja

It-trasparenza tal-politika monetarja tal-BĊE

Il-politika monetarja tal-BĊE tinkludi d-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu biex jinfluwenzaw l-ispiża u l-aċċess għall-flus sabiex nilħqu l-għan tagħna ta’ stabbiltà fil-prezzijiet. L-istrument primarju tal-politika monetarja tagħna huwa s-sett tar-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE. Kwalunkwe bidla f’dawn ir-rati taffettwa — b’dewmien ta’ diversi xhur — ir-rati tal-imgħax fi ħdan l-ekonomija kollha, b’mod partikolari r-rati li bihom il-banek kummerċjali jsellfu l-flus lill-individwi u lill-kumpaniji. Jekk ikun meħtieġ, aħna nużaw ukoll għodod oħrajn biex jgħinuna niksbu l-għan primarju tagħna ta’ stabbiltà tal-prezzijiet.

Deċiżjonijiet Riċenti Dwar Il-Politika Monetarja L-għan tagħna tal-istabbiltà tal-prezzijiet u r-reviżjoni tal-istrateġija Christine Lagarde Intervista ma’ Redaktionsnetzwerk Deutschland
Għaliex l-istabbiltà tal-prezzijiet hi daqshekk importanti?

L-għan ewlieni tal-BĊE hu l-istabbiltà tal-prezzijiet kif stabbilit fl-Artikolu 127 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill Governattiv iqis li l-istabbiltà tal-prezzijiet tinżamm l-aħjar billi wieħed jimmira għal inflazzjoni ta’ 2% fuq żmien medju, kif imkejla mill-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP).

Prezzijiet stabbli jagħmluha aktar faċli għall-individwi biex jippjanaw l-infiq u jħeġġu lill-kumpaniji jinvestu. Jgħinu wkoll biex tinżamm il-fiduċja fil-munita tagħna billi jistabbilizzaw il-kwantità ta’ prodotti u servizzi li jistgħu jinxtraw b’ammont partikolari ta’ euro.

Niċċaraw: Għaliex il-prezzijiet stabbli huma importanti? Għaliex hija l-mira tal-inflazzjoni tagħna ta’ 2%?
X’miżura tintuża biex tiġi vvalutata l-istabbiltà tal-prezzijiet?

Aħna nqisu li l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) huwa l-miżura xierqa għall-valutazzjoni tal-kisba tal-għan tal-istabbiltà tal-prezzijiet.

L-HICP ikejjel l-inflazzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur — jiġifieri bidliet matul iż-żmien fil-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi għall-konsumatur mixtrija mill-unitajiet domestiċi taż-żona tal-euro.

L-HICP huwa “armonizzat” għaliex il-pajjiżi kollha tal-UE jużaw l-istess metodoloġija. Dan jiżgura li d-dejta ta' pajjiż tista' titqabbel mad-dejta ta' ieħor.

L-HICP huwa kkompilat mill-Eurostat u mill-istituti nazzjonali tal-istatistika skont metodi statistiċi armonizzati.

Għaliex bħalissa l-inflazzjoni hija għolja?

Il-livelli għoljin attwali tal-inflazzjoni qed jiġu xprunati minn tliet fatturi ewlenin. L-ewwel nett, il-prezzijiet ogħla tal-enerġija qed jgħollu l-inflazzjoni, hekk kif iż-żejt, il-gass u l-elettriku saru aktar għaljin. It-tieni, il-prezzijiet qed jogħlew ukoll minħabba li d-domanda qed tiżdied b’mod aktar rapidu mill-provvista filwaqt li l-kumpaniji qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu hekk kif jibnu mill-ġdid il-ktajjen tal-provvista li ġarrbu ħsarat mill-pandemija. It-tielet, il-prezzijiet kienu eċċezzjonalment baxxi fl-eqqel tal-pandemija. It-tqabbil tal-prezzijiet ogħla tal-lum ma’ dawk il-livelli baxxi ħafna jagħmel id-differenzi jidhru kbar.

Niċċaraw: Għaliex bħalissa l-inflazzjoni hija daqshekk għolja? Christine Lagarde Intervista ma’ Redaktionsnetzwerk Deutschland Isabel Schnabel Intervista ma’ Jung & Naiv (disponibbli bil-Ġermaniż)
Għaliex huma baxxi r-rati tal-imgħax?

Meta l-inflazzjoni fuq żmien medju tkun taħt il-mira ta’ 2%, il-BĊE jipprova jistimula l-ekonomija bl-użu tar-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE u għodod oħra. L-iffissar ta’ rata tal-imgħax baxxa jgħin lill-banek isellfu l-flus bi prezz irħis, li min-naħa tiegħu jżid l-investiment u l-konsum fl-ekonomija. Ir-rati tal-imgħax baxxi jagħtu spinta wkoll lill-valur tal-assi (eż. il-pensjonijiet u d-djar), u dan jinkoraġġixxi wkoll l-infiq. Dan kollu jissarraf f’aktar attività u tkabbir, li jagħtu spinta lill-inflazzjoni.

Niċċaraw: Għaliex huma baxxi r-rati tal-imgħax?
X’inhu l-iskop ta’ xiri ta’ assi?

Ix-xiri ta’ assi jinvolvi x-xiri ta’ assi mill-bank ċentrali bħal bonds tal-gvern jew korporattivi bil-għan li jitnaqqsu r-rati tal-imgħax fuq żmien itwal meta jkun hemm riskju li l-inflazzjoni tibqa’ baxxa. Dan jgħin lill-ekonomija billi jagħti spinta lill-konsum u l-investiment, u fl-aħħar mill-aħħar jgħin biex il-pressjonijiet tal-prezzijiet jinbnew u jgħollu l-inflazzjoni għall-mira ta’ 2%.

Niċċaraw: Kif jaħdem x-xiri ta’ assi
X’inhi l-istrateġija l-ġdida tal-politika monetarja tal-BĊE?

Aħna ppubblikajna l-istrateġija l-ġdida tal-politika monetarja tagħna fit-8 ta’ Lulju 2021. Mir-reviżjoni tal-istrateġija preċedenti fl-2003, l-ekonomija taż-żona tal-euro u l-ekonomija globali għaddew minn bidliet profondi. L-implikazzjonijiet tat-tnaqqis fil-produttività u d-demografija mibdula u l-wirt tal-kriżi finanzjarja naqqsu l-kapaċità tagħna li nilħqu l-objettivi tagħna billi nbiddlu r-rati tal-imgħax ewlenin biss. Barra minn hekk, il-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, it-theddida għas-sostenibbiltà ambjentali, u l-bidliet fis-sistema finanzjarja kollha jippreżentaw sfidi għat-twettiq tal-politika monetarja.

Filwaqt li l-mandat tagħna huwa kkonferit mit-Trattati, huwa f’idejna li nfasslu l-istrateġija tal-politika monetarja tagħna. Din l-istrateġija tiddeskrivi kif fiħsiebna nilħqu l-għan primarju tagħna tal-istabbiltà tal-prezzijiet fiż-żona tal-euro bl-użu ta’ sett xieraq ta’ strumenti tal-politika monetarja. L-istrateġija l-ġdida tara li l-BĊE jimmira għal mira ta’ inflazzjoni simetrika ta’ 2%, li timplika li l-inflazzjoni li hija inqas mill-mira hija daqstant mhux mixtieqa daqs l-inflazzjoni li hija għolja wisq.

Aktar dwar ir-reviżjoni tal-istrateġija
Għandek aktar mistoqsijiet dwar il-politika monetarja tagħna?

Tixtieq tkun taf aktar dwar l-għodod, il-miżuri u d-deċiżjonijiet tal-politika monetarja tagħna?

Aktar dwar il-politika monetarja

Tixtieq tkun taf aktar dwar il-passi ewlenin tar-reviżjoni tal-istrateġija?

Mistoqsijiet u tweġibiet fuq ir-reviżjoni tal-istrateġija

Superviżjoni bankarja

X’inhi s-superviżjoni bankarja?

L-għan tas-superviżjoni bankarja Ewropea huwa li tiżgura s-sikurezza u s-solidità tas-sistema bankarja Ewropea, li żżid l-integrazzjoni finanzjarja u l-istabbiltà, u li tiżgura superviżjoni konsistenti.

Il-BĊE Jiċċara: Superviżjoni bankarja Ewropea
X’inhu l-MSU?

Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) huwa s-sistema ta' superviżjoni bankarja fl-Ewropa. Jiġbor fih is-superviżjoni Bankarja tal-BĊE u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-pajjiżi parteċipanti.

Il-MSU mfisser fi tliet minuti
Is ECB Banking Supervision responsible for consumer protection and money laundering issues?

Le, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-BĊE, u l-awtoritajiet nazzjonali jibqgħu responsabbli għal dawn il-kwistjonijiet. Jekk ikollok xi lment dwar il-bank tiegħek, għandek tikkuntattjah direttament jew tindirizza l-ilment tiegħek lill-awtorità nazzjonali rilevanti.

Awtoritajiet nazzjonali kompetenti Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus
X’nista’ nagħmel jekk nissuspetta ksur tad-dritt tal-UE?

Aħna nħeġġu lil kulħadd biex jirrappurtaw ksur suspettat tad-dritt rilevanti tal-Unjoni direttament lilna permezz tal-pjattaforma tagħna ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta. Il-BĊE jiżgura protezzjoni xierqa kemm għal dawk li jirrappurtaw ksur kif ukoll għal dawk li jiġu akkużati bih, kif ukoll għad-data personali kollha involuta.

Kif nista’ nitlob informazzjoni speċifika dwar il-banek taħt superviżjoni?

Aħna fil-BĊE naħsbu li huwa vitali li l-informazzjoni tkun aċċessibbli. L-għan tagħna huwa li nkunu trasparenti kemm jista’ jkun, filwaqt li fl-istess ħin iżguraw il-kunfidenzjalità meta niġu għall-kwistjoni kif aħna nwettqu l-kompiti tagħna.

L-informazzjoni dwar banek individwali taħt superviżjoni hija protetta b’mod speċifiku minn għadd ta’ rekwiżiti ta’ segretezza professjonali kif deskritt fid-dritt Ewropew (eż. id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali).

L-aċċess għal dokumenti tal-BĊE huwa regolat mid-Deċiżjoni BĊE/2004/3 tal-4 ta’ Marzu 2004, kif emendata. F’konformità mal-impenn tagħna għall-ftuħ u t-trasparenza ħloqna Reġistru Pubbliku tad-Dokumenti biex nippermettu u niffaċilitaw ir-riċerka.

Ara r-Reġistru Pubbliku tad-Dokumenti
Liema banek jissorvelja l-BĊE?

Il-banek taħt superviżjoni diretta mill-BĊE jissejħu istituzzjonijiet sinifikanti, filwaqt li dawk li nissorveljaw indirettament jissejħu istituzzjonijiet inqas sinifikanti.

Lista tal-entitajiet issorveljati mill-BĊE
X’inhu s-SREP?

Is-superviżuri jivvalutaw ir-riskji li jiffaċċjaw il-banek u jivverifikaw li huma mgħammra biex jimmaniġġjaw dawk ir-riskji b’mod xieraq. Dan jissejjaħ il-Proċess Superviżorju ta’ Reviżjoni u Valutazzjoni (SREP) u l-għan tiegħu huwa li jippermetti li l-profili tar-riskju tal-banek jiġu vvalutati b’mod konsistenti u jippermetti li jittieħdu deċiżjonijiet dwar kwalunkwe miżuri superviżorji meħtieġa.

Skopri aktar dwar is-SREP fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja
X’inhu test tal-istress?

Is-superviżuri jużaw testijiet tal-istress biex jivvalutaw kemm il-banek jistgħu jlaħħqu max-xokkijiet finanzjarji u ekonomiċi. Ir-riżultati tat-testijiet tal-istress jgħinu lis-superviżuri jidentifikaw il-vulnerabbiltajiet tal-banek u jindirizzawhom fi stadju bikri bħala parti mid-djalogu superviżorju tagħhom.

Skopri aktar dwar it-testijiet tal-istress fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja
Għandek aktar mistoqsijiet dwar is-superviżjoni bankarja?

L-euro u s-sistemi tal-ħlasijiet

Aħna, bħala Ewropej, kif nibbenefikaw mill-euro?

Il-ħolqien tal-euro kien kisba impressjonanti fit-tqarrib tan-nies tal-Ewropa billi ppermettielhom jivvjaġġaw, jistudjaw u jaħdmu barra minn pajjiżhom b’mod ħafna aktar faċli u sikur. It-Trattat ta’ Maastricht kien wieħed mill-aktar stadji importanti fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea, u wieħed mill-affarijiet li għamel kien li jwitti t-triq għall-ħolqien ta’ munita komuni.

X’ħadu bl-euro ċ-ċittadini Ewropej?
X’inhu euro diġitali?

Il-BĊE qed jesplora l-possibbiltà li jintroduċi euro diġitali. Din tkun forma elettronika ta’ flus maħruġa mill-Eurosistema. Dan ikun flus tal-bank ċentrali u għalhekk mingħajr riskju. Bħalissa, il-flus kontanti huma l-uniċi flus tal-bank ċentrali użati għall-pagamenti bl-imnut. Euro diġitali jkun mod addizzjonali ta’ kif isiru l-pagamenti bl-euro, mingħajr ma jissostitwixxi l-flus kontanti iżda pjuttost jikkomplementahom. Ikun konvertibbli (fuq bażi ta’ wieħed għal wieħed) f’kull forma oħra ta’ euro, bħall-karti tal-flus.

Aktar dwar l-euro diġitali
Xi jkunu l-benefiċċji ta’ euro diġitali?

Euro diġitali jgħaqqad l-effiċjenza ta’ strument ta’ ħlas diġitali mas-sigurtà tal-flus tal-bank ċentrali. Dan jgħin lill-UE tibqa’ indipendenti mill-metodi ta’ ħlas diġitali maħruġa u kkontrollati minn barra ż-żona tal-euro. Dan jiżgura wkoll stabbiltà finanzjarja u sovranità monetarja, u jgħin biex tinżamm il-fiduċja fil-ħlasijiet fl-era diġitali.

Għaliex l-euro diġitali ma jkunx kriptoassi jew stablecoin?

Il-kriptoassi huma fundamentalment differenti mill-flus tal-bank ċentrali: il-prezzijiet tagħhom huma estremament volatili, li jagħmilhom diffiċli biex jintużaw bħala mezz ta’ ħlas jew unità ta' kont. Il-kriptoassi ma għandhom l-ebda valur intrinsiku u bl-ebda istituzzjoni pubblika tappoġġahom. Hemm tħassib simili dwar stablecoins: l-affidabbiltà tagħhom fl-aħħar mill-aħħar tiddependi fuq l-entità emittenti u l-assi sottostanti. Huma jiddependu wkoll fuq li l-emittent jonora l-wegħda tiegħu li jżomm il-valur tal-muniti stabbli maż-żmien.

Euro diġitali, min-naħa l-oħra, ikun flus tal-bank ċentrali. Dan ifisser li jinħareġ minn bank ċentrali u jitfassal biex jilħaq il-ħtiġijiet taċ-ċittadini: minbarra li jirrispetta l-privatezza, ikun ukoll mingħajr riskju.

Kif jista’ jidher l-euro diġitali?

Esperti mill-Eurosistema stabbilixxew għadd ta’ rekwiżiti bażiċi biex jgħinuna naraw kif jista’ jkun hemm euro diġitali. Dawn jinkludu l-aċċessibbiltà faċli, ir-robustezza, is-sikurezza, l-effiċjenza, il-privatezza u l-konformità mal-liġi. Euro diġitali jkun iddisinjat biex ikun interoperabbli ma’ servizzi ta’ ħlas eżistenti, li jiffaċilita l-provvista ta’ ħlasijiet panEwropej u servizzi oħra lill-konsumaturi.

Għaliex il-BĊE qed jippjana li jfassal mill-ġdid il-karti tal-flus tal-euro?

Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema huma responsabbli għas-salvagwardja tal-integrità tal-karti tal-flus tal-euro u għaż-żamma tal-fiduċja tal-pubbliku fihom. F’Diċembru 2021 il-BĊE beda jeżamina tema ġdida u disinji ġodda għall-karti tal-flus tal-euro, u fittex li jagħmilhom aktar relatati maċ-ċittadini Ewropej u jiżgura li l-karti tal-flus u l-karatteristiċi tas-sigurtà tagħhom jinkorporaw l-aħjar teknoloġija disponibbli.

Deċiżjoni finali dwar il-produzzjoni u l-ħruġ ta’ karti tal-flus ġodda ma titteħidx qabel ma jitlesta l-proċess ta’ disinn mill-ġdid fl-2024.

Stqarrija għall-istampa dwar il-proċess ta’ tfassil mill-ġdid
Il-karti tal-flus tal-EUR 500 għadhom validi?

Il-karti tal-flus tal-€500 mhux ser jinħarġu iżjed. Madankollu jibqgħu valuta legali, u għalhekk xorta tista’ tużahom bħala mezz ta’ ħlas u ħażna ta' valur.

Aktar tagħrif dwar il-karta ta’ €500
Nista’ nuża immaġni tal-karti tal-flus tal-euro?

L-immaġnijiet tal-karti tal-flus tal-euro jistgħu jintużaw għal skopijiet mhux professjonali mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tagħna, sakemm ikun hemm konformità mar-regoli eżistenti kollha (b’mod partikolari l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni BĊE/2013/10) biex jiġi żgurat li r-riproduzzjoni qatt ma tiġi konfuża ma’ karta tal-flus ġenwina (billi dan ikun ta’ ħsara għall-fiduċja fl-euro).

Jekk tixtieq tuża immaġnijiet b’riżoluzzjoni għolja tal-karti tal-flus tal-euro għal skopijiet professjonali, għandek tikkuntattjana fuq Euro-Banknotes-Images@ecb.europa.eu sabiex inkunu nistgħu nivvalutaw il-każ tiegħek. Jekk it-talba tiegħek tiġi approvata tintbagħat l-immaġnijiet elettroniċi rilevanti.

X’inhi TARGET2?

TARGET2 hija sistema ta’ ħlas proprjetà tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali u operata minnhom. Hija l-pjattaforma l-aktar użata għall-pagamenti ta’ volum kbir mill-banek ċentrali u l-banek kummerċjali. Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali ma jistgħux jipprovdu tagħrif dwar l-istatus ta’ trasferimenti bankarji individwali, kemm fiż-żona tal-euro kif ukoll internazzjonalment.

Aktar tagħrif dwar TARGET2
X’inhu t-TIPS?

TIPS huwa servizz ta’ infrastruttura tas-suq li tnieda mill-BĊE u mill-banek ċentrali nazzjonali fl-2018. Dan jippermetti lill-fornituri tas-servizzi ta’ pagament joffru trasferimenti ta’ fondi f’ħin reali lill-klijenti tagħhom erbgħa u għoxrin siegħa kuljum. Bis-saħħa tat-TIPS, il-ħlasijiet istantanji issa jistgħu jsiru malajr u b’mod sikur.

Aktar informazzjoni dwar saldu ta’ ħlas istantanju
Għandek aktar mistoqsijiet dwar l-euro u s-sistemi ta’ ħlas tagħna?

X’inhi l-istrateġija tagħna dwar il-flus kontanti? Għaliex il-flus kontanti huma importanti? In-nies fiż-żona tal-euro kif iħobbu jħallsu?

Sib it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet hawnhekk

Għaliex is-sistemi ta’ ħlas huma daqshekk importanti?

Żur it-taqsima tal-ħlasijiet u s-swieq tas-sit web tagħna

Tibdil fil-klima

It-tibdil fil-klima kif jaffettwa l-politika monetarja?

Diżastri naturali aktar frekwenti u intensi għandhom impatt negattiv fuq l-ekonomija u s-sistema finanzjarja. Dawn jistgħu jaffettwaw it-tkabbir ekonomiku, l-inflazzjoni, u l-mod kif il-politika monetarja tikkontribwixxi għan-nies u n-negozji. Dan għandu konsegwenzi għall-istabbiltà tal-prezzijiet, il-mandat primarju tal-BĊE. Għalhekk aħna inkludejna kunsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima fil-qafas tal-politika monetarja.

Kif jitqiesu l-kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima fid-deċiżjonijiet tal-politika monetarja?
X’inhu ċ-ċentru tal-BĊE dwar it-tibdil fil-klima?

Iċ-ċentru għat-tibdil fil-klima jisfrutta l-għarfien espert intern u jsawwar l-aġenda tagħna dwar il-klima, f’kooperazzjoni mill-qrib mad-diversi oqsma tax-xogħol li jiffurmaw il-BĊE. L-attivitajiet taċ-ċentru jvarjaw mill-politika monetarja għal funzjonijiet prudenzjali. Iddeċidejna wkoll li ninvestu parti mill-portafoll tal-fondi tal-BĊE fil-fond tal-bonds ħodor iddenominat f’euro mħaddem mill-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali.

Stqarrija għall-istampa dwar iċ-ċentru tat-tibdil fil-klima
Il-BĊE kif qed jippjana li “jekoloġizza” il-politika monetarja tiegħu?

B’riżultat tar-reviżjoni tal-istrateġija tagħna, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE implimenta pjan direzzjonali ambizzjuż dwar kif nintegraw il-kunsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima fix-xogħol tagħna.

Stqarrija għall-istampa dwar il-pjan ta’ azzjoni biex jiġu inklużi kunsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima fl-istrateġija tal-politika monetarja
Il-BĊE jinvesti f’bonds ħodor?

Bħalissa, il-BĊE għandu madwar għoxrin fil-mija tal-bonds korporattivi ekoloġiċi eliġibbli. Il-ħruġ ta’ bonds ħodor huwa tipikament ikkonċentrat f’setturi bħall-utilitajiet, l-infrastruttura, it-trasport u l-kostruzzjoni. Il-kumpaniji f’dawn is-setturi joħorġu bonds ħodor biex jiffinanzjaw l-adozzjoni ta’ teknoloġiji aktar effiċjenti, inaqqsu l-marka tal-karbonju tagħhom u jorjentaw mill-ġdid il-portafolli tal-enerġija tagħhom lejn sorsi rinnovabbli.

Għalkemm il-banek ċentrali mhumiex l-attur ewlieni meta niġu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, huwa ċar li din hija kwistjoni li taffettwa l-mandat primarju tagħna tal-istabbiltà tal-prezzijiet u għandha impatt fuq l-istrateġija tal-politika monetarja.

Tixtieq issir taf aktar dwar kif il-BĊE qed jindirizza l-kwistjoni tat-tibdil fil-klima?

Iktar dwar tibdil fil-klima u l-BĊE
Għaliex il-banek għandhom jieħdu ħsieb it-tibdil fil-klima?

Ir-riskji relatati mal-klima u dawk ambjentali qed isiru dejjem aktar importanti għall-banek. Skopri kif l-avvenimenti estremi tat-temp jistgħu jaffettwaw lill-banek u x’jistgħu jagħmlu biex iżommu r-rwol importanti tagħhom bħala selliefa u jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.

Filmat: Għaliex il-banek għandhom jagħtu kas it-tibdil fil-klima? Stqarrija għall-istampa: Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE tniedi test tal-istress tar-riskju tal-klima tal-2022

Ir-rispons tagħna għall-koronavirus

X’għamel il-BĊE b’reazzjoni għall-bidu tal-pandemija tal-koronavirus (COVID-19)?

Fl-2020 u l-2021 il-BĊE stabbilixxa sett ta’ miżuri ta’ politika monetarja u ta’ superviżjoni bankarja biex jittaffa l-impatt tal-pandemija fuq l-ekonomija taż-żona tal-euro u jiġu appoġġati ċ-ċittadini Ewropej kollha.

Ir-rispons tagħna għall-pandemija tal-koronavirus

Fl-10 ta’ Frar 2022 ħabbarna t-tmiem tal-aħħar miżuri temporanji ta’ salvataġġ li għadhom disponibbli għall-banek.

Dawn il-FAQs jipprovdu dettalji ta’ miżuri relatati mal-pandemija li s-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE implimentat fl-2020 u fl-2021.

X’inhu l-PEPP?

Il-programm ta' xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP) huwa programm ta’ xiri ta’ assi li tnieda f’Marzu 2020 biex jgħin fil-ġlieda kontra l-effetti negattivi tal-pandemija tal-koronavirus. L-għan tal-PEPP kien li jgħin liċ-ċittadini, lill-kumpaniji u lill-gvernijiet ikollhom aċċess għall-fondi li kienu jeħtieġu b’termini favorevoli, u b’hekk jgħin lill-ekonomija tindirizza l-isfidi ppreżentati mill-pandemija.

X’inhu l-programm ta' xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP)? Stqarrija għall-istampa dwar il-PEPP
Il-BĊE kif qed jappoġġa l-aċċess għall-kreditu?

Offrejna finanzjament fit-tul lill-banek biex ngħinu s-self lill-unitajiet domestiċi u lill-kumpaniji (inklużi kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju). Ir-rata tal-imgħax imposta għal dawn il-fondi tnaqqset, b’inċentiv għall-banek biex iżidu s-self tagħhom. Espandejna wkoll il-lista ta’ assi li l-banek jistgħu jużaw bħala kollateral (li jaġixxi bħala forma ta’ assigurazzjoni meta l-banek jissellfu mingħandna). Flimkien, dawn il-miżuri għenu biex tinżamm l-attività ta’ self bankarju lill-unitajiet domestiċi u lill-kumpaniji matul il-pandemija.

Fissirli: Xʼinhu kollateral?
Il-BĊE kif jintraċċa r-riskji tal-IT u dawk ċibernetiċi tal-banek?

L-għadd ta’ inċidenti ċibernetiċi rrappurtati lill-BĊE żdied matul il-pandemija, b’żieda ta’ 54 % fl-2020 meta mqabbel mal-2019. Il-protezzjoni tas-servizzi kritiċi (bħall-aċċess għas-sistema finanzjarja) mill-attakki u l-indisponibilità hija kruċjali. Permezz tal-qafas tiegħu għar-rappurtar tal-inċidenti ċibernetiċi u r-reviżjoni tat-Timijiet Superviżorji Konġunti tar-reazzjonijiet tal-banek għal kwestjonarju annwali dwar ir-riskju tal-IT, il-BĊE jkejjel l-espożizzjoni tal-banek għar-riskji tal-IT u jivvaluta l-ġestjoni tar-riskju tagħhom sabiex is-settur finanzjarju tal-UE jsir aktar b’saħħtu u aktar reżiljenti b’mod diġitali.

Aqra l-artiklu tagħna: Ir-riskju tal-IT u ċibernetiku: sfida kostanti
Il-banek jistgħu jħallsu dividendi?

Fl-isfond taż-żieda fl-inċertezza sistemika u l-istress ekonomiku maħluq mill-pandemija, il-BĊE rrakkomanda fis-27 ta’ Marzu 2020, bħala miżura eċċezzjonali, li l-banek jissospendu temporanjament id-dividendi kollha fi flus kontanti u x-xiri lura tal-ishma. Il-preservazzjoni tal-kapital kienet meħtieġa biex jiġi żgurat ippjanar prudenti tal-kapital u biex il-banek iżommu l-kapaċità tagħhom li jappoġġaw l-ekonomija. 

Fit-23 ta’ Lulju 2021, il-BĊE ddeċieda li ma jestendix dik ir-rakkomandazzjoni tad-dividend lil hinn minn Settembru 2021.

Kun af

Frodi — użu ħażin ta’ isem u logo tal-BĊE

Il-BĊE ma jipprovdix servizzi bankarji kummerċjali. Xi drabi, l-identità tagħna tintuża ħażin b’rabta ma’ tranżazzjonijiet finanzjarji foloz u attivitajiet frawdulenti oħra. Il-membri tal-persunal tagħna jistgħu wkoll ikunu impersonati jew imsemmija f’inganni (scams), u l-isem u l-logo tagħna jistgħu jintużaw ħażin ukoll.

Skopri aktar dwar l-użu ħażin tal-isem tal-BĊE u x’tista’ tagħmel

Il-protezzjoni tal-konsumatur u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus ma jaqgħux taħt il-mandat tal-BĊE

Kompiti bħar-relazzjonijiet bejn il-banek u l-klijenti tagħhom (il-protezzjoni tal-konsumatur) kif ukoll il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus huma barra mill-ambitu tar-responsabbiltajiet tagħna u jibqgħu fil-mandati tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali.

Informazzjoni għal kontra l-ħasil tal-flus

Kif tista’ tiltaqa’ magħna?

Tista’ tibgħatilna l-mistoqsijiet, il-kummenti jew is-suġġerimenti tiegħek relatati mal-kompiti u l-attivitajiet tagħna fi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE bil-posta elettronika jew bil-posta. Tista’ wkoll tikkuntattjana bit-telefown mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mill-10:00 sa 12:00 u mis-14:00 sal-16:00 CET.

Il-paġni kollha f’din it-taqsima