European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA TAL-POLITIKA MONETARJA

KONFERENZA STAMPA

Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,

Frankfurt am Main, 28 ta’ Ottubru 2021

Il-wara nofsinhar it-tajjeb, il-Viċi President u jien nilqgħukom għal din il-konferenza stampa.

L-ekonomija taż-żona tal-euro qed tkompli tirkupra b’mod qawwi, għalkemm ir-rankatura immoderat sa ċertu punt. Il-konsumaturi jkomplu jkunu kunfidenti u l-infiq tagħhom għadu b’saħħtu. Iżda n-nuqqas ta’ materjali, tagħmir u ħaddiema qed iżżomm lura l-produzzjoni f’xi setturi. L-inflazzjoni qed tiżdied, primarjament minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija iżda wkoll minħabba li l-irkupru fid-domanda qed jaqbeż il-provvista ristretta. Aħna nbassru li l-inflazzjoni se tkompli tiżdied fiż-żmien qrib, iżda mbagħad tonqos matul is-sena d-dieħla.

Ir-rati tal-imgħax tas-suq żdiedu mill-aħħar laqgħa tagħna fil-bidu ta’ Settembru. Madankollu, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-finanzjament bħalissa għadhom favorevoli għad-ditti, l-unitajiet domestiċi u s-settur pubbliku. Kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli huma essenzjali biex l-ekonomija tkompli bl-irkupru tagħha u tikkontrobilanċja l-impatt negattiv tal-pandemija fuq it-triq tal-inflazzjoni.

Aħna nkomplu nqisu li kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli jistgħu jinżammu b'pass moderatament aktar baxx ta’ xiri ta’ assi netti taħt il-programm ta' xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP) milli fit-tieni u t-tielet trimestri ta’ din is-sena.

Aħna kkonfermajna wkoll il-miżuri l-oħra tagħna, jiġifieri l-livell tar-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE, il-gwida bil-quddiem tagħna dwar l-evoluzzjoni probabbli tagħhom fil-ġejjieni, ix-xiri tagħna taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi (APP), il-politiki tagħna ta’ investiment mill-ġdid u l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tagħna fit-tul, kif iddettaljat fl-istqarrija għall-istampa ppubblikata fis-13:45 illum. Aħna lesti li naġġustaw l-istrumenti kollha tagħna, kif ikun xieraq, biex niżguraw li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tagħna ta’ tnejn fil-mija fuq terminu medju.

Issa se niddeskrivi f’aktar dettall kif naraw l-ekonomija u l-inflazzjoni se jiżviluppaw, u mbagħad se nitkellmu dwar il-valutazzjoni tagħna tal-kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji.

Attività ekonomika

L-ekonomija kompliet tikber b'mod qawwi fit-tielet trimestru, minkejja li r-rankatura mmoderat sa ċertu punt. Xorta nistennew li l-produzzjoni taqbeż il-livell tagħha ta’ qabel il-pandemija sal-aħħar tas-sena.

Il-ħakma tal-pandemija fuq l-ekonomija ddgħajfet b'mod viżibbli, bir-restrizzjonijiet jitneħħew bħala riżultat ta’ miżuri tas-saħħa ta’ suċċess u għadd kbir ta’ nies issa huma mlaqqmin. Dan qed jappoġġa l-infiq tal-konsumatur, speċjalment fuq id-divertiment, l-ikel, l-ivvjaġġar u t-trasport. Iżda prezzijiet ogħla tal-enerġija jistgħu jnaqqsu l-poter tal-akkwist fix-xhur li ġejjin.

L-irkupru fid-domanda domestika u globali qed jappoġġja wkoll l-investiment tal-produzzjoni u tan-negozju. F’dan id-dawl, in-nuqqas ta’ materjali, tagħmir u ħaddiema qed iżżomm lura l-produzzjoni fis-setturi tal-manifattura.s Iż-żminijiet tal-kunsinna twalu b'mod konsiderevoli, u l-ispejjeż tat-trasport u l-prezzijiet tal-enerġija żdiedu. Dawn ir-restrizzjonijiet qed ifixklu l-prospetti għax-xhur li ġejjin.

Is-suq tax-xogħol qed ikompli jitjieb. Il-qgħad naqas u n-numru ta’ nies fi skemi ta’ żamma ta’ impjiegi naqas b’mod sinjifikattiv mill-quċċata tas-sena li għaddiet. Dan jappoġġja l-prospett ta’ dħul ogħla u żieda fl-infiq. Iżda, kemm in-numru ta’ nies fil-forza tax-xogħol kif ukoll is-sigħat maħduma fl-ekonomija jibqgħu taħt il-livelli ta’ qabel il-pandemija.

Biex isostni l-irkupru, appoġġ fiskali ambizzjuż u kkoordinat għandu jkompli jikkumplimenta l-politika monetarja. Dan l-appoġġ se jgħin ukoll lill-ekonomija taġġusta għall-bidliet strutturali li huma għaddejjin. L-implimentazzjoni effettiva tal-programm tal-UE tal-Ġenerazzjoni Li Jmiss u l-pakkett “Fit for 55” se jikkontribwixxu għal irkupru aktar b’saħħtu, aktar ekoloġiku u aktar ugwali fil-pajjiżi taż-żona tal-euro.

L-inflazzjoni

L-inflazzjoni żdiedet għal 3.4 fil-mija f’Settembru. Nistennew li togħla aktar din is-sena. Iżda filwaqt li l-fażi attwali ta’ inflazzjoni ogħla se ddum aktar milli mistenni oriġinarjament, nistennew li l-inflazzjoni tonqos matul is-sena d-dieħla.

Iż-żieda fl-inflazzjoni tirrifletti fil-biċċa l-kbira taħlita ta’ tliet fatturi. L-ewwel nett, il-prezzijiet tal-enerġija – speċjalment għaż-żejt, il-gass u l-elettriku – għolew ħafna. F’Settembru, l-inflazzjoni tal-enerġija ammontat għal madwar nofs l-inflazzjoni ġenerali. It-tieni nett, il-prezzijiet qed jogħlew ukoll minħabba li l-irkupru tad-domanda relatata mal-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomija qed jaqbeż il-provvista. Din id-dinamika hija viżibbli b’mod speċjali fil-prezzijiet tas-servizzi tal-konsumatur, kif ukoll fil-prezzijiet tal-prodotti affettwati bl-aktar mod qawwi minn nuqqasijiet ta’ provvista. U fl-aħħar nett, l-effetti bażi relatati mat-tmiem tat-tnaqqis tal-VAT fil-Ġermanja għadhom qed jikkontribwixxu għal inflazzjoni ogħla.

Nistennew li l-influwenza tat-tliet fatturi kollha tittaffa matul l-2022 jew li taqa’ mill-kalkolu tal-inflazzjoni ta’ sena għal sena. Hekk kif l-irkupru jkompli, ir-ritorn gradwali tal-ekonomija għall-kapaċità sħiħa se jsostni żieda fil-pagi maż-żmien. Miżuri bbażati fuq is-suq u l-istħarriġ tal-aspettattivi tal-inflazzjoni fit-tul resqu eqreb lejn tnejn fil-mija. Dawn il-fatturi se jappoġġaw l-inflazzjoni sottostanti u r-ritorn tal-inflazzjoni għall-mira tagħna fuq terminu medju.

Valutazzjoni tar-riskji

L-irkupru jkompli jiddependi fuq il-kors tal-pandemija u aktar progress bit-tilqim. Naraw li r-riskji għal din il-perspettiva ekonomika huma ġeneralment ibbilanċjati. Fi żmien qrib, il-konġestjonijiet fil-provvista u l-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew huma r-riskji ewlenin għall-pass tal-irkupru u l-prospetti għall-inflazzjoni. Jekk in-nuqqas ta’ provvista u prezzijiet ogħla tal-enerġija jdumu aktar, dawn jistgħu jnaqqsu l-irkupru. Fl-istess ħin, jekk il-konġestjonijiet persistenti jgħaddu għal żidiet fil-pagi ogħla milli antiċipati jew l-ekonomija terġa’ lura aktar malajr għall-kapaċità sħiħa, il-pressjonijiet tal-prezzijiet jistgħu jsiru aktar b'saħħithom. Madankollu, l-attività ekonomika tista’ taqbeż l-aspettattivi tagħna jekk il-konsumaturi jsiru aktar kunfidenti u jfaddlu inqas milli mistenni bħalissa.

Kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji

It-tkabbir u d-dinamika tal-inflazzjoni fuq terminu medju għadhom jiddependu fuq kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli għas-setturi kollha tal-ekonomija. Ir-rati tal-imgħax tas-suq żdiedu. Madankollu, il-kundizzjonijiet ta' finanzjament għall-ekonomija jibqgħu favorevoli, mhux l-inqas minħabba li r-rati tas-self bankarju għad-ditti u l-familji jibqgħu f’livelli storikament baxxi. Filwaqt li kien hemm irkupru f’Settembru, is-self lid-ditti jibqa’ moderat. Dan ikompli jirrifletti l-fatt li d-ditti ġeneralment jeħtieġu inqas finanzjament estern, peress li dawn għandhom ammonti kbar ta’ flus kontanti u qed iżommu dejjem aktar il-qligħ tagħhom. Is-self lill-unitajiet domestiċi għadu b’saħħtu, immexxi mid-domanda għal ipoteki. L-istħarriġ l-aktar reċenti tagħna dwar is-self mill-banek juri li l-kundizzjonijiet tal-kreditu għad-ditti stabbilizzaw u kienu appoġġjati – għall-ewwel darba mill-2018 – minn tnaqqis fil-perċezzjonijiet tar-riskju tal-banek. B’kuntrast, il-banek qed jieħdu approċċ kemxejn aktar kawt għas-self għad-djar u bħala konsegwenza ssikkaw l-istandards tas-self tagħhom għal dan is-self. Il-karti tal-bilanċ tal-banek jibqgħu jiġu sostnuti minn kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli u jibqgħu sodi.

Konklużjoni

Fil-qosor, l-ekonomija taż-żona tal-euro qed tkompli tirkupra b’mod qawwi, għalkemm b’pass aktar moderat. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, l-irkupru fid-domanda u l-konġestjonijiet fil-provvista bħalissa qed jgħollu l-inflazzjoni. Filwaqt li l-inflazzjoni se tieħu aktar żmien biex tonqos milli mistenni qabel, nistennew li dawn il-fatturi jonqsu matul is-sena d-dieħla. Aħna nkomplu nipprevedu l-inflazzjoni fit-terminu medju li tibqa’ taħt il-mira tagħna ta' tnejn fil-mija. Il-miżuri ta’ politika tagħna, inkluża l-gwida bil-quddiem riveduta tagħna dwar ir-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, huma kruċjali biex ngħinu lill-ekonomija tiċċaqlaq għal irkupru sostnut u, fl-aħħar mill-aħħar, biex l-inflazzjoni fuq żmien medju tinġieb sal-mira tagħna.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja