Għażliet għat-Tiftix
Home Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika monetarja L-euro Pagamenti u swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA TAL-POLITIKA MONETARJA

KONFERENZA STAMPA

Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,

Frankfurt am Main, 22 ta’ Lulju 2021

Wara nofsinhar it-tajjeb, il-Viċi President u jien nilqgħukom għall-konferenza stampa tagħna.

Fil-laqgħa tal-lum, il-Kunsill Governattiv iffoka fuq żewġ temi ewlenin: l-ewwel nett, l-implikazzjonijiet tar-reviżjoni tal-istrateġija tagħna għall-gwida għall-quddiem tagħna fuq ir-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE; u, it-tieni nett, il-valutazzjoni tagħna tal-ekonomija u l-miżuri pandemiċi tagħna.

Fir-reviżjoni reċenti tal-istrateġija tagħna, qbilna dwar mira simetrika ta’ inflazzjoni ta’ tnejn fil-mija fuq medda ta’ żmien medju. Ir-rati tal-politika tagħna ilhom viċin il-limitu l-aktar baxx tagħhom għal xi żmien u l-prospetti tal-inflazzjoni għal żmien medju għadhomsew taħt il-mira tagħna. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kunsill Governattiv illum irreveda l-gwida għall-quddiem tiegħu dwar ir-rati tal-imgħax. Għamilna dan biex nenfasizzaw l-impenn tagħna li nżommu pożizzjoni tal-politika monetarja persistentement akkomodanti biex nilħqu l-mira tagħna tal-inflazzjoni.

B’appoġġ għall-mira simetrika tagħna ta’ inflazzjoni ta’ tnejn fil-mija u f’konformità mal-istrateġija tal-politika monetarja tagħna, il-Kunsill Governattiv jistenna li r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE jibqgħu fil-livelli preżenti jew aktar baxxi tagħhom sakemm naraw li l-inflazzjoni tilħaq it-tnejn fil-mija ferm qabel it-tmiem tal-orizzont tal-projezzjoni tagħna u b’mod durevoli għall-bqija tal-orizzont tal-projezzjoni, u aħna niġġudikaw li l-progress imwettaq fl-inflazzjoni sottostanti huwa avvanzat biżżejjed biex ikun konsistenti mal-inflazzjoni li tistabbilizza bi tnejn fil-mija fuq medda ta’ żmien medju. Dan jista’ jimplika wkoll perjodu tranżitorju li fih l-inflazzjoni tkun moderatament ogħla mill-mira.

Ħalli ngħaddi għall-valutazzjoni tal-prospetti ekonomiċi u l-miżuri pandemiċi tagħna.

L-irkupru fl-ekonomija taż-żona tal-euro jinsab fit-triq it-tajba. Aktar u aktar nies qed jitlaqqmu, u r-restrizzjonijiet tal-lockdowns ġew imtaffija f’ħafna pajjiżi taż-żona tal-euro. Iżda l-pandemija tkompli titfa’ dell, speċjalment minħabba li l-varjant delta jikkostitwixxi sors dejjem jikber ta’ inċertezza. L-inflazzjoni telgħet, għalkemm din iż-żieda hija mistennija li tkun l-aktar temporanja. Il-prospetti għall-inflazzjoni fuq medda ta’ żmien medju jibqgħu mrażżna.

Għandna bżonn nippreservaw kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli għas-setturi kollha tal-ekonomija matul il-perjodu pandemiku. Dan huwa essenzjali biex l-irkupru attwali jinbidel f’espansjoni dejjiema u biex jikkumpensa għall-impatt negattiv tal-pandemija fuq l-inflazzjoni. Għalhekk, wara li kkonfermajna l-valutazzjoni tagħna ta’ Ġunju tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament u l-prospetti ta’ inflazzjoni, aħna nkomplu nistennew li x-xiri taħt il-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP) matul it-trimestru kurrenti jsir b’pass sinifikament ogħla milli matul l-ewwel xhur tas-sena.

Aħna kkonfermajna wkoll il-miżuri l-oħra tagħna biex nappoġġjaw il-mandat tal-istabbiltà tal-prezzijiet tagħna, jiġifieri l-livell tar-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE,ix-xiri tagħna taħt il-programm ta’ xiri tal-assi (APP), il-politiki tagħna ta’ investiment mill-ġdid u l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fit-tul tagħna, kif dettaljat fl-istqarrija għall-istampa ppubblikata llum fis-13:45. Aħna lesti li naġġustaw l-istrumenti kollha tagħna, kif xieraq, biex niżguraw li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tagħna ta’ tnejn fil-mija fuq medda ta’ żmien medju.

Issa se niddeskrivi f’aktar dettall kif naraw l-ekonomija u l-inflazzjoni jiżviluppaw, u mbagħad nitkellmu dwar il-valutazzjoni tagħna tal-kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji.

Attività ekonomika

L-ekonomija rkuprat fit-tieni trimestru tas-sena u, hekk kif jittaffew ir-restrizzjonijiet, tinsab fit-triq it-tajba għal tkabbir qawwi fit-tielet trimestru. Aħna nistennew li l-qasam tal-manifattura jaħdem tajjeb, anki jekk il-punti ta’ konġestjoni tal-provvista qed iżommu lura l-produzzjoni fil-futur qrib. Il-ftuħ mill-ġdid ta’ partijiet kbar tal-ekonomija qed jappoġġja rpiljar qawwi fis-settur tas-servizzi. Iżda l-varjant delta tal-koronavirus jista’ jnaqqas dan l-irkupru fis-servizzi, speċjalment fit-turiżmu u l-ospitalità.

Hekk kif in-nies jirritornaw lejn ħwienet u ristoranti u jerġgħu jibdew jivvjaġġaw, l-infiq tal-konsumatur qed jiżdied Prospetti ta’ xogħol aħjar, kunfidenza dejjem tiżdied u appoġġ kontinwu tal-gvern qed isaħħu l-infiq. L-irkupru kontinwu fid-domanda domestika u globali qed iżid l-ottimiżmu fost in-negozji. Dan jappoġġa l-investiment. Għall-ewwel darba mill-bidu tal-pandemija, l-istħarriġ tagħna dwar is-self bankarju jindika li l-finanzjament ta’ investiment fiss huwa fattur importanti li jmexxi d-domanda għal self lid-ditti.

Nistennew li l-attività ekonomika terġa’ lura għal-livell tagħha ta’ qabel il-kriżi fl-ewwel trimestru tas-sena d-dieħla. Iżda għad fadal ħafna xi jsir qabel ma tissewwa l-ħsara lill-ekonomija kkawżata mill-pandemija. In-numru ta’ nies fi skemi ta’ żamma tax-xogħol qed jonqos iżda jibqa’ għoli. B’mod ġenerali, għad hemm 3.3 miljun persuna inqas impjegati minn qabel il-pandemija, speċjalment fost iż-żgħażagħ u dawk li għandhom inqas ħiliet.

Politika fiskali ambizzjuża, immirata u kkoordinata għandha tkompli tikkumplimenta l-politika monetarja fl-appoġġ tal-irkupru. F’dan il-kuntest, il-programm tal-UE tal-Ġenerazzjoni li Jmiss għandu rwol ewlieni x’jaqdi. Se jikkontribwixxi għal irkupru aktar b’saħħtu u uniformi madwar il-pajjiżi taż-żona tal-euro. Se jaċċellera wkoll it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u jappoġġa r-riformi strutturali meħtieġa li jneħħu t-tkabbir fit-tul.

Inflazzjoni

L-inflazzjoni kienet ta’ 1.9 fil-mija f’Ġunju. Nistennew li l-inflazzjoni tiżdied aktar fix-xhur li ġejjin u terġa’ tonqos is-sena d-dieħla. Iż-żieda attwali hija fil-biċċa l-kbira mmexxija minn prezzijiet ogħla tal-enerġija u minn effetti bażi mit-tnaqqis qawwi fil-prezzijiet taż-żejt fil-bidu tal-pandemija u l-impatt tat-tnaqqis temporanju tal-VAT fil-Ġermanja s-sena li għaddiet. Sal-bidu tal-2022, l-impatt ta’ dawn il-fatturi għandu jisparixxi hekk kif jaqgħu mill-kalkolu tal-inflazzjoni sena wara sena.

Fi żmien qasir, il-laxkezza sinifikanti fl-ekonomija qed iżżomm lura l-pressjonijiet inflazzjonarji sottostanti. Domanda aktar b'saħħitha u pressjonijiet ta’ spejjeż temporanji fil-katina tal-provvista se jpoġġu xi pressjoni ’l fuq fir-rigward tal-prezzijiet. Iżda tkabbir dgħajjef tal-pagi u l-apprezzament tal-passat tal-euro jfissru li l-pressjonijiet tal-prezzijiet x’aktarx jibqgħu mrażżna għal xi żmien.

Għad fadal xi ftit x’naqdfu qabel ma jiġu eliminati l-konsegwenzi negattivi tal-pandemija fuq l-inflazzjoni. Hekk kif l-ekonomija tirkupra, appoġġata mill-miżuri tal-politika monetarja tagħna, nistennew li l-inflazzjoni tiżdied fuq żmien medju, għalkemm tibqa’ taħt il-mira tagħna. Filwaqt li l-miżuri tal-aspettattivi tal-inflazzjoni fuq żmien itwal żdiedu, dawn jibqgħu xi ftit ’il bogħod mill-mira tagħna ta’ tnejn fil-mija.

Valutazzjoni tar-riskji

Aħna naraw ir-riskji għall-prospetti ekonomiċi bħala ġeneralment ibbilanċjati. L-attività ekonomika tista’ taqbeż l-aspettattivi tagħna jekk il-konsumaturi jonfqu aktar milli mistenni bħalissa u jiġbdu aktar malajr mit-tfaddil li bnew matul il-pandemija. Titjib aktar mgħaġġel fis-sitwazzjoni tal-pandemija jista’ jwassal ukoll għal espansjoni aktar b’saħħitha milli previst bħalissa. Iżda t-tkabbir jista’ ma jissodisfax l-aspettattivi tagħna jekk il-pandemija tintensifika jew jekk in-nuqqas ta’ provvista jirriżulta li jkun aktar persistenti u jżomm lura l-produzzjoni.

Kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji

L-irkupru tat-tkabbir u l-inflazzjoni għadu jiddependi fuq kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli. Ir-rati tal-imgħax tas-suq naqsu mill-aħħar laqgħa tagħna. Il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament għall-biċċa l-kbira tad-ditti u l-unitajiet domestiċi jibqgħu f’livelli favorevoli.

Ir-rati ta’ self bankarju għad-ditti u l-familji għadhom storikament baxxi. Id-ditti għadhom iffinanzjati tajjeb bħala riżultat tas-self tagħhom fl-ewwel mewġa tal-pandemija, li parzjalment jispjega għaliex is-self lid-ditti naqas. B'kuntrast, is-self lill-unitajiet domestiċi għadu sod. L-iktar stħarriġ reċenti dwar is-self bankarju tagħna juri li l-kundizzjonijiet tal-kreditu kemm għad-ditti kif ukoll għall-unitajiet domestiċi stabbilizzaw ruħhom. Il-likwidità tibqa’ abbundanti.

Fl-istess ħin, l-ispiża għad-ditti tal-ħruġ tal-ekwità għadha għolja. Ħafna ditti u unitajiet domestiċi daħlu għal aktar dejn biex jikkumbattu l-pandemija. Kwalunkwe deterjorament tal-ekonomija jista’ għalhekk jhedded is-saħħa finanzjarja tagħhom, li tista’ tgħaddi għall-kwalità tal-karti tal-bilanċ tal-banek. Jibqa’ essenzjali li jiġu evitati piżijiet fuq il-karti tal-bilanċ u l-issikkar tal-kundizzjonijiet tal-finanzjament milli jsaħħu lil xulxin.

Konklużjoni

Fil-qosor, l-ekonomija taż-żona tal-euro qed tirkupra b’mod qawwi. Iżda l-prospettiva tkompli tiddependi fuq il-kors tal-pandemija u l-progress bit-tilqim. Iż-żieda attwali fl-inflazzjoni hija mistennija li tkun fil-biċċa l-kbira temporanja. Il-pressjonijiet tal-prezzijiet sottostanti x’aktarx jiżdiedu gradwalment, għalkemm l-inflazzjoni titħalla fuq medda ta’ żmien medju taħt sew il-mira tagħna. Il-miżuri politiċi tagħna, inkluża l-gwida riveduta tagħna għall-quddiem, se jgħinu lill-ekonomija tgħaddi għal irkupru sod u, fl-aħħar mill-aħħar, iġġibu l-inflazzjoni fil-mira tagħna ta’ tnejn fil-mija.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja